L-inċertezza dwar il-Greċja wasslet lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi t-tbassir ekonomiku tagħha dwar dan il-pajjiż. Wara laqgħa mal-Ministru tal-Finanzi Grieg Varoufakis, kien hemm qbil li l-laqgħa tal-‘Eurogroup’ tal-11 ta’ Mejju ma tkunx il-laqgħa kruċjali kif kien maħsub qabel. Meta wieħed iqis iż-żmien li ntilef f’diskussjonijiet mal-UE, il-Gvern Grieg għandu sitt xhur biss biex jintroduċi r-riformi fl-ekonomija Griega.

Pierre Moscovici, Kummissarju Ewropew qal li sa issa wieħed għad ma jistax jitkellem dwar x’se jsir mid-dejn li għandha l-Greċja mal-pajjiżi Ewropej. ‘L-ewwel irid jintlaħaq qbil fuq programm sħiħ ta’ riformi, programm dettaljat biex jagħti mbuttatura lill-ekonomija Griega. Jekk il-Greċja ma tonorax l-obbligi tagħha, il-‘Eurogroup’ mhux se jiċċaqlaq fuq dan. Biex l-ekonomija Griega tirkupra sa 2016, iridu jkunu implimentati r-riformi maqbulin fil-Greċja.’ Moscovici ltaqa’ ma’ Varoufakis. ‘Qed nittama li l-laqgħa tal-11 ta’ Mejju tal-‘Eurogroup’ tkun ‘siewja’, li l-Greċja u l-istituzzjonijiet tagħha jagħmlu progress fit-taħditiet li għaddejjin mal-UE’, qal Moscovici.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker ukoll qal li jiddependi mill-Greċja li timplimenta l-passi li sar qbil dwarhom. ‘Aħna rridu nirreaġixxu għal dak li bilfors se jkollha tagħmel il-Greċja’. qal Juncker.

Varoufakis kien Pariġi fil-5 ta’ Mejju fejn iltaqa’ mal-Ministru tal-Finanzi Franċiż Michel Sapin. Sapin qal li t-taħditiet kienu importanti.  ‘M’hemmx soluzzjoni oħra. Irid jinstab kompromess. Irid jintlaħaq qbil’. Qal Sapin.

Il-ballun jinsab f’saqajn il-Griegi.

 

Facebook Comments

Post a comment