Il-Kummissjoni Ewropea baqgħet ma tatx data definittiva meta se tagħlaq il-bini Jean Monnet fil-Lussemburgu fejn 1,700 impjegat, 50 minnhom Maltin, qed jaħdmu f’periklu kontinwu għal saħħithom minħabba l-preżenza tal-asbestos. Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li sal-lum kien hemm erba’ każijiet ta’ esponiment għall-asbestos u ġew rikonoxxuti bħala mard professjonali fost impjegati tal-Kummissjoni stazzjonati fil-binja Jean Monnet.  Il-KE wieġbet mistoqsijiet li kien għamel Dr. Sant fit-8 ta’ Diċembru 2014 dwar dan il-periklu, sitt xhur wara. Normalment il-KE tieħu massimu ta’ 6 ġimgħat biex twieġeb mistoqsijiet tal-MEPs.  Alfred Sant qal li l-KE qed tieħu fit-tul wisq biex tittratta l-problema tal-asbestos f’Jean Monnet.  ‘Il-KE għandha tagħti eżempju u tagħmel bħala priorita` s-saħħa tal-impjegati tagħha. Se nkompli nsegwi dan mill-qrib’, saħaq Dr. Sant.

Il-Viċi President tal-KE Kristalina Georgieva qalet li bħall-biċċa l-kbira tal-binjiet tas-sebgħinijiet, il-bini Jean Monnet  fih għadd ta’ applikazzjonijiet tal-asbestos.  Matul is-sajf tal-2013, seħħ inċident fil-Ħanut tal-Istamperija matul xogħol ta’ manutenzjoni, li rriżulta f’rilaxx ta’ fibri tal-asbestos. Georgieva qalet li immedjatament wara li ttieħdet id-deċiżjoni tal-KE biex jiġi abbandunat il-bini f’nofs Lulju 2014, is-servizzi kollha bdew jaħdmu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, sabiex jidentifikaw bini alternattiv għar-rilokazzjoni tal-impjegati preżenti fil-bini. Il-KE għamlet progress fl-identifikazzjoni ta’ bini għal din ir-rilokazzjoni kif ukoll fl-innegozjar tal-qsim tal-ispejjeż u tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ din l-operazzjoni flimkien mal-awtoritajiet Lussemburgiżi. L-għan huwa li l-bini jiġi abbandunat mill-aktar fis possibbli u qed isiru l-isforzi kollha possibbli biex jitħaffef dan il-proċess.

Facebook Comments

Post a comment