Frankament narahom ftit pwerili l-argumenti dwar jekk il-gvern Malti hux iżid fid-dejn tiegħu. Kemm il-gvern u kemm l-Oppożizzjoni għandhom parti mir-raġun. Veru li l-ammont tad-dejn nazzjonali qed jiżdied, kif issostni l-Oppożizzjoni. Imma veru wkoll li l-proporzjon tad-dejn bħala persentaġġ tal-ekonomija Maltija qed jonqos b’rata eżemplari.

Dan għax l-ekonomija qed tikber b’rata reali li hi impressjonanti.

Issa qed jidher dejjem aħjar kif l-isforz politiku tal-gvern Nazzjonalista mmexxi minn Dr Gonzi ħalli jibqa’ f’postu akkost ta’ kollox sas-sena 2013, kien fattur importanti fl-istaġnar tal-ekonomija tagħna. Malli nbidel il-gvern, l-ekonomija telqet.

Imma mhux dan li nara bħala l-aktar importanti.

Il-mistoqsija trid tkun: In-nefqa tal-gvern fejn sejra? Qed tħeġġeġ aktar investiment pubbliku u privat? Jekk iva, f’liema setturi? Jekk iva, kif qed titwettaq?

F’Malta, bħal fil-bqija tal-Ewropa, il-ħtieġa li jitkattar l-investiment tibqa’ akuta. Imma jrid ikun investiment għaqli, f’setturi kruċjali. Ma jridx ikun spekulazzjoni. Irid jitħaddem b’mod serju, mhux bħal fil-borma mħawda tal-Mater Dei. Dik għadha sal-lum għajn tal-akbar inkwiet u ħala minħabba l-mod stess kif twettaq l-investiment li xorob miljuni fuq miljuni ta’ investiment publiku Malti.

***

Terroriżmu fil-Libja

Ħaġa ċara li l-qagħda fil-Libja hi serja u se tisserja aktar. Wieħed ma jridx jinħakem mill-paniku. Min-naħa l-oħra lanqas irridu nippożaw ta’ nies li għandna xi influwenza sostantiva fuq dak li qed jiġri. M’għandniex.

Il-gvern qiegħed iġib ruħu b’mod kawt u attent; dwar hekk jistħoqqlu kull appoġġ.

L-attakk terroristiku fuq il-lukanda “flagship” tal-Corinthia fi Tripli ma jissorprendix.

Il-Libja hu pajjiż ġar li miegħu dejjem kellna rabtiet preferenzjali. Ċerti Maltin ma kinux jagħrfu kif jgħożżuhom.

Il-Libja tinsab maqbuda f’tensjonijiet li mhux se jinħallu malajr.

Tajjeb li bla illużjonjiet, nibqgħu disposti biex nagħtu l-appoġġ tagħna lil min hu ta’ rieda tajba ħalli l-Libja terġa’ tiġi fuq saqajha. Biex dal-proċess jirnexxi, kulħadd irid jaċċetta r-responsabbiltajiet tiegħu għal dak li ġara u qed jiġri.

***

Awxvitz

L-anniversarju li ġie ċelebrat dil-ġimgħa tal-“liberazzjoni” tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Awxvitz qajjem riflessjonijiet kommoventi. F’din l-Ewropa li llum tidhrilna kontinent fejn tista’ tgħix ħajja sabiħa u trankwilla, twettqu ftit tas-snin ilu atroċitajiet li ma jitwemmnux.

Il-poplu Lhudi u dawk kollha ta’ rieda tajba li jobogħdu r-razziżmu ta’ kull xeħta għandhom raġun jisħqu fuq il-ħtieġa li l-ħniżrijiet ta’ Awxvitz jibqgħu jitfakkru bil-kbir. B’sens ta’ kundanna u twissija.

Jien, li nemmen mija fil-mija fil-kawża tal-Palestina, naqbel bla riżerva ma’ din it-tifkira. Nara li xorta waħda dal-qbil jippermettili nikkundanna l-mod kif Iżrael jittratta ‘l-Palestinjani.

Facebook Comments

Post a comment