Saret il-laqgħa bejn il-Prim Ministru Grieg Tsipras u l-kanċellier Ġermaniża Merkel f’Berlin. Damet ħames sigħat. Kienet kordjali skont rapporti tal-istampa Griega. L-istampa Ġermaniża baqgħet aktar kawta. Ma ddiskutewx “dettalji” ta’ kif l-Ewropej jistgħu jaħfru aktar mis-self tagħhom lill-Greċja jew kif din tal-aħħar se twettaq ir-riformi li l-Ewropej jixtiequ jaraw fil-pajjiż.
Merkel mid-dehra aktar riedet tiżen il-fatturi politiċi li qed jaffettwaw il-pożizzjonijiet li ħa sa issa l-gvern Grieg. Tsipras min-naħa tiegħu ried jara kif itaffi s-sentimenti ta’ qrusa u antagoniżmu li l-istqarrijiet tal-ministri Griegi u tiegħu kienu qanqlu fl-aħħar ġimgħat fost il-mexxejja tal-Ġermanja.
Tsipras reġa’ wiegħed li dalwaqt jipprovdi lista dettaljata tal-miżuri li se jkun qed jieħu biex idaħħal ir-riformi meħtieġa biex il-gvern tiegħu ikollu dħul finanzjarju biżżejjed ħalli jkun jista’ jkampa. Il-biċċa tħalliet titwal wisq; intqal li fl-ewwel nofs ta’ April, il-gvern Grieg jista’ jispiċċa bla flus biex iħallas lill-impjegati tiegħu. Imma l-gvernijiet tal-ewro, u mhux biss il-Ġermanja, qed jinsistu li qabel ma jkollhom lista soda ta’ miżuri mhumiex se jaċċettaw li jinħarġu aktar flus lill-Greċja. Fuq quddiem nett biex jgħid dan, hemm il-ministru tal-finanzi Spanjol Guindos.
Ftit tal-jiem ilu, Tsirpas akkuża lill-gvernijiet ta’ Spanja u l-Portugall li qed jagħmlu l-affarijiet diffiċli għal tal-apposta. Peress li għandhom elezzjonijiet riesqa, ma jridux joħorġu ta’ mazzita mal-elettorati tagħhom, li ilhom is-snin ikarkru bil-miżuri iebsa tal-awsterità. Jekk issa l-Greċja jirnexxilha tinħall minn uħud mil-istess mizuri, u dan anki bl-għajnuna ta’ flus li se jkunu ħarġu jew iggarantixxu huma, iċ-ċittadini Spanjoli u Portugizi mhumiex se jqisu l-izvilupp mingħajr ma jqabbluh ma’ li ġara fosthom.
Sadattant, il-laqgħa bejn Merkel u Tsirpas serviet biex iżżid ftit tal-fiduċja li t-trattattivi mal-Greċja mhux se jikkollassaw. Minn naħa, l-kanċellier Ġermaniża tat x’tifhem li b’xejn ma trid li l-kriżi Griega tispiċċa xxaqqaq iż-żona tal-ewro. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Grieg reġa’ afferma li jqis li l-Greċja għandha u trid tibqa’ membru sħiħ taż-żona ewro. Għad irridu naraw kemm dan kollu se jwassal għal passi konkreti li jkunu aċċettabbli għall-Griegi u l-Ewropej.

***

ĠERMANJA LI MHIX MAĦBUBA

Qed jitqanqal inkwiet fost mexxejja Ġermaniżi għall-fatt li n-nazzjonijiet Ewropej l-oħra mhumiex jarawhom daqstant sbieħ. L-ekonomija Ġermaniża hi l-unika waħda fl-Ewropa li baqgħet iżżomm ritmu tajjeb fl-aħħar snin. Fl-istess zmien, il-Ġermanja baqgħet tinsisti biex l-ekonomiji Ewropej, l-aktar dawk tal-ewro, jitmexxew b’galbu. Dan il-galbu ssarraf f’issikkar qawwi taċ-ċinturin. Ħafna Ewropej saru jaraw lill-Ġermanja bħala mill-ġdid dak il-pajjiż li jrid jiddominahom. L-aħħar ġimgħat ta’ battibekki mal-Griegi aktar saħħew din il-fehma.
Id-dwejjaq b’dan li qed jiġri tant infirex fil-Ġermanja li saħansitra l-magażin Der Spiegel, l-aktar wieħed imfittex fil-Ġermanja, ħareġ bl-istorja fuq il-qoxra tiegħu. Għamel intervisti ma’ bosta ċittadini Ewropej dwar kif iħossuhom lejn il-Ġermanja. Il-ġurnalisti li mexxew din il-ħidma ġurnalistika ma tantx ħadu gost b’dak li skoprew.

***

DWAR IT-TAXXI

Kompla jirranka ċ-ċaqliq politiku fl-Ewropa biex jitrażżnu s-sistemi li bihom kumpaniji u individwi Ewropej qed isibu kif jevadu jew inaqqsu l-ħlasijiet ta’ taxxa dovuti minnhom. Il-Kummissjoni Ewropea waslet biex toħroġ proposta ta’ liġi Ewropea ġdida li biha l-istati jkunu obbligati li jinformaw lill-istati membri l-oħra (u anki lill-publiku) dwar l-arranġamenti li jkunu daħħlu f’każi partikolari għal taxxa fuq kumpaniji li l-kummerċ u l-operat tagħhom isir f’aktar minn pajjiż wieħed.
Il-Parlament Ewropew qed iħejji żewġ rapporti li jiddiskutu kif qed jitħaddmu s-sistemi ta’ tassazzjoni, jinvestigaw x’ġara fl-imgħoddi u jipproponu miżuri ġodda ħalli t-taxxi jitħallsu sewwa minn kulħadd, bi trasparenza u b’ġustizzja. Din il-ġimgħa f’laqgħa plenarja tal-Parlament Ewropew għaddiet riżoluzzjoni dwar it-taxxi li reġgħet stqarret il-ħtieġa ta’ arranġamenti komuni fl-Unjoni Ewropea dwar kif titħaddem it-tassazzjoni.

***
IMMIGRANTI

Qed jiżdied il-prospett li l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa se tkompli tirranka fiż-żmien li ġej. U mhux mill-Mediterran biss. Fil-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja, qed jinħoloq traffiku kbir u ġdid ta’ nies li jkunu ġejjin mill-Kosovo u mis-Sirja fost oħrajn. Wara li jaqsmu l-muntanji, jagħmlu xi żmien jistrieħu fl-Ungerija, u mbagħad jitilqulha lejn il-Ġermanja u l-pajjiżi Skandinavi.
Jidher li l-kuntrabandu ta’ bnedmin li qed isir b’dan il-mod mill-Ungerija issa jlaħħaq it-tielet l-aktar importanti tal-immigrazzjoni llegali lejn l-Ewropa. It-tnejn l-oħra huma l-ewwel mill-punent tal-Mediterran lejn Spanja, u t-tieni miċ-ċentru tal-istess baħar lejn l-Italja.
***

TKABBIR EKONOMIKU

L-aħbarijiet dwar kif l-ekonomiji Ewropej jistgħu tassew qed jirpiljaw baqgħu inkoraġġanti. It-tbassir dwar kif qed jitqawwa r-ritmu ta’ ħidma ekonomika għadu juri li t-titjib mhux se jieqaf ħesrem, anki jekk iċ-ċifri tal-qgħad ma tantx se jiddgħajfu għalissa. Aħjar hekk milli xejn, madankollu. Dak hu l-ħsieb ta’ ħafna mexejja fl-Ewropa.
Numru minnhom qed jaffaċċjaw elezzjonijiet dis-sena u li jmiss. Jafu li ċ-ċifri tal-qgħad jibqgħu l-aktar fattur importanti; bil-qgħad qawwi, x’jimportahom in-nies qgħeda jekk l-ekonomiji jidhru li bin-numri qed jikbru? Veru; imma trid tibda minn x’imkien.
Sadattant dil-ġimgħa tħabbru investimenti Ċinizi qawwija ġodda f’imprizi Ewropej. L-akbar wieħed hu l-investiment li se tagħmel iċ-Ċina fil-kumpanija Taljana tat-tajers Pirelli. M’hemm l-ebda dwejjaq fl-Ewropa bil-wasla tal-fondi taċ-Ċiniżi. Jekk huma ddeċidew li jinvestu bil-kbir fl-Ewropa, bilfors li hemm prospetti aħjar milli kienu sa ftit taz-zmien ilu.

It-Torca – 29th March 2015

Facebook Comments

Post a comment