Dan is-sajf x’aktarx qed jimmarka punt kruċjali ta’ bidla fil-mod kif l-identità tal-Ewropa magħquda qed tiżvolġi. Xejn ma jipponta lejn dan aktar mill-iżviluppi politiċi li seħħew fil-Ġermanja u fil-Greċja. Tal-ewwel hu l-aktar pajjiż sod u qawwi fl-Unjoni Ewropea, tat-tieni l-pajjiż Ewropew li jinsab dahru għal kollox mal-ħajt. It-tnejn għandhom gvernijiet immexxija minn partiti li rebħu bil-kbir l-aħħar elezzjonijiet ġenerali li saru.
Biss meta l-Parlamenti rispettivi waslu biex jivvotaw fuq l-aħħar ftehim ta’ “salvataġġ” għall-Greċja, iż-żewġ gvernijiet kellhom bżonn il-voti ta’ deputati li mhumiex membri tal-partiti rebbieħa biex ikunu jistagħu jġibu l-approvazzjoni tal-ftehim. Sadattant, bejn id-diriġenti u l-poplu tal-Ġermanja u dawk tal-Greċja daħal sentiment ta’ suspett u sfiduċja – biex wieħed ma jgħidx ribrezz – li hu bla preċedent bejn żewġ membri tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, hemm oqsma oħra li qed isiru dejjem aktar kruċjali u li dwarhom l-Ewropej qed isibuha diffiċli jaqblu. Fuq quddiem nett, barra l-problemi tal-Greċja, hemm dawk tal-immigrazzjoni, li donnhom qed jaħarbu mill-kontroll ta’ pajjiż wara l-ieħor.
F’ċirkostanzi bħal dawn, mhix ħaġa stramba li jqumu mistoqsijiet ġodda dwar l-identità tal-Unjoni kollha kemm hi. X’inhu li se jżommha magħquda?
Biex tirrispondi għal dil-mistoqsija, trid tistaqsi l-ewwel: x’kien li żammha magħquda sa issa?

GWERER EWROPEJ

Għal snin twal, it-twaqqif tal-Unjoni Ewropea kien jiġi mfisser bħala sforz maħsub mill-pajjiżi Ewropej tal-Punent biex b’koperazzjoni bejniethom, jiġu evitati l-gwerer qerrieda li kienu kissru lill-Ewropa. Dil-koperazzjoni ħadet ix-xeħta ta’ għaqda ekonomika akbar tas-swieq tagħhom, imbagħad ukoll ta’ aspetti ewlenin tal-politika soċjali u ambjentali fost oħrajn.
L-isforz li sar kellu riżultati ta’ suċċess kbir. Ma seħħewx aktar gwerer Ewropej kbar. Fl-istess ħin, l-għaqda ekonomika tat lok għal tkabbir ta’ bejgħ u xiri li ġab miegħu ħolqien ta’ impjiegi u titjib fl-istendards tal-għajxien tal-popli Ewropej membri tal-hekk imsejjaħ (dak iż-żmien) Suq Komuni. Aktar nazzjonijiet xtaqu jidħlu membri tal-għaqda. Fil-proċess, pajjiżi li kienu għadhom immexxija b’mod dittatorjali, bħal Spanja u l-Portugall, inbidlu f’demokraziji parlamentari ġenwini.
Aktar ma għaddew is-snin, aktar kibret ir-rankatura biex l-għaqda bejn il-pajjiżi Ewropej, li bdiet tissemma Unjoni, tkompli tiżviluppa fuq żewġ binarji. Wieħed kellu jwassal lejn għaqda dejjem akbar bejn il-pajjiżi involuti. L-ieħor kellu jara li jiżdied il-għadd tal-pajjiżi membri. Dawn iż-żewġ miri bdew jitilqu bogħod sew mill-għan oriġinali li jiġu evitati fil-futur il-gwerer Ewropej. Kienu jiġu ġustifikati billi jintqal li l-għaqda ekonomika tal-Ewropa tista’ tisfaxxa jekk ma tibqax sejra sal-aħħar. Kien jintqal li l-Ewropa ma setgħetx tirrifjuta talbiet li jaslulha minn pajjiżi Ewropej demokratiċi biex isiru membru tagħha. U veru, kiber in-numru ta’ pajjiżi li xtaqu jagħmlu dan.

LEJN GĦAQDA AKTAR PROFONDA

Sadattant, il-qafas internazzjonali li fih żvolġew il-bidliet fl-Unjoni Ewropea kien hu wkoll qed jinbidel bil-kbir. Il-globalizzazzjoni tal-ekonomiji saret fenomenu li mess kull aspett tal-ħajja. Ġie megħjun bil-kbir mill-iżviluppi kbar fit-teknoloġija tal-kumnikazzjoni, u mhux biss bl-internet. Il-pajjiżi Ewropej ma kinux qed jikkompetu biss bejniethom, imma mal-ekonomiji tad-dinja kollha, u viċi versa.
Żvilupp importanti ieħor kien il-kollass tal-Unjoni Sovjetika, li minnha ħarġu saffi ġodda ta’ pajjiżi Ewropej. Ir-Russja dehret bħala l-aqwa pajjiż minnhom, waqt li l-Ġermanja li kienet baqgħet maqsuma f’żewġ pajjiżi minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ngħaqdet mill-ġdid u saret il-potenza dominanti fil-punent tal-Ewropa.
Kien f’dan il-qafas li l-Unjoni Ewropea telqet fuq l-aqwa proġett tagħha minn meta rnexxielha toħloq tassew is-suq komuni Ewropew. Dan kien it-twaqqif ta’ munita komuni għall-pajjiżi Ewropej, l-ewro. Inkitbu u ntqalu ħafna affarijiet dwar l-ewro. Għad baqa’ ħafna x’jintqal u jinkiteb. Dwar per eżempju, kif il-binja tiegħu kienet difettuża għax waqt li ddaħħlet munita waħda, l-għodod ekonomiċi li suppost ikunu qed iwieżnu munita – bħal Teżor li jopera b’mod komuni kull fejn titħaddem il-munita – baqa’ ma twaqqafx.
Madankollu, għal snin twal, l-istorja tal-ewro kienet suċċess. Id-dinja għaddiet minn żmien fejn l-ekonomiji kapitalisti kienu qed jikbru b’rata sodisfaċenti, u l-istess l-Ewropa. Ħafna madankollu ma kinux qed jagħtu wisq kas tal-fatt li kull parti tal-ekonomija tad-dinja saret tiddependi minn kull parti oħra, l-aktar permezz tar-rabtiet finanzjarji bejniethom. Dawn saru qishom il-vini li jżommu kollox għaddej bid-demm li jgħaddi minnhom. Jekk dad-demm jiġi kontaminat, l-infezzjoni tiġri minnufih ma’ kull parti tad-dinja.
Hekk ġara bil-kriżi finanzjarja tas-sena 2008. Marad kulħadd, inkluża l-Unjoni Ewropea, speċjalment il-parti tagħha li qed tuża l-munita tal-ewro.

XI JMISS?

Minn dak iż-żmien lil hawn, l-Unjoni Ewropea tilfet ħafna mil-lostru tagħha, f’għajnejn l-Ewropej infushom, u anki fost barranin għall-Ewropa. Xorta għal ħafna popli, għadu attrajenti l-istil ta’ ħajja politika li tippromwovi, fejn id-demokrazija parlamentari u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem baqgħu ċentrali. Xorta fost nies minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, għad hemm is-sentiment li l-Ewropa tfawwar bil-ġid u x-xogħol.
Imma r-realtà hi li fl-aħħar snin, ir-ritmu tal-ekonomiji Ewropej batta sew u għad ma rkuprax. Il-qgħad għola bil-qawwi. Biex jilqgħu għall-kriżi fiż-żona ewro, l-Ewropej mexxew politika ta’ issikkar taċ-ċinturi fil-finanzi publiċi li darrset lil miljuni ta’ ċittadini. Qamu movimenti politiċi li qed imaqdru minn ġewwa l-għanijiet u d-direzzjoni li ħadet l-Unjoni.
F’dawn il-kondizzjonijiet, l-istqarrijiet tal-imgħoddi dwar il-miri li għandu jkollha l-Ewropa – anzi, anki dwar l-istess identità tagħha – m’għadhomx konvinċenti bħal qabel. Minflok għaqda bejn il-popli, l-istess Unjoni donnha qed ixxerred diżgwid, kif rajna bejn il-Griegi u l-Ġermaniżi. L-immigrazzjoni rregolari li faret lejn l-Ewropa minn punti differenti tal-kumpass, kompliet iżżid mal-isfida.
Biex issostni l-identità tagħha, qed jidher dejjem aktar ċar li l-Ewropa jew l-Unjoni Ewropea se jkollha, trid jew ma tridx, twieġeb għal mistoqsija kruċjali: Quo Vadis?

Facebook Comments

Post a comment