Il-ħidma tas-suq intern ewropew dan l-aħħar iffukat fuq il-karozzi tal-kiri. Dan għaliex il-kumpaniji li jipprovdu dan is-servizz kienu qed jiddiskriminaw lil klijenti tagħhom. Minħabba r-residenza tagħhom f’ċertu pajjiżi ewropej, il-klijenti mhux dejjem setgħu jibbenefikaw milli jikru karozza bl-aħjar prezz disponibbli onlajn. Issa, Europcar, Hertz u Aviz wiegħdu li se jevitaw li jiddiskriminaw lill-klijenti tagħhom b’dan il-mod.

It-tliet kumpaniji rrispondew b’mod pożittiv għal ittra tal-Kummissjoni fejn talbithom biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni fis-suq intern ewropew. Issa il-websajts tagħhom mhux se jitrattaw il-klijenti b’mod differenti fuq bażi tal-indirizz tagħhom, il-klijenti kollha se jkunu jistgħu jagħmlu l-booking tagħhom kompletament onlajn fuq kwalunke websajt nazzjonali tal-karozzi tal-kiri. Fl-aħħar, il-prezzijiet tal-karozzi tal-kiri mhux sippost li jinbidlu skont it-territorju li fih jgħix il-klijent. Tibdil fil-prezzijiet irid ikun ġustifikat, pereżempju tibdil fil-prezz minħabba tibdil fl-istaġun huwa permess.
Dan il-kompromess intlaħaq wara djalogu bejn il-Kummissjoni u l-kumpaniji tal-karozzi tal-kiri. It-tliet kumpaniji msemmija ma weġbux mal-ewwel għat-talba tal-Kummissjoni, mhux bħal kumpaniji oħra bħal Sixt, Enterprise u Goldcar. Il-kelliem għas-suq intern, Michel Barnier sodisfatt b’dan il-ftehim u jemmen li sar titjieb fis-sitwazzjoni għal dawk il-klijenti Ewropej li jkunu jridu jikru karozza fl-UE.

Facebook Comments

Post a comment