Stramb kif qed jispiċċa s-sajf fi Strasburgu fejn kont din il-ġimgħa għal-laqgħat plenarji tal-Parlament Ewropew. Dis-sena qaluli għamlet ħafna xita matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu. Issa, t-temp qaleb għal bnazzi u sħana pjaċevoli, mhux waħda tifgak bl-umdità kif għadu qed jiġri f’Settembru fostna.
Biss, ix-xemx tidher tard filgħodu, kwazi jkun wasal nofsinhar. Sa dak il-ħin, u speċjalment lejn id-disgħa, il-belt tkun maqbuda fi gverta kbira u ħoxna ta’ ċpar. Il-katidral tarah jintilef f’dil-gverta u anki l-ġnub tat-toroq minn fejn isuquk bilkemm jingħarfu.
Mhux kulħadd iħobbhom dawn l-effetti. Lili jogħġbuni. Il-belt donnha tisbieħ bihom, aktar u aktar għax ma jgħabbukx bid-dwejjaq tar-riħ isfel. Meta titfaċċa x-xemx u tlaħlaħ iċ-ċpar minn fuq il-bini, il-belt ta’ Strasburgu tkompli tisbieħ.

X’INTQAL DWAR L-GĦAZLA TA’ JUNCKER

Waqt li issa jinsabu avvanzati t-tħejjijiet biex il-kumitati tal-Parlament Ewropew jiltaqgħu mal-persuni magħżula bħala kummissarji ġodda, l-kummentarji dwar kif Jean Claude Juncker ddeċieda li jqassam il-karigi baqgħu għaddejja ġmielhom. Fl-Unjoni Ewropea jagħtu importanza kbira lejn min ikollu responsabbiltà għal liema qasam: b’hekk ikejlu kemm ikun rebaħ jew tilef saħħa l-grupp politiku u l-istat li minnhom tkun ħarġet il-persuna magħzula. Dan l-istħarriġ ta’ spiss iwassal, m’hemmx għalfejn ngħidu, għal konkluzjonijiet li ġieli jkunu kuntradittorji.
B’hekk mistoqsija li nstemgħet bil-kbir fl-aħħar ġimagħtejn kienet: bl-għazliet li saru, kif marret il-Ġermanja? Issaħħet jew iddgħajfet? Skont talanqas sezzjoni mill-midja Ġermanizi, l-għazliet ta’ Juncker dwar karigi kienu daqqa ta’ ħarta għall-Ġermanja. Dan għax il-kummissarju Ġermaniz ingħata ħatra li mhijiex mitqiesa bħala fost l-ewlenin. Il-magazin Der Spiegel ħareġ jgħid li l-kanċellier Merkel kienet ġiet milgħuba meta ta’ madwarha pperswadewha taċċetta li min jirbaħ l-elezzjonijiet Ewropej bħala mexxej ta’ lista politika jingħata ċ-ċans li jmexxi l-Kummissjoni.
Fl-istess zmien li Der Spiegel kiteb hekk, ġurnal Ewropew influwenti ieħor, The Economist, kien qed jikkummenta li Merkel rebħet doppjament: l-aqwa karigi fil-Kummissjoni jekk ma marrux għand Ġermanzi, ittieħdu minn pajjizi u persuni li jistqarru l-politika Ġermaniza dwar it-tmexxija tal-Ewropa; waqt li rrapporta ukoll kif fl-istess zmien, id-diplomatiċi Ġermanizi kienu qed jisħqu biex fost il-funzjonarji għolja li jservu lill-Kummissjoni Ewropea f’postijiet strateġiċi, ikun hemm prezenza Ġermaniza qawwija.
Dwar min għandu raġun f’dan kollu, jagħtina parir iz-zmien.
Sadattant, ħaġa waħda baqgħet toħroġ ċara f’dan kollu: bil-ħatra ta’ Jean Claude Juncker, il-bilanċ tal-poter fi ħdan il-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni kien miel aktar lejn il-lemin-ċentru. Dan ġara minkejja li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju, għalkemm iċ-ċentru-lemin baqa’ l-aqwa partit fl-Ewropa, kellu rizultat ħafna agħar minn tas-soċjalisti. Numru ta’ deputati soċjalisti huma imgħaddba sew b’li ġara.

***
LAQGĦAT
Flimkien ma’ sħabi d-deputati l-oħra kelli laqgħa mas-segretarju parlamentari Ian Borg li ġie fil-Parlament Ewropew biex jiltaqa’ ma’ rapprezentanti għolja tal-kumitati tal-Parlament bi tħejjija għall-ħidma li tkun trid twettaq Malta fis-sena 2016 meta se tassumi l-Presidenza tal-Unjoni. Ħabrieki bħal dejjem, kellu programm mimli sal-aħħar ta’ laqgħat. L-għan tagħhom kien li titħejja t-triq biex meta Malta tassumi l-Presidenza, ikunu nbnew kuntatti u strutturi ta’ ħidma li jippermettu lill-Presidenza Maltija tindiehes sew mal-parlamentari Ewropej li jkollhom sehem fid-deċizjonijiet li jkunu jridu jittieħdu.
Laqgħa oħra wkoll kienet ma’ Karmenu Vella li qed iħejji għall-intervisti li se jkollu mal-kumitat tal-ambjent fil-Parlament Ewropew. Għandu biċċa xogħol kbira quddiemu biex fil-ġimgħa u nofs li baqa’, ikun jista’ iġewwez fl-informazzjoni dwar l-oqsma li ngħata li huma mifruxa mhux ħazin. Kif mill-ewwel fhimt li se jiġri, il-perit Vella daħal għax-xogħol bir-ras u ma jdumx ma jifhem kif isiru l-affarijiet, anki meta jkunu kumplikati. Il-moral tiegħu hu mill-aqwa.

***
FTEHIM MAL-UKRAJNA
Kien hemm diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar ir-ratifika tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar assoċjazzjoni ekonomika bejniethom. Meta ġew biex jinnegozjaw u jiffinalizzaw dal-ftehim mal-Ukrajna, l-Ewropej kwazi b’xejn ma qiesu li l-ftehim se jkun qed joħloq disturb kbir fost l-akbar ġar tal-Ukrajna, r-Russja. Ġustifikat jew le, ma ħasbux kif jistgħu jilqgħulu b’mezzi politiċi u diplomatiċi. Issa fl-aħħar għoxrin sena, l-Ewropej kabbru rabtiet ekonomiċi qawwija mar-Russja, fosthom u bil-kbir, fil-qasam tal-enerġija.
B’maġġoranza kbira, il-Parlament Ewropew ivvota favur li jiġi ratifikat il-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Kien hu fil-fatt li ta bidu għall-konfront bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u f’nofs l-Ukrajna nnifisha.
Fl-istess waqt, il-Parlament tal-Ukrajna għadda l-istess ratifika. F’ġest teatrali li ntqal sar bħala wirja ta’ solidarjetà mal-Ukrajna, il-Parlament Ukren ingħaqad bil-video mal-Parlament Ewropew waqt li ttieħdu z-zewġ voti.
Bħalissa l-konfront fl-Ukrajna jinsab f’fazi delikata. Hemm qbil biex jieqaf il-ġlied li donnu qed jinzamm. Zgur li hemm negozjati moħbija għaddejja. Ftit sar diskors dwar kif ir-ratifika tal-Parlamenti Ewropew u tal-Ukrajna tista’ taffettwa din il-qagħda delikata.

***
ASTENSJONI
Ħassejt bil-qawwi li fuq il-vot dwar ratifika tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Ukrajna personalment kelli nastjeni. Mhux għax ma naqbilx mal-prinċipju li kemm l-Ukrajna u kemm l-Unjoni Ewropea għandhom id-dritt jaslu għal dwar ftehim hekk b’mod ħieles, jew li għandu jkun hemm ftehim. Imma l-ġrajjiet fl-Ukrajna malajr jistgħu jiġbdu lill-Ewropa fi gwerra ġdida. Waqt li l-ebda naħa mhi qed tgħid il-fatti kollha, qed jinzamm bħalissa ftit jew wisq, qbil dwar waqfien mill-ġlied fl-est tal-Ukrajna. Deherli li r-ratifika issa tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni mill-Parlament Ewropew u bil-mod kif sar, seta’ jkun ta’ dannu kbir fil-qagħda delikata li ninsabu fiha. Jidhirli wkoll li ftit (u dan anki waqt id-dibattitu fil-Parlament Ewropew) qed jingħata kont tal-interessi taċ-ċittadini fl-est tal-Ukrajna. Il-proċess tar-ratifika seta’ ġie pospost; il-mod kif sar kien imprudenti.
Is-solti ċrieki li jħobbu jqanqlu t-tkeskis f’Malta raw kif joħolqu kontroversja ċkejkna dwar dan. Drajt sew issa kif jaħdmu u ma jimpressjonawnix.

***

L-EKONOMIJA ĠERMANIZA
Mal-Ewropa, tqanqlu kemm-il argument kontra l-politika tal-gvern Ġermaniz li jibqa’ jinsisti għall-awsterità. Jekk il-gvernijiet ma jirrestrinġux in-nefqa tagħhom biex ma jispiċċawx b’ħofor kbar wisq fil-baġits tagħhom, mhux se jissawru l-kondizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku biex jinħolqu l-impjiegi: hekk issostni l-kanċellier Merkel. U dis-sena, sena aktar kmieni milli kien bassar, il-ministru tal-finanzi Ġermaniz ħareġ jiftaħar li l-baġit tal-Ġermanja spiċċa f’bilanċ sħiħ.
Dawk li ma jaqblux mal-argument tiegħu jinsistu kif l-awsterità twassal biex il-flus fl-idejn jinxfu, il-kummerċ jistaġna u l-impjiegi jkomplu jonqsu. Hemm bzonn nefqa tal-gvern li tizgura li r-rota ekonomika tibqa’ ddur. Imma dawk li jaħsbuha bħall-Ġermanja ma jridux jafu.
Biss, qed tiġri ħaġa kurjuza. L-ekonomija Ġermaniza donnha qed taqta’ nifisha. Kiber il-biza’ li se tispiċċa f’riċessjoni. L-inkwiet li nqala’ dwar l-Ukrajna kompla jzid dal-biza’.
Qed iqumu ilħna biex jgħidu li forsi wasal iz-zmien li l-gvern Ġermaniz jibdel id-diska tiegħu.

***
L-EBOLA U L-EWROPA

Il-marda tal-ebola qed tqanqal tħassib dejjem akbar fl-Ewropa. Dibattitu li nzamm fil-plenarja tal-Parlament Ewropew din il-ġimgħa kkonferma dil-ħaġa. Deputati tkellmu dwar il-konsegwenzi ta’ li jinsab għaddej fl-Afrika u ħeġġew għal ħidma aktar mifruxa dwarha li tkopri diversi inizjattivi fuq diversi fronti. Aktar minn xahar ilu għamilt mistoqsija parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea dwar x’sar biex l-Unjoni Ewropea jkollha pjan integrat ħalli tilqa’ għat-theddida tal-ebola, pjan li jinkludi l-aspetti tas-saħħa pubblika, tar-riċerka, tas-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri, tal-għajnuna umanitarja u tal-fondi għall-koperazzjoni mal-pajjizi Afrikani. Sal-lum, il-mistoqsija għadha mhux imwieġba.
Zgur li l-Ewropa ma tistax tinjora din it-theddida. Irridu ngħinu bil-mezzi kollha possibbli biex il-marda tiġi kontrollata fl-Afrika nnifisha u biex ma nħalluhiex tkompli tinfirex lejn partijiet oħra tad-dinja għax inkella jseħħ katastrofi enormi.

SKOZJA

Ir-rizultat tar-referendum Skoċċiz dwar l-indipendenza issa magħruf. Tajjeb ninnota hawn kif kull fejn tmur fi Strasburgu din il-ġimgħa — fl-uffiċċji, fis-sala plenarja tal-Parlament Ewropew, fil-bars u r-ristoranti — id-diskors jispiċċa jagħqad dwar x’se jiġri mill-Iskozja.
Punt interessanti li smajt aktar minn darba kien li jkun xi jkun ir-rizultat Skoċċiz, ir-referendum organizzat hemm x’aktarx iwassal biex aktar reġjuni fl-Ewropa jitħajru jzidu fl-isforzi tagħhom għal ħelsien jew għal awtonomija akbar.

21 TA’ SETTEMBRU 2014

Facebook Comments

Post a comment