Is-Sudan t’Isfel waħdu kiseb 38% tal-għajnuna umanitarja tiegħu mill-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea waħedha tat €130 miljun mill-baġit tagħha għal din il-kriżi. Il-Parlament Ewropew ikkundanna l-vjolenza f’dal-pajjiż, li diġà wasslet għall-qtil ta’ 10,000 persuna, 1.4 miljun li telqu mill-villaġġi tagħhom u 3.8 miljun jgħixu f’kundizzjonijiet mill-agħar. Alfred Sant, li vvota favur din l-għajnuna dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t’Isfel, qal li wieħed ma jistax għajr jappoġġja bis-sħiħ l-azzjoni umanitarja mill-UE fis-Sudan t’Isfel.

’Tensjonijiet u kunflitti fis-Sudan u l-inħawi tal-madwar wasslu għal gwerer ċivili mdemmija, infrastruttura mwiegħra, strutturi soċjali meqruda, u sfurzaw miljuni ta’ persuni li jsibu kenn ’il bogħod minn darhom. Dan ikkontribwixxa lejn il-pressjonijiet tal-immigrazzjoni illegali ġewwa l-Afrika u l-Mediterran.’
Alfred Sant qal li l-Unjoni, b’mod awtonomu, teħtieġ li tniedi u ttejjeb is-sistema li għandha biex tikseb l-informazzjoni rigward is-sitwazzjoni ġenerali tas-Sudan u l-inħawi tal-madwar fir-rigward tas-sigurtà. L-Unjoni Ewropea teħtieġ li tiġbor informazzjoni rigward it-tensjoni tribali u etniċi u l-mod kif jinbidlu; l-użu tal-art; il-potenzjal tar-riżorsi f’materja prima u l-kompetizzjoni għal tali riżorsi; it-tibdil fil-klima; u jaf aktar importanti, il-movimenti kontinwi tal-popolazzjonijiet, kemm dawk fuq bażi volontarja u kemm dawk li le. Alfred Sant qal li dwar il-movimenti tal-popolazzjonijiet, għandna bżonn inkunu nafu x’inhuma l-prospetti fuq medda ta’ żmien qasir u fuq medda ta’ żmien naqra itwal. Alfred Sant qal li fil-preżent l-Unjoni Ewropea għad ma għandhiex dawn il-kapaċitajiet.
L-Ewroparlamentari Malti qal li l-Unjoni għandha bżonn tifhem aħjar sa fejn jistgħu jaslu l-pressjonijiet fis-Sudan u kif ukoll il-modi kif jistgħu jittaffew. Dan, għandu jsir biex l-impenji umanitarji u l-impenji dwar l-immigrazzjoni li jiġu magħmula mill-UE u l-istati membri jitwettqu f’qafas li ċ-ċittadini tagħna jkunu jistgħu jikkunsidraw bħala raġonevoli, prudenti u ħanin.

Facebook Comments

Post a comment