Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-isfidi taċ-ċittadini Ewropej jingħelbu wara li jkun sar diskors politiku bla kantunieri, bejn rappreżentanti tal-popli Ewropej. Inkluż li niddiskutu mill-qiegħ l-istrutturi politiċi li bnew ta’ qabilna jekk mhumiex iservu tajjeb lill-Ewropej.

L-argumenti favur aktar jew anqas Ewropa iħallu liċ-ċittadini fjakki minn għarfien ta’ x’inhu joħloq l-istaġnar ekonomiku u jġib daqstant nies qiegħda. L-Ewroparlamentari Malti qal li l-Parlament mhux jiddiskuti għaliex il-mudell soċjali Ewropew qed jiżżarma u kif nistgħu nibnu politika serja dwar l-immigrazzjoni. Din l-aġenda ġiet ikkapparata mill-estremi politiċi, u mill-hekk imsejħa populisti. Dan hu żball kbir. L-isfidi quddiem iċ-ċittadini Ewropej ma jingħelbux bid-diskorsi teknokratiċi li nisimgħu, qisna sirna funzjonarji tal-Fond Monetarju Internazzjonali.
Alfred Sant, li kien qed jitkellem fis-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell, qal li f’ Mejju, iċ-ċittadin Ewropew wera li jrid bidla fit-tmexxija tal-Ewropa. Forsi wkoll xtaq li s-sinjal għall-bidla jingħata minn dan il-Parlament. ‘Kważi sitt xhur wara l-elezzjonijiet Ewropej, nistaqsi: il-bidla li l-kostitwenti tagħna riedu, qiegħda sseħħ?’ staqsa Alfred Sant. ‘ Ingħid li mhijiex. Stennejt li jkollna dibattiti ċari dwar xi jridu l-popli Ewropej. Dwar fejn fl-aħħar snin, ittieħdu deċiżjonijiet tajba u fejn saru żbalji fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro. Stennejt mistoqsijiet dwar kif l-għaqda Ewropea qed taffettwa għat-tajjeb u għall-ħażin il-ħajja taċ-ċittadini li eleġġewna, ħalli fejn hemm x’jinbidel, jinbidel. Minflok, komplejna b’li kien qed isir hawn qabel Mejju. Ftit f’pajjiżi fehmu l-maniġġi dwar min laħaq President ta’ Kummissjoni, kumitat, delegazzjoni u ma nafx x’aktar. Ftit jimportahom.’ Qal Alfred Sant.
Tista’ ssegwi l-intervent ta’ Dr Sant fil-Parlament Ewropew fuq youtube

Facebook Comments

Post a comment