Il-Kummissjoni Ewropea qalet li fil-finanzjament għar-riċerka tal-kanċer tas-sider, se tkun qed tikkonċentra fuq il-mediċina personalizzata. Il-Kummissjoni użat ix-xahar ta’ Ottubru, iddedikat għall-għarfien dwar ir-riċerka tal-kanċer tas-sider, biex titkellem dwar l-avvanzi li saru fir-riċerka ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni tkellmet dwar it-TRANSBIG project. Dan il-proġett qed jipprova jtejjeb l-għaqda bejn ir-riċerka li ssir fil-laboratorju, it-trattament u t-testijiet mediċi (MINDACT). Dan il-proġett ifittex li janalizza liema huma l-aħjar ċirkostanzi fejn għandha tintuża l-kimoterapija f’dawk il-pazjenti li diġà jkunu għamlu operazzjoni tal-kanċer tas-sider. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet mistennija joħorġu fl-2015. F’dawn it-testijiet ħadu sehem 6, 600 mara minn disa’ pajjiżi differenti. Aktarx ir-riżultati se juru li bejn 10% u 20% tal-każi, il-kimoterapija se tkun tista’ tiġi evitata.
Qed isiru aktar proġetti f’dan il-qasam, fosthom dak imsejjaħ EPIC trials. F’dan il-proġett, 521,000 persuna qed tkun moniterata fuq perijodu ta’ 15-il sena. Dan l-istudju jisħaq dwar il-konnessjoni bejn id-dieta, it-tip ta’ ħajja u l-ambjent li fiha tkun qed tgħix persuna u r-riskji li l-istess persuna għandha biex tiżviluppa kanċer tas-sider. Il-proġett janalizza iċ-ċirkolazzjoni ta’ ċelluli li għandhom tumur u d-DNA fid-demm. Proġetti oħra bħal CareMore u CTCTrap jipprova jistabbilixxu kif tista’ taqbad din il-marda malajr kemm jista’ jkun. Il-proġett ASSURE jipprova jsib alternattivi għal mammografija, pereżempju permezz tal-ultrasound u l-MRI. Il-proġett RATHER iqabbel ċelluli normali ma’ dawk li għandhom il-kanċer, u l-proġett MERIT jirriċerka l-immunoterapija għal tipi differenti ta’ kanċer tas-sider invażivi li għad ma hawnx kura speċifika għalihom.

Facebook Comments

Post a comment