Kif ma setax jonqos, l-aqwa diskors politiku fl-Ewropa fl-aħħar jiem baqa’ dwar is-sigurtà. Għeleb id-diskors dwar l-istaġnar ekonomiku jew l-elezzjoni Griega. Il-gvernijiet Ewropej qed jaraw, u kulħadd jaqbel li għandhom jagħmlu hekk, kif se jikkoperaw bejniethom biex jiġbru malajr kemm jista’ jkun informazzjoni dwar kull min hu jew jista’ jsir terrorista.
Qed jinsistu li l-kumpaniji l-kbar, speċjalment Amerikani, li jipprovdu servizzi tal-internet, iwaqqfu kull kumnikazzjoni fuqha li qed tħajjar għall-ġiħad. Qed jaraw kemm se jġebbdu l-liġijiet ezistenti li jiggarantixxu d-drittijiet taċ-ċittadini għal ħajja privata, biex jippermettu spjunaġġ fuq attivitajiet li jistgħu jkunu terroristiċi.
Wieħed jitħajjar jaħseb li malli jgħaddi ftit taz-zmien ieħor u jekk ma jinqala’ xejn ġdid, dan kollu jintesa u nerġgħu mmorru għall-ħajja ta’ qabel. Forsi.
Fil-Belġju madankollu, wara l-inċident ta’ Verviers, għalkemm ma jinħassx xi sens ta’ paniku, ċerta tensjoni ma kinitx nieqsa.

***

IL-GOVERNANZA TAL-EWRO

Kif tista’ titmexxa aħjar iz-zona ewro? Hi mistoqsija li qed titqanqal ta’ spiss fil-Parlament Ewropew u anki fil-Kummissjoni Ewropea.
Iz-zona ewro, bħala terrritorju magħmul minn għadd ta’ pajjizi li ddeċidew li jkollhom l-istess munita, ma hux ekonomikament imfassal biex ikollu l-aħjar rizultati f’għaqda monetarja. Hemm wisq differenzi bejn pajjizi membri u anki bejn reġjuni fl-istess pajjiz. M’għandux l-istituzzjonijiet politiċi ta’ għaqda (jiġifieri, gvern federali) li għandhom zoni oħra b’munita waħda. B’hekk zoni monetarji oħra (bħal tad-dollaru) ikunu jistgħu jpattu għal rizultati ħziena li jinqalgħu f’ċerti reġjuni tagħhom, billi miċ-ċentru jibgħatulhom rizorsi u fondi ta’ għajnuna ħalli jpattu għall-problemi li qed jiffaċċjaw.
L-idea tal-ewro madankollu kellha attrazzjoni politika enormi. Maz-zona baqgħu jingħaqdu dejjem aktar pajjizi li ziedu id-differenzi mat-territorju. Meta faqqgħet il-krizi tas-sena 2008, iz-zona ewro kienet miftuħa beraħ għall-irwiefen.
Matul l-aħħar snin, ittellgħu difizi għaz-zona. Inbena fond li qiegħed hemm biex meta pajjiz jogħtor finanzjarjament, isellfuh il-fondi ħalli jzomm fil-wiċċ. Regoli stretti mħaddma mil-Kummissjoni Ewropea bdew jiissorveljaw u jikkontrollaw kif il-gvernijiet membri taz-zona jmexxu l-baġits tagħhom, sena wara l-oħra. U fejn il-gvernijiet ma jirrispettawx ir-regoli, jiġu kastigati. Tnediet unjoni bankarja, fejn il-banek il-kbar kollha tal-pajjizi ewro jiġu sorveljati regolarment. Twaqqaf fond ieħor biex meta l-banek imorru lura u jkunu se jfallu, dal-fond ikun jista’ jsalvahom. Qed jitħejjew regoli ġodda dwar kif għandhom jitmexxew is-swieq finanzjarji fl-Ewropa u dwar kif nistgħu nizguraw li t-taxxi qed jitħallsu minn kulħadd kif suppost.
Biss dawn il-bidliet kollha qanqlu l-fehma li hemm bzonn ta’ kordinament effettiv bejn l-istituzzjonjiet u proċeduri li twaqqfu. Aktar minn hekk, li jintrabtu f’linja ċara ta’ tmexxija li tkun aċċettabbli għal kulħadd – ta’ “governanza”, dik hi l-kelma li tintuza.
Ma nafx kemm se naslu. Nattendi wisq laqgħat fejn dak li għandu jsir jitfisser b’mod tekniku u biered li mhux se jqajjem l-entuzjazmu tal-popli. Dawn huma għatxana għal direzzjoni li minflok tintilef fit-teknika, tiftaħ triq politika li tagħti tama ta’ titjib f’qagħda ekonomika mwiegħra.

***

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Kontroversja baqgħet għaddejja dwar jekk il-Bank Ċentrali Ewropew għandux jibda jidħol fis-swieq biex jixtri ċ-ċedoli ta’ self li qed joħorġu l-pajjizi membri taz-zona ewro. Għal raġunijiet tekniċi li ma hawnx spazju biex infissruhom, dan izid l-ammont ta’ flus fl-ekonomiji. B’hekk, iwassal biex aktar ċittadini u imprizi jonfqu u jinvestu, u jservi biex jixpruna tkabbir ekonomiku.
Madankollu, oħra, l-istess ħidma tista’ sservi wkoll biex twassal għal zieda qawwija fil-prezzijiet – fl-inflazzjoni. Għal din ir-raġuni l-Ġermanja per mezz tal-Bank Ċentrali tagħħha, irrezistiet li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), immexxi minn Mario Draghi, jidħol għall-ħidma.
Draghi baqa’ jimmanuvra biex iwassal lid-diretturi mhux Ġermanizi tal-BĊE ħalli jaqblu miegħu. Aktar ma zdied l-inkwiet dwar ir-rizultati ekonomiċi dizappuntanti li qed ikun hemm fl-Ewropa, aktar ikkonvinċa diretturi. Fil-bord tal-bank seħħew negozjati moħbija bejn id-diretturi dwar kif għandha ssir il-ħidma, imsejħa “quantitative easing”.
Intqal li l-kanċellier Merkel irrassenjat ruħha li ma tistax twaqqaf lil Draghi. Maġġoranza kbira ta’ gvernijiet bdew jaqblu mal-istrateġija tiegħu. L-istess fost id-deputati Ewropej, bl-eċċezzjoni tal-popolari (ċentru-lemin). Hawn, maġġoranza ta’ deputati jemmnu fi strinġenza finanzjarja bħala l-ewwel pass indispensabbli biex l-ekonomija Ewropea terġa’ titlaq.
Nhar il-Ħamis Draghi qasam ir-Rubikon. F’isem il-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar programm li bih il-Bank se jkun qieghed kull xahar sa Setttembru tas-sena d-dieħla jixtri ċedoli ta’ self maħruġa mill-pajjiżi membri taż-żona ewro għall-ammont ta’ 60 biljun ewro.

25 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment