Ħabib tiegħi qalli: Jien u oħrajn naqraw bl-interess l-artikli li tikteb f’It-Torċa dwar Malta u l-Unjoni Ewropea. Veru li hemm bżonn li aktar Maltin isegwu xinhu għaddej fl-Unjoni għax la qiegħdin fiha, il-ġrajjiet tagħha rridu jew ma rridux, huma tagħna – u allura rridu nsegwuhom u nifhmuhom. Dak li qed tikteb jien qed nifhmu; imma mhux kulħadd. Ikun hemm kliem li ssemmi ta’ spiss, li jiċċassaw lil uħud. Ma jkunux midħla tagħhom u minħabba fihom, jitilfu l-fil ta’ xi tkun qed tfisser.
– Għal liem kliem qed tgħid? saqsejtu. Beda jsemmili. Minflok merejtu, għax naħseb li qal tajjeb, iddeċidejt li uħud mill-kliem li semma (ma kinux ftit) nipprova niċċarahom fi spjegi qosra. Hekk qed nagħmel hawn – u dan l-artiklu jista’ jitqies bħala dizzjunarju ċkejken!

AWSTERITÀ

Biex jilqgħu għall-kriżi finanzjarja li telqet mis-sena 2008, il-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, l-aktar taż-żona ewro, qablu li bħala mira ewlenija għandhom ilkoll jiżguraw li l-baġits tat-tmexxija tagħhom jinġabu f’bilanċ. Ma setgħux jibqgħu jonfqu ħafna aktar milli jdaħħlu.
L-isforzi kollha tal-gvernijiet telqu biex jaqtgħu l-ispiża, mhux l-anqas fl-oqsma tal-impjiegi mal-gvern, u dawk soċjali bħall-għajnuniet waqt li tkun qiegħed, il-kura tas-saħħa b’xejn, is-servizzi edukattivi. It-tnaqqis f’kemm kienu lesti jonfqu l-gvernijiet ġab miegħu aktar twegħir. Naqsu l-impjiegi; naqas il-bejgħ u x-xiri tal-familji; il-qagħda finanzjarja ta’ ħafna marret għall-agħar.
Dan kollu ssejjaħ “awsterità”. Kulħadd qabel li ma stajniex nibqgħu bil-gvernijiet jonfqu ħafna aktar milli jkollhom biex iħallsu. Dil-ħaġa kellha tinbidel. Imma bl-awsterità l-affarijiet kienu baqgħu jew jeħżienu jew jistaġnaw.

DIVERĠENZA

Fuq din, aħjar naraw x’inhu miktub aktar ’l isfel taħt “Konverġenza”.

FLESSIBILTÀ

Waħidha, dil-kelma tfisser li fit-twettiq ta’ ħidma li dwarha hemm regoli ffissati, dawn ir-regoli ma jiġux applikati b’mod strett. Skont il-bżonn, ir-regoli għandhom jiġu adattati jew imħaffa, biex dawn ma jispiċċawx joħolqu aktar problemi.
Fil-qafas Ewropew, il-flessibiltà tissemma ta’ spiss dwar żewġ oqsma: il-qasam tar-regoli għat-tmexxija taż-żona tal-ewro, fejn għandha tifsira ftit jew wisq “tajba”; u f’dak tas-suq tax-xogħol, fejn tqanqal sentiment negattiv, l-aktar fost in-nies tax-xellug.
Biex tinżamm f’postha, għaż-żona tal-ewro nbnew regoli dwar it-tmexxija tal-baġits tal-gvern li kull pajjiż irid isegwi — regoli li ma jħallux il-ħofra finanzjarja fil-kontijiet tal-gvern ikunu aktar minn ċertu livell, u li jisħqu fuq il-ħtieġa li d-dejn nazzjonali jitnaqqas. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri jistgħu jimponu fuq gvern li ma josservax dawn ir-regoli miżuri biex jikkoreġi s-sitwazzjoni — appuntu miżuri ta’ awsterità. Dawn iqanqlu dwejjaq soċjali u ġieli anki ekonomiku, għax qagħda li tkun ekonomikament diffiċli, malajr issir aktar iebsa minħabba fihom. Il-flessibiltà f’dal-każ tkun tfisser li l-miżuri li jitpoġġew fuq pajjiż ikunu anqas tassattivi biex jagħtuh ftit aktar nifs ħalli jirkupra. B’xorti stramba (?), din il-“ħniena” ntweriet l-aktar sa issa mal-pajjiżi l-kbar, bħal Franza!
Fil-qasam tas-swieq tax-xogħol, il-flessibiltà tintuża biex tfisser sitwazzjoni fejn ħaddiema u unjins iridu juru ruħhom lesti li jibdlu l-kondizzjonijiet tax-xogħol ħalli l-postijiet tax-xogħol jibqgħu kompetttivi. Ġeneralment dan ikun ifisser kondizzjonijiet u pagi anqas attrajenti, f’qagħda fejn qed treġi l-awsterità. Il-kelma “flessibiltà” ma tintuża qatt kważi biex tiġi tfisser tnaqqis fil-profitti jew zieda fl-ispiza soċjali tas-sidien.

KONVERĠENZA

Fl-Ewropa, tintuza fis-sens ta’ meta xi “ħaġa” – l-ekonomija ta’ pajjiz, il-fehma jew l-imġiba ta’ xi ħadd, il-politika li biha jimxi gvern jew partit – tiġi jew tinġab qrib dik ta’ pajjizi, persuni, gvernijiet u partiti oħrajn skont il-kaz. “Diverġenza” imbagħad għandha s-sens bil-maqlub: mhux it-tqarrib imma t-tbegħid.
Fiz-zona tal-ewro, l-konverġenza għandha importanza partikolari. Fuq territorju fejn il-ħlasijiet isiru bl-istess munita, hemm il-ħtieġa li kemm jista’ jkun il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jiġu qrib ta’ xulxin. L-istess ħaġa tgħodd għall-għazliet ta’ politika li jsiru biex jitmexxew partijiet differenti tat-territorju.
Fil-fatt, ir-regoli taz-zona ewro jisħqu ħafna fuq il-konverġenza fit-tmexxija tal-baġits tal-gvernijiet membri. Dwar hekk, aktar ma jgħaddi z-zmien, aktar id-dixxiplina qed tinfirex biex il-baġits isegwu l-istess linja, speċjalment fil-kontroll tad-defiċit tal-finanzi tas-sena u tad-dejn.
Imma l-istess ħaġa ma tistax tingħad għal għan bil-wisq aktar importanti: dak li l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-popli Ewropej konċernati jersqu lejn xulxin, “jikkonverġu”: dwar hekk, id-diverġenza – il-firda bejniethom qed tikber.

POLITIKA FISKALI

Din mhi xejn ħlief il-ġabra ta’ mizuri li jieħu gvern meta jissettja l-baġit tiegħu ta’ kull sena, jew meta jiddeċiedi dwar xi spiza, jew dwar kif se jdaħħal fondi. Biss, il-politika fiskali għandha siwi li jmur lil hinn mill-ħidma biex jinzammu l-kontijiet tal-gvern. Biha l-gvern jista’ jinfluwenza l-andament tal-ekonomija.
Perezempju, jekk izid in-nefqa tiegħu, x’aktarx li l-ħidma ekonomika u l-impjiegi fil-pajjiz jirrankaw. Bl-għazla li jagħmel ta’ kif se jzid in-nefqa, se jikseb effett differenti fuq oqsma differenti tal-pajjiz. Fl-aħħar snin, minħabba l-insistenza biex il-gvernijiet taz-zona tal-ewro jagħfsu akkost ta’ kollox fuq il-kontroll tad-defiċits tagħhom, il-politika fiskali tal-gvernijiet ftit kellha rizorsi minn fejn setgħet tintuza biex toħloq inizjattivi ta’ spiza li setgħu jixprunaw l-ekonomija.

POLITIKA MONETARJA

Din hi l-mod kif bank ċentrali – suppost indipendenti mill-gvern – jidderieġi l-ħruġ tal-munita. B’hekk, jaffettwa wkoll bil-kbir it-tmexxija ekonomika. Fost oħrajn ngħidu aħna, per mezz ta’ dil-politika jista’ jizdied sew il-volum ta’ flus fl-idejn. Ir-riżultat mistenni hu li jorħos is-siwi tal-flus, jitħeġġu aktar il-bejgħ u x-xiri, u allura jinħoloq bzonn akbar għal prodotti u servizzi, li jsaħħaħ l-impjiegi. Biss, l-istess ħaġa tista’ twassal ukoll għal zieda kbira wisq fil-prezzijiet, li toħloq problemi differenti għall-familji. Min-naħa l-oħra, jekk il-prezzijiet jonqsu jew jibqgħu wisq staġnati, titfaċċa problema ġdida: il-bejgħ u x-xiri jistgħu jonqsu għax qabel wieħed jixtri, se jibqa’ jistenna ftit ieħor sakemm il-prezzijiet jonqsu aktar!
Fiz-zona tal-ewro, il-Bank Ċentrali Ewropew fi Frankfurt hu responsabbli mill-politika monetarja taz-zona, mhux il-banek ċentrali tal-pajjizi differenti. Fl-aħħar tliet snin, kien il-Bank Ċentrali li bil-politika monetarja tiegħu ipprova jagħti rankatura ġdida lill-ekonomiji, preċiżament għax ra kif iżid il-flus fl-idejn. Iżda l-mezzi li tagħti l-politika monetarja mhumiex qawwija biżżejjed biex joħolqu rankatura għat-tul.

STABBILTÀ

Ir-regoli li fuqha inbniet iż-żona tal-ewro kellhom jaraw kif il-pajjiżi membri differenti taz-zona se jġibu flimkien il-modi kif imexxu l-ekonomiji u l-finanzi tagħhom. Kellhom jagħmlu dan mingħajr ma joħolqu xi gvern ġdid fl-Ewropa biex jissostitwixxi l-gvernijiet nazzjonali. Għamlu dan billi ssettjaw regoli li l-pajjiżi membri kellhom isegwu. Ippernjaw dawn ir-regoli fuq l-istabbiltà — jiġifieri li l-politika tal-ekonomija u tal-finanzi li jmexxu l-pajjiżi differenti tfittex li ma toħloqx ċaqliq kbir fil-prezzijiet, fil-pagi u fil-kondizzjonijiet soċjali.
Ma ridux li kollox jibqa’ ċass. Riedu li t-tibdil li jsir, barra milli jimmira għal qagħda aħjar, ikun ukoll imfassal biex ma jsirx bi skossi, imma bil-mod il-mod. Din il-mira ta’ “stabbiltà” skont patt li l-pajjiżi ffirmaw bejniethom, għall-ewwel snin ġiet osservata b’mod laxk. Wara l-kriżi tal-2008, bdiet titħaddem b’regoli dejjem aktar serji u stretti, mhux l-anqas bl-imbuttatura tal-gvern Ġermaniż.

Facebook Comments

Post a comment