Ġimgħa ilu, tajna ħarsa lejn kif qed jikber is-sentiment fl-Ewropa li tajjeb jew ħażin, għandha tiżdied il-koperazzjoni bejn il-Ġermanja u Franza ħalli l-għaqda Ewropea tinżamm soda u tkompli tinfirex. Biss biex dan jiġri tassew, l-interessi u l-miri taż-żewġ pajjiżi jridu jkunu jixtiebhu jew qrib ta’ xulxin; jekk le, kwalunkwe pass “‘il quddiem” malajr jispiċċa mminat.
Terġa’ dan ix-xebh jew qrubija ma jridx ikun biss ta’ ftit żmien, imma irid ikun qawwi biżżejjed biex jibqa’ fiss għal żmien twil. Kien minħabba f’hekk pereżempju, li l-binja Ewropea ta’ bejn is-snin ħamsin għal tmenin tas-seklu l-ieħor irnexxiet daqstant. F’dak iż-żmien, il-miri u l-interessi essenzjali tal-Ġermanja u Franza kienu għat-tnejn il-ħin kollu ddominati mill-ħtieġa li qatt aktar bejniethom ma tiskatta xi gwerra.
Mela, wieħed irid jara kemm għal li ġej, se jkun hemm ħteġiet nazzjonali ewlenija miż-żewġ naħat li se jibqgħu jiġbdu fl-istess direzzjoni. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, iż-żewġ pajjiżi għandhom il-modi tagħhom kif imexxu l-politika, l-ekonomija u s-soċjetà, modi li jiddistingwuhom wieħed mill-ieħor.

L-ISTAT FRANĊIŻ

Jekk nieħdu lil Franza, insibu li din għandha, u dejjem kellha, tmexxija bbażata fuq stat ċentrali qawwi. L-istat kien u għadu parteċipant importanti fil-ħidma ekonomika, minkejja li din titmexxa skont il-prinċipji tal-hekk imsejjaħ “suq ħieles”. Mhux l-ewwel darba, l-istat kien lest itappan l-istess prinċipji fejn ra li jaqbillu jagħmel hekk. Fil-qasam tal-biedja, gvern wara l-ieħor fittex b’sussidji u miżuri oħra, li jipproteġi l-interessi tal-bdiewa Franċiżi. L-agrikultura hi qasam li ċkien matul is-snin, imma li għadu qawwi bħala parti mill-identità tal-pajjiż.
L-istat Franċiż ukoll tella’ matul is-snin, makkinarju burokratiku ta’ tmexxija kif ukoll sistema ta’ sigurtà soċjali li huma fost l-aktar wiesgħa fl-Ewropa. Biex iħallas għalihom, żamm tqil il-piż tat-taxxi imwaħħla fuq individwi u kumpaniji kummerċjali. Proporzjonalment it-taxxi fi Franza huma l-ogħla fl-Ewropa. Il-poter u s-saħħa li għandu l-istat Franċiż ippermettew li l-pajjiż ikompli jsostni l-preżenza tiegħu f’ħafna mill-eks kolonji tal-Afrika. Żamm profil militari qawwi barra u n-nefqa tal-gvern serviet ukoll biex tagħti spalla siewja lir-riċerka u lill-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.
Dan kollu baqa’ u għadu jseħħ taħt gvernijiet tax-xellug u l-lemin. Fi żmien Sarkozy bħala President, fost interventi oħra, Franza ndaħlet militarment fil-Libja. Taħt Hollande fl-Afrika ċentrali u fis-Sirja. L-interventi fl-ekonomija ukoll saru miż-żewġ naħat. Dawn ukoll mhux darba jew tnejn ipprovaw “jirriformaw” it-tmexxija biex inaqqsu mir-rwol u l-piżijiet tal-istat. Kemm mix-xellug u mill-lemin, qam il-ħsieb li jekk l-istat jirtira biex iħalli aktar spazju lill-inzjattiva privata, Franza ssir aktar kompetttiva u qawwija fis-swieq internazzjonali. Imma taħt il-Presidenti Chirac, Sarkozy u Hollande dawn l-isforzi qajmu reżistenza popolari enormi u fil-prattika kellhom jiġu abbandunati. Fl-istess ħin kienu jsiru sforzi nofs qalb biex titnaqqas iċ-ċentralizzazzjoni tal-pajjiż u biex ir-reġjuni jingħataw aktar saħħa; ma tantx waslu ’l bogħod.

IL-ĠERMANJA STABBLI

B’kuntrast, fil-Ġermanja qabad għerq tajjeb il-federaliżmu li “reġa’” ddaħħal wara t-Tieni Gwerra Dinjija biex tiġi evitata għal kollox il-possibiltà ta’ dittatura ċentralizzata bħal fi żmien Hitler. Ħadem tajjeb, għax ippermetta lill-istati differenti tal-Ġermanja jmexxu skont id-drawwiet reġjonali waqt li jieħdu sehem fil-ħajja nazzjonali skont id-daqs tagħhom b’mod li baqa’ jinħass bħala ġust.
Il-kapitaliżmu Ġermaniż iffjorixxa, għalkemm mhuwiex għal kollox il-magna effiċjenti, serja u onesta, kif kien jiġi preżentat. Meta fis-snin sittin u sebgħin tas-seklu l-ieħor, ix-xellug estrem ħareġ kontrih bi vjolenza miġnuna, sab lill-maġġoranza tal-Ġermaniżi biex jiddefenduh. Biss, il-fatti juru li s-settur industrijali Ġermaniż, waqt li kien u għadu suċċess kbir għal pajjiż, hu daqs ħaddieħor lest li biex ikabbar il-profitti, jikser il-liġi jekk iqis li mhux se jinqabad. Hekk urew skandli anki reċenti bħal tal-Volkswagen; fil-karozzi ta’ din id-ditta tpoġġew partijiet maħsuba biex jirreġistraw informazzjoni dwar danni ambjentali li ġew imbagħbsa apposta ħalli l-informazzjoni li jagħtu tkun falza.
Bejn il-politiċi tal-lemin u tax-xellug li jidderieġu l-pajjiż u l-mexxejja ekonomiċi tas-settur privat teżisti alleanza fina u qawwija. L-għan tagħha hu li ssostni l-kundizzjonijiet ġol-Ġermanja u barra minnha li l-aktar jistgħu jżommu l-pajjiż ekonomikament qawwi waqt li jevitawlu d-ditattura, il-“komuniżmu”, il-gwerra u d-dissens intern. Fuq kollox, il-mudell Ġermaniż jagħti priorità lill-ħtieġa li ma jinqalgħux kriżijiet li jħawdu u jgerfxu lis-soċjetà – jiġifieri, importanza ewlenija lill-istabbiltà. Donnha għadha friska l-memorja ta’ kif in-Nażi sabu r-rankatura tagħhom fit-taħwid u fil-miżerja li nqalgħu wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. U s-sistema Ġermaniża rnexxielha tilqa’ b’mod impekkabbli għall-waqtiet ta’ instabbiltà li nqalgħu fl-aħħar tletin sena jew kemm.
Wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, intrebħet l-isfida ta’ kif il-Ġermanja se terġa’ tingħaqad ħin bla waqt f’pajjiż wieħed: il-poplu Ġermaniż kważi kollu riedha dil-ħaġa. Wara, minkejja reżistenza qawwija tal-ħaddiema u l-unjins, tmexxew ’il quddiem ir-riformi iebsa tal-kanċellier Schroeder biex iġibu s-suq tax-xogħol Ġermaniż qrib il-kundizzjonijiet “meħtieġa” f’dinja globalizzata. Dan ġara għax l-elites tax-xellug u tal-lemin qablu li ma kienx hemm alternattiva, u l-protesti tal-poplu ħaddiem spiċċaw imwarrba. Minn dak iż-żmien lil hawn, ix-xellug demokratiku fil-Ġermanja baqa’ maqsum u marradi. Imma sadattant, il-magna ekonomika tal-Ġermanja reġgħet irrankat bil-kbir fl-Ewropa u barra.
Kien sentejn ilu li l-kunsens Ġermaniż favur l-istabbiltà għoddu ġie perikolat. Fl-eqqel tal-kriżi tal-immigrazzjoni, il-kanċellier Merkel donnha ddeċidiet waħidha biex tiftaħ beraħ il-bibien ta’ pajjiżha għall-immigranti refuġjati fil-mijiet tal-eluf tagħhom. Ħolqot diżgwid bejn l-Ewropej u bejn il-Ġermaniżi nfushom. Malajr imma, Merkel qadfet b’kull mezz li sabet biex tbenġel l-effetti tad-deċiżjoni li ħadet

FIŻ-ŻONA TAL-EWRO

Sadattant, quddiem il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008/9, il-Ġermanja mhux biss baqgħet fil-wiċċ, talli tejbet il-qagħda ekonomika tagħha. Ukoll, assigurat li r-regoli li bihom titmexxa l-Ewropa (jew aħjar ngħidu, iż-żona tal-ewro) jinbidlu biex jissalvgwardjaw l-istabbiltà. Minħabba f’hekk, u minkejja kull ma kien jintqal dwar li ż-żona tal-ewro tinsab appikk li taqa’ biċċiet, din żammet sod. Sa issa, bil-ħlewwa jew bid-dnewwa, iż-żona żgiċċat mill-kriżijiet li faqqgħu ġo fiha. Illum id-diskors qed ikun dwar kif il-binja tagħha se tissaħħaħ aktar.
Madankollu, bir-regoli li taħthom jitmexxa l-ewro, bil-maqlub ta’ li kienu ħasbu li se jiġri l-Franċiżi, minflok il-Ġermanja ġiet tiddependi aktar politikament mill-apprezzamenti ta’ Franza u pajjiżi oħra, saret aktar qawwija. Effettivament iż-żona tal-ewro qed titmexxa skont regoli “Ġermaniżi”.
Illum, biex iż-żona tissaħħaħ, qed jiġi propost li din tingħata t-teżorerija tagħha b’“ministru tal-finanzi” tagħha; li tkun tista’ tissettja u tiġbor taxxi fuq bażi Ewropea; u li toħroġ ċedoli ta’ self f’isem il-gvernijiet kollha taż-żona u garantiti minnhom ilkoll. Franza taqbel ma’ dawn il-miri. Sadattant, waqt li l-Ġermanja taqbel – jew tgħid li taqbel ma’ kważi kollha kemm huma – mhix lesta tħallas waqt li ħaddieħor jonfoq. Forsi tkun lesta twettaq il-miri, jekk kull gvern Ewropew jissottometti ruħu għad-dixxiplina ekonomika u finanzjarja li tapplika għaliha stess.
L-ewwel pajjiż li se jsibha diffiċli jagħmel dan, hu preċiżament Franza. L-istat Franċiż ikollu jnaqqas fil-firxa tiegħu; l-ispiża publika ta’ Franza tkun trid tiċkien.
Gvern wara l-ieħor fi Franza stqarr li jrid iwettaq dil-mira u ma rnexxilux. Il-President Macron qed jerġa’ jgħidha. Biex jirnexxielu fejn ta’ qablu fallew, irid jibdel l-istruttura tal-istat Franċiż u tal-ekonomija tal-pajjiż kważi mill-qiegħ. Inkella se jsib li kwalunkwe bidliet li jsiru fiż-żona tal-ewo se jwasslu biex ikomplu jdgħajfu lil Franza waqt li tkompli titqawwa d-dominanza Ġermaniża. Fil-verità li jseħħ dan l-iżvilupp mhuwiex fl-interess taż-żewġ pajjiżi. It-tnejn jafuha dil-ħaġa u ma jriduhiex. Biss xorta jibqa’ l-fatt li għal li ġej, ir-riformi iebsa minn ġewwa jridu jsiru minn Franza u mhux mill-Ġermanja.
Kif se tinħall din id-dilemma li tpoġġi f’kuntrast ma’ xulxin l-interessi u l-miri taż-żewġ pajjiżi? Jekk ma tinħallx, se tkun ħaġa diffiċli li jintlaħaq qbil effettiv bejn it-tnejn dwar miżuri ġodda ta’ għaqda fl-Unjoni Ewropea.

Facebook Comments

Post a comment