L-Unjoni Ewropea tinsab għaddejja minn żmien fejn l-affarijiet jidhru bogħod mit-tqanqil li kien qed ibaqbaq anki sa sena ilu. Mhux għax kollox ward u żahar, imma s-sentiment hu li fejn ħafna affarijiet setgħu marru żmerċ, filfatt ma marrux. Qabel xejn, hemm l-andament ekonomiku li għalkemm seta’ kien aħjar, mhux daqshekk ħażin. Anzi issa, analisti qed iqabbluh b’mod favorevoli, anke fil-każ taż-żona tal-ewro, ma’ xinhu għaddej fl-Istati Uniti u żoni oħra.
L-effetti ħżiena li seta’ kellu l-Brexit fuq l-għaqda Ewropea sa issa għadhom mhux qed jinħassu. L-Ewropej żammew bejniethom ġħaqda eżemplari fuq das-suġġett. Il-ftehim fuq l-immigrazzjni mat-Turkija sa issa għadu jgħodd minkejja li r-relazzjonijiet mal-President Erdogan baqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar. Madankollu, hi ħaġa ċara li dis-sena l-Unjoni se tibqa’ taffaċċja numru ta’ dilemmi. X’aktarx li se jinstab tarf għalihom imma dan mhux se jkun proċess faċli.

IL-BREXIT

Fuq quddiem nett insibu l-Brexit. Iż-żmien biex jintlaħaq u jitwettaq ftehim dwar kif ir-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni Ewropea diġà qed jagħfas. Il-gvern Ingliż qed jiġi akkużat li hu maqsum minn ġewwa għax il-mexxejja tiegħu ma jafux xi jridu tassew. Rappreżentanti tal-gvern Ingliż isostnu li dan mhuwiex minnu. Il-gvern qed ifittex li jasal għal “partnership” mal-Unjoni Ewropea wara li jkun telaq; ir-rabta l-ġdida trid tirrifletti r-realtajiet taż-żewġ naħat.
L-Ewropej jippreferu li jkunu jafu eżattament fuq liema mudell il-Brittaniċi jridu li titfassal ir-relazzjoni li biħsiebhom jaslu għaliha. Baqgħu jinsistu li qabel dil-ħaġa tiġi negozjata, irid ikun hemm xi ftehim fuq kif se jsir id-divorzju bejniethom. Talanqas fuq dal-punt jidher li kien hemm progress. It-tnejn issa qed jgħidu li sakemm jintlaħaq progress “sodisfaċenti” fuq il-mod li bih se jinfirdu, allura d-diskussjonijiet dwar ir-relazzjoni futura jistgħu jitilqu.
Min-naħa tagħhom, il-Brittaniċi jargumentaw li l-“partnership” li qed iħasslu mhux bilfors jikkopja mudelli ta’ ftehimiet li diġà jezistu. Din hi linja ta’ argument li ma tantx tinżel mar-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea. Huma minn dejjem joqogħodu attenti biex meta jiftehmu ma’ dak jew mal-ieħor, ma joħolqux preċedent li jista’ jintuża f’każi oħra li jkunu jridu jittrattaw.
Fl-aħħar jiem, il-gvern Ingliż ippublika numru ta’ dokumenti fejn fisser xinhi l-pożizzjoni tiegħu. B’hekk laqa’ għall-ilment tal-Ewropej li l-Ingliżi kienu baqgħu jiddiskutu fl-ajru. Qamet mill-ġdid il-kritika li d-dokumenti għadhom ma daħlux f’biżżejjed dettall imma issa jidher li kulħadd hu tal-fehma li l-affarijiet bdew jiċċaqalqu.
Hemm ukoll bħal qbil qed jissensel li l-ħruġ tar-Renju Unit ma jistax isir mil-lum għal għada imma jkun jeħtieġ perijodu ta’ transizzjoni. Matulu, bi qbil, l-affarijiet jinbidlu pass wara pass. Kemm għandu jdum dal-perijodu hi kwistjoni li għadha miftuħa: min isemmi sentejn, min anke jasal sa ħames snin. Li hu ċar hu li l-Brittaniċi se jimmiraw biex dal-perijodu jkun lest u mitmum qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’pajjiżhom.

MAR-RUSSI

Matul is-sajf x’aktarx li l-qagħda diplomatika tar-Russja fid-dinja tjiebet, l-aktar minħabba l-avvanzi li qed jagħmlu fis-Sirja l-forzi tal-President Assad biex bl-għajnuna Russa, jirbħu lura kontroll fuq il-pajjiż. It-taħwid tal-amministrazzjoni Trump fil-politika barranija Amerikana qed iħalli wkoll spazju miftuħ biex ir-Russja tasserixxi l-interessi tagħha.
Dan qed ipoġġi lill-Ewropej quddiem dilemma. Fis-Sirja, l-pożizzjoni tagħhom għadha li mingħajr it-tluq ta’ Assad, ma jistax ikun hemm paċi dejjiema. Dik tar-Russi hi preċiżament il-kuntrarju: jisħqu li r-reġim ta’ Assad hu l-gvern tas-Sirja skont in-normi tad-dritt internazzjonali. Il-gvern Amerikan, li qabel kien jitkellem bl-istess mod bħall-Ewropej, donnu qed tħajru dejjem aktar il-pożizzjoni Russa.
Il-vantaġġ diplomatiku li qed jiksbu r-Russi jagħtihom nifs biex isostnu l-pożizzjoni tagħhom dwar l-Ukrajna, qasam ieħor fejn jinsabu f’kontroversja qawwija mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Tal-aħħar lestew biex itawlu s-sanzjonijiet li poġġew kontra mexxejja ewlenin Russi li kienu nvoluti fil-ħtif tal-Krimea u anke biex iżiduhom.
Iż-żewġ naħat jifhmu li l-kontroversja u s-sanzjonijiet li qed japplikaw lil xulxin xejn mhuma jservuhom ta’ ġid. Imma sa issa ftit jidher li hemm mod kif jistgħu joħorġu mill-isqaq fejn tkaħħlu. Diffiċli tara kif ir-Russja tista’ tiġi mħajra jew imġiegħlha tiċħad l-annessjoni tagħha tal-Krimea. L-Unjoni Ewropea għadha determinata li tagħti appoġġ sħiħ lill-Ukrajna, anke jekk xejn mhi kuntenta bil-mod kif il-gvern ta’ dak il-pajjiż qed jaffronta l-problemi tal-korruzzjoni, tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u tat-tmexxija soċjalment ġusta tar-riżorsi li għandu. Hi konxja wkoll li – kif wera r-referendum fl-Olanda tar-rebbiegħa li għaddiet dwar il-ftehim kummerċjali tal-Unjoni mal-Ukrajna – ftit hemm interess jew ħerqa popolari fil-kwistjoni fost iċ-ċittadini Ewropej. Sadattant, il-gwerra ċivili fil-pajjiż tista’ terġa’ tiżbroffa minn ħin għall-ieħor.

***

L-ELEZZJONI ĠERMANIŻA

U ċertament fost id-dilemmi li se jkunu jtektku fil-ġimgħat li ġejjin, hemm dik mqanqla mill-elezzjoni riesqa għal min se jkun kanċellier tal-Ġermanja. Jekk qed nifhem tajjeb il-kummentarji li għaddejja, mill-bidu tas-sajf sal-lum ftit seħħew bidliet. Il-kanċellier Merkel f’isem il-partit tagħha, flimkien mal-partit alleat tal-Bavarja s-CSU, hi mistennija tirbaħ. Wara kollox, meta bidlu l-kap tagħhom minn Sigmar Gabriel għal Martin Schulz, is-soċjalisti demokratiċi tal-SDP ma rnexxilhomx iqanqlu mewġa ġdida favurihom. Il-fawra tal-bidu bil-wasla ta’ Schulz malajr tmewtet u għadha mitluqa.
Xorta waħda, Merkel mhix mistennija tirbaħ maġġoranza assoluta fil-Parlament federali Ġermaniż, il-Bundestag. Biex tmexxi, se jerġa’ jkollha tagħmel koalizzjoni. Allura l-ispekulazzjoni kollha qed iddur fuq il-mistoqsija: ma’ liema partit se tagħmilha? Il-Partit Liberali li fl-aħħar snin, qala’ daqqiet kbar u tilef postu fil-Parlament Federali, imma issa għandu ċans li jerġa’ lura hemm? Merkel se tistrieħ fuqu biex twaqqaf il-gvern li jmiss tagħha, jekk jirnexxielu jikseb biżżejjed siġġijiet parlamentari? Jew se terġa’ ddur lejn is-soċjal-demokratiċi?
Għalina l-Maltin li mdorrija b’sistema parlamentari fejn żewġ partiti jtellqu bejniethom u min jirbaħ, jieħu kollox taħt idejh, mistoqsijiet dwar kif se tinbena koalizzjoni jidhru strambi għall-aħħar. X’differenza se tagħmel jekk il-gvern ta’ Merkel jistrieħ fuq is-soċjalisti jew il-liberali? Hekk naħsbu aħna. Imma fil-fatt l-għażla tas-sieħeb f’koalizzjoni tagħmel differenza – speċjalment fil-prioritajiet ta’ tmexxija li jingħataw minn koalizzjoni jew oħra. F’waħda mas-soċjalisti tal-aħħar snin pereżempju, Merkel sabitha ħaġa aċċettabbli li ddaħħal ċerti riformi soċjali li riedu huma; u ma kellha l-ebda skruplu mbagħad biex tieħu l-krettu għalihom hi. Il-popolarità tagħha żdiedet, tagħhom naqset.
Għas-snin li ġejjin, x’se jkunu l-miri ta’ Merkel mill-ġdid fil-gvern? Veru li se torbothom mal-ħtieġa li l-binja Ewropea tissaħħaħ u tinfirex aktar? Jekk iva, kif se tfittex li tagħmel hekk? U min bħala s-sieħeb tagħha fil-gvern federali se jkun l-aktar li jista’ jagħti palata biex dawn il-miri jintlaħqu? – Is-soċjalisti demokratiċi? Il-liberali? Jew forsi anke l-Ħodor? L-għażla li Merkel tagħmel se tikkundizzjona bil-kbir l-iżviluppi li jmiss favur għaqda akbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Facebook Comments

Post a comment