Is-servizzi li jipprovdi l-gvern fl-iskejjel, l-isptarijiet u l-bereġ iridu jlaħħqu ma’ bżonnijiet li jiżviluppaw maż-żmien. Il-mod kif jitwasslu lill-poplu x’aktarx tfassal fil-bidu li s-servizzi bdew jingħataw u forsi nbidel mas-snin skont il-prattika miksuba. Ta’ spiss ħafna madankollu, jiġri li t-tħaddim tas-servizzi ma jlaħħaqx mal-bidliet fil-bżonnijiet.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jidher dan in-nuqqas. Mhuwiex tort ta’ dawk li jmexxu jew jaħdmu f’servizzi governattivi. Ikollhom struzzjonijiet dwar kif jaħdmu u jkunu draw il-proċeduri li bihom isiru l-affarijiet. Ma jingħatawx gwida dwar kif jistgħu jtejbu l-operat tagħhom biex jilqgħu għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi.

Hemm bżonn ta’ aġġornament kontinwu fil-prattiċi li bihom jimxu s-servizzi governattivi. Dan ma jistax isir bl-addoċċ jew skont x’naħsbu int u jien fl-ajru.

Qabel xejn, irid jitwettaq awditjar maniġerjali serju ta’ servizz mogħti. Dan iqis kemm għadhom effettivi s-sistemi ta’ amministrazzjoni u kura biex jilqgħu għall-ħtiġiet soċjali li nbidlu fost il-poplu. Hemm bżonn ta’ awditjar hekk fl-aktar oqsma soċjali sensittivi, bħal fil-housing soċjali u l-kura tal-anzjani.

***

Traffikar

Inkwetanti ħafna r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-tħaddim tal-liġijiet u l-kontrolli f’Malta fil-qasam tat-traffikar tal-persuni. Jurina bħala wieħed mill-aktar pajjiżi laxki fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha. Ma nistax nifhem għaliex dan għandu jkun.

Veru li pajjiżna (jew partijiet minnu) kien magħruf fi żmien l-imperu Ingliż bħala ”hub” (biex nuża kelma moda) tal-prostituzzjoni. Veru wkoll li għal xi żmien f’Soho, distrett ta’ Londra, il-Maltin kienu magħrufa bħala s-sinsla tal-eqdem professjoni kif prattikata hemm.

Dan bl-ebda mod ma jiġġustifika li fi żminijietna l-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom għal x’inhu jiġri madwarna, li bilfors jissarraf f’esplojtazzjoni ta’ nisa u tfal, l-aktar minn fost l-immigranti u minn ċerti pajjiżi Ewropej.

Tkun ħaġa xierqa kieku l-ministru konċernat jagħti spjega lill-Parlament dwar x’inhu għaddej f’dal-qasam.

***

Mogherini

Meta Federica Mogherini nħatret il-viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigata mill-affarijiet barranin, ħafna gemgmu minn taħt li qed ixxidd żarbun kbir wisq għaliha.

Sal-lum, rajtha tagħmel numru ta’ preżentazzjonijiet fil-Parlament Ewropew u fil-grupp tas-soċjalisti. Segwejt interventi oħra tagħha matul daż-żmien qasir li ilha fil-kariga.

Sibtha personalità impressjonanti: ċara u diretta f’li tgħid, bla blaff jew arroganza, u teknikament soda dwar il-materji li tkun qed tirrapporta fuqhom. Tidhirli waħda mill-aħjar kummissarji fil-Kummissjoni l-”ġdida” ta’ Jean Claude Juncker, fejn numru ta’ membri qed ikunu diżappuntanti f’ħidmiethom. Dak li kisbet il-Kummissjoni bin-nomina ta’ Mogherini, naħseb li tilfu l-gvern Taljan. Imma Mogherini għadha żagħżugħa biżżejjed biex eventwalment terġa’ ssib postha fi gvern Taljan tal-futur.

Facebook Comments

Post a comment