Nhar Sibt il-Għid, b’direttiva tal-Kummissjoni Elettorali, ħadd ma seta’ jmur iżur il-familjari tiegħu/tagħha fl-isptar jew residenza għall-anzjani ta’ San Vinċenz, Ħal Luqa. Dan għax ġimgħa qabel jinżammu l-elezzjonijiet għal numru ta’ kunsilli lokali u l-votazzjoni fir-referendum dwar kaċċa fir-rebbiegħa, l-anzjani residenti hemm ingħataw l-”opportunità” jivvotaw mill-isptar fejn jinsabu. U minħabba raġunijiet ta’ ”sigurtà”, fil-ġurnata ħadd ma seta’ jżurhom.

Ma setax ikun hemm arranġament aktar assurd u insensittiv minn hekk. L-awtoritajiet tal-gvern messhom indaħlu biex iwaqqfu din l-istupidaġni. Għal ħafna anzjani rikoverati f’San Vinċenz, żjara mill-familjari hi bil-wisq aktar importanti mill-elezzjonijiet lokali. Għal ħafna minnhom, lejlet l-Għid iġib tifkiriet li jkunu jixtiequ jiddiskutu dwarhom mal-qraba; imma dawn ma kinux magħhom.

Jekk veru hi daqstant importanti s-sigurtà tal-votazzjoni (li niddubita), messha nstabet soluzzjoni differenti. Nissuspetta li l-aktar element li tqies importanti fil-biċċa kien il-konvenjenza tal-Kummissjoni Elettorali.

Minflok rat kif se tpoġġi lill-anzjani fi kwarantina, kien ikun aħjar kieku l-Kummissjoni ħasbet biex tuża dawn l-elezzjonijiet lokali ħalli tniedi proġett pilota: wieħed maħsub ħalli l-elezzjonijiet jibdew isiru b’sistema elettronika li tevitalna l-melodrammi u t-telf ta’ ħin kull meta n-nies tivvota u kull meta niġu għall-għadd tal-voti.

***

Parties

Ma naħsibx li t-turiżmu Malti se jiggwadanja billi jippromwovi fostna ż-żamma ta’ parties internazzjonali kbar. Joħolqu wisq taħwid, ma jħallux daqstant benefiċċji, jagħtu fastidju lir-residenti tal-inħawi fejn isiru, u jħallu warajhom togħma morra fil-pajjiż li jospitahom. Mhux l-anqas minħabba r-reputazzjoni li tibqa’ mwaħħla miegħu. Jgħidu li attivitajiet hekk jatiraw liż-żgħażagħ. Forsi jattiraw aktar lil dawk li jafu kif jesplojtaw liż-żgħażagħ. Imbilli nħallu din-niċċa turistika lill-gżejjer Baleariċi, ma tantx se nkunu qed nitilfu opportunitajiet.

Fix-xahar li għadda, il-gvern ta bidu għal strateġija ambizzjuża biex iħajjar lejna t-turiżmu mediku. Din hi linja ta’ ħidma ħafna aktar diffiċli mil-linja tal-”parties”. Trid aktar ħsieb u ħidma attenta. Jekk tirnexxi, tħalli riżultati ħafna aqwa. Ikun aħjar jekk nikkonċentraw fuqha.

***

Iran

Waslu sal-aħħar b’suċċess in-negozjati bejn l-Iran u l-pajjiżi li riduh jikkommetti ruħu li mhux se juża l-qawwa nukleari li qed jiżviluppa biex biha jibni bomba.

Dan għandu jagħti lok għal sodisfazzjon fost kulħadd.

Nibża’ madankollu li t-tmexxija ta’ Iżrael u tal-Partit Repubblikan fl-Istati Uniti se jirnexxilhom jittorpedinaw il-ftehim milħuq. Dnub.

Mir-Repubblikani tistenna li jaraw kif b’kull mezz ipoġġu lill-President Obama b’dahru mal-ħajt.

Minn Iżrael, id-dnub qiegħed f’kif il-gvern ta’ Netanjaħu baqa’ jinjora l-ħtieġa ta’ kompromess ta’ veru minn kulħadd. Sal-lum, l-unika potenza fil-Lvant Nofsani b’bomba nukleari hi Iżrael.

Facebook Comments

Post a comment