Il-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici qal li resqin lejn żmien meta ‘dil-logħba tal-Greċja trid tieqaf’. ‘Nappella lill-Gvern Grieg biex jiġi lura fuq il-mejda tan-negozjati u jaċċetta kompromess raġjonevoli biex nevitaw destin katastrofiku.’ Din it-twissija saret fost preokkupazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li l-banek Griegi ma jiftħux fil-ġranet li ġejjin.

Il-mexxejja taż-żona ewro se jiltaqgħu nhar it-Tnejn f’laqgħa urġenti dwar il-Greċja wara li ma ntlaħaqx ftehim fl-aħħar laqgħa tal-Eurogroup. Donald Tusk, President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qal li wasal iż-żmien li s-sitwazzjoni tal-Greċja tkun diskussa fl-ogħla livell politiku tal-UE. Ftit qabel il-President tal-Eurogroup Jeroen Dijsselbloem qal li ma ġiex reġistrat progress bejn il-Greċja u l-Eurogroup.

Bgħatna sinjal ċar lill-Gvern Grieg li jiddependi minnhom għal proposti ġodda’ b’riferenza għall-estensjoni tal-ftehim tal-bailout dwar is-self ta’ €7.2 biljun bi qbil mar-riformi li jridu jsiru fil-Greċja. Xorta għadu possibbli biex ikun estiż il-programm kurrenti’. Din kienet l-ewwel darba li Dijsselbloem semma l-kelma ‘estensjoni’ b’mod uffiċċjali.

Il-Ministru tal-Finanzi Grieg Varoufakis qal li ppreżenta ‘proposta komprensiva u b’saħħitha’ lill-Eurogroup. Fost il-Eurogroup hemm min qed jitlef il-paċenzja dwar il-proposti Griegi għax mhumiex ċerti jekk il-proposti humiex speċifiċi u jekk jirrappreżentawx il-fehma tal-Gvern Grieg. L-istrateġija tal-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras hi li jipprova jasal għal ftehim politiku dwar il-kriżi f’pajjiżu.

Facebook Comments

Post a comment