Bil-qagħda tagħha fiċ-ċentru tal-Ewropa tal-punent u bid-daqs tagħha, qatt ma seta’ jonqos li Franza jkollha rwol ewlieni jekk mhux essenzjali fl-istorja Ewropea. Storikament, wara li l-imperu Spanjol spiċċa staġnat u mogħti l-ġenb, il-kompetizzjoni bejn il-potenzi fl-Ewropa inġemgħet bejn Franza u l-istati Ġermaniċi, inkluża l-Awstrija bl-imperu tagħha. Meta t-territorju Ġermaniż ingħaqad f’pajjiż wieħed, din ir-rivalità kompliet tiqliel. Fil-fatt l-għaqda tal-Ġermanja seħħet minufih wara d-disfatta enormi li sofriet Franza fil-gwerra tal-1870 kontra l-aqwa stat Ġermaniż ta’ dak iż-żmien, il-Prussja. Sa anqas minn tmenin sena wara, bejn iż-żewġ potenzi skattaw żewġ gwerer oħra tant serji li tlaqqmu “gwerer dinjin”.

IT-TMIEM TAL-KONFRONTI

Li l-Unjoni Ewropea rnexxielha twaqqaf għal kollox il-konfronti diżastrużi bejn Franza u l-Ġermanja jitqies bir-raġun bħala wieħed mill-aqwa suċċessi tagħha (għalkemm hemm min jgħid li kienet in-NATO li wasslet għal dan ir-riżultat, fil-qafas tal-kompetizzjoni bejn il-“Punent” u l-Unjoni Sovjetika). Hu xinhu, sa minn meta twaqqfet l-Unjoni Ewropea, iż-żewġ pajjiżi qiesu lil xulxin alleati mill-qrib.
Biss, għal snin twal f’din ir-rabta ġdida bejniethom, Franza kienet tifhem li kellha piż akbar minn tal-Ġermanja fil-kwistjonijiet Ewropej. Dan għax il-Ġermanja kienet tilfet it-Tieni Gwerra Dinjija, kienet inqasmet f’żewġ pajjiżi u kellha forza militari limitata ħafna. Il-Ġermanja kienet tagħti d-dritta lil Franza f’oqsma bħas-sigurtà u fil-mod kif jiġu indirizzati żviluppi Ewropej, pereżempju fit-twessigħ tal-istess Unjoni Ewropea lejn membri ġodda jew lejn oqsma ġodda ta’ tmexxija.
Matul is-snin madankollu, il-bilanċ reali bejn dawn iż-żewġ l-aqwa membri tal-Unjoni inbidel favur il-Ġermaniżi. L-ekonomija tagħhom ħadet rankatura li ta’ Franza ma setgħetx tlaħħaq magħha waqt li l-qasma tal-pajjiż f’żona tal-lvant u oħra tal-punent twittiet. Għall-ewwel meta dan seħħ, il-Ġermanja kellha problemi biex taddatta. Imbagħad daħħlet programm ta’ riformi iebsa li taha spinta qawwija ’l quddiem. Ilha snin twal issa ssostni tkabbir ekonomiku liema bħalu hekk li Franza waqgħet aktar lura f’paragun magħha.
KALKOLU ŻBALJAT
Fil-frattemp, Franza kienet użat il-“leadership” politiku tagħha biex tinsisti li jekk il-Ġermanja se tingħaqad, hi kellha taċċetta li l-Unjoni Ewropea ddaħħal munita waħda. Mingħaliha li b’hekk se trażżan kwalunke dominanza Ġermaniża li tista’ tinħoloq fl-Ewropa. Il-Ġermanja kienet se tinżamm f’postha mir-regoli ta’ tmexxija tal-ewro. Dal-kalkolu mar żmerċ. Fi ħdan l-ewro ukoll, il-qawwa ekonomika Ġermaniża għamlet tagħha, u speċjalment wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, il-mutur essenzjali għad-deċiżjonijiet li bdew jittieħdu biex jilqgħu għaliha ma kienx Franza, imma l-Ġermanja.
Se jkun hemm min jitħajjar li jgħid, mhux bla raġun, li dan hu aktar artiklu fuq il-Ġermanja milli dwar Franza fl-Ewropa. Ir-realtà iżda hi li veru, iż-żewġ pajjiżi jidhru fi sħubija bejniethom li hi essenzjali għall-progress tal-għaqda Ewropea. Biss, Franza – żgur fl-aħħar ħmistax-il sena – ma rnexxilhiex, jew ma setgħetx, iżżomm il-pass mal-Ġermanja. Ekonomikament żgur li le. U anke politikament, għalkemm fuq dil-ħaġa fl-aħħar sentejn, l-istorja nbidlet.
Għal dan wieħed jista’ “jwaħħal” fil-kwalità ta’ tmexxija Franċiża, fis-snin ta’ wara l-presidenza ta’ Francois Mitterrand. Hu minnu li Jacques Chirac, Nicholas Sarkozy u Francois Hollande baqgħu jidhru minkejja ċ-ċerimonjal, bħala anqas minn ugwali mqabbla mal-mexxejja Ġermaniżi li ttrattaw magħhom. Fl-aħħar snin, iddominat Angela Merkel imma qabilha kien hemm Gerhard Schroeder u Helmut Kohl, li ħallew warajhom huma wkoll, kisbiet Ewropej tal-akbar siwi għal pajjiżhom. Biss dwar dan, trid terġa’ ssemmi l-fatt li l-progress ekonomiku tal-Ġermanja ta saħħa aqwa lid-diskors politiku tal-mexxejja tagħha.
Kif rajna ġimgħa ilu, l-iskoll li ħarbat il-qagħda politika tal-Ġermanja ta’ Merkel tqanqal mill-kriżi tal-immigrazzjoni. Dan wassal biex il-politika Ġermaniża ċċassat madwar l-immigrazzjoni. Minn hekk, faret mewġa ta’ populiżmu, l-aktar tal-lemin “estrem”, fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, anke fil-Ġermanja u Franza. U hawn dan l-aħħar pajjiż deher li fl-aħħar ħa vantaġġ politiku mhux mistenni.

IL-PROPOSTI TA’ MACRON

Il-President Francois Hollande u l-partit soċjalista li kien imexxi dehru sfiduċjati bil-falliment tal-ħidma li mbottaw biex it-tkabbir ekonomiku jirranka u biex il-qgħad jitrażżan. Imbagħad, l-eks-ministru ta’ Hollande, Emmanuel Macron telaq għal rasu, waqqaf moviment “favur il-bidla” li tela’ mill-qiegħ tal-komunitajiet Franċiżi – il-“grass roots” kif insejħulhom (għalkemm mhux b’Malti safi). Macron irnexxielu jirbaħ il-presidenza ta’ Franza. Għamel dan b’għajta favur politika li timbotta l-għaqda aktar profonda tal-Ewropa, kontra kull ħaġa li kienu qed isostnu il-populisti. Kompla jifrex il-ħidma tiegħu billi waqqaf gvern b’appoġġ mill-Parlament Franċiż fejn irnexxielu jtella’ maġġoranza ta’ deputati li jsegwu l-linja tiegħu.
Minnufih, nieda programm ta’ bidliet maħsuba biex “jilliberalizzaw” l-ekonomija u t-tmexxija tal-pajjiż. Il-miżuri tiegħu qajmu r-reżistenza tal-unjins li organizzaw dimostrazzjonijiet u strajks li għadhom għaddejja. Macron ġie kkritikat li hu l-“President tas-sinjuri” u li qed idaħħal il-bidliet “minn fuq”, bla konsultazzjoni. Għalkemm tilef mill-popolarità tal-bidu, l-President Franċiż jidher li baqagħlu appoġġ biżżejjed fil-pajjiż biex isostni r-rankatura politka, waqt li l-oppożizzjoni politika tal-lemin, ċentru u xellug, ma tantx tidher konvinċenti.
Sadattant, mill-Presidenza ta’ Franza, Macron baqa’ jħabbat it-tambur favur il-ħtieġa ta’ inizjattivi ġodda biex l-għaqda fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-ewro tissoda. Dan waqt li Merkel donnha kienet iffriżata fi sforzi biex toħloq koalizzjoni ġdida ta’ gvern wara l-elezzjoni ta’ Settembru 2017. Bil-proposti tiegħu, Macron donnu reġa’ kien ħa f’idu l-mazz politiku li bih l-Ewropa setgħet titmexxa.
Il-proposti tiegħu huma ambizzjużi ħafna. Għaż-żona tal-ewro, issuġġerixxa parlament separat, ministru tal-finanzi, baġit separat u li l-unjoni bankarja titwassal sal-aħħar. Irid politika tas-sigurtá Ewropea aktar profonda u avvanzi lejn politika barranija waħda. Jaqbel ma’ sistema li biha dawk il-pajjiżi li jridu jkabbru l-għaqda ta’ bejniethom fi ħdan l-Unjoni jagħmlu dan mingħajr ma joqogħodu jistennew li kulħadd jaqbel. Ilhom snin twal ma proposti simili ssemmew b’dan il-fervur minn mexxej Franċiż.
Fi Franza nnifisha, biex ma nsemmux il-Kummissjoni Ewropea, il-proposti sabu laqgħa tajba. Donnu li l-forzi federalisti fl-Ewropa (għax ħafna mill-proposti ta’ Macron huma ta’ xejra federalista) kienu kisbu nifs ġdid. Kien se jitwarrab it-theddid dejjem akbar għall-għaqda Ewropea li kien qed jinħass wara r-referendum tal-Brexit u l-avvanzi tal-populiżmu lemini fi Franza nnifisha u fl-Olanda, fost oħrajn.
Biss ir-realtajiet politiċi Ewropej baqgħu iebsa. Biex l-ideat ta’ Macron jaslu x’imkien, iridu jiġbdu appoġġ sħiħ warajhom, fuq quddiem nett tal-Ġermanja. Dak li pprova jirbaħ il-President Franċiż imma sab li minkejja l-ottimiżmu li kien irnexxielu jiġġenera, il-Ġermaniżi baqgħu kawti dwar il-proposti tiegħu. U l-kawtela tagħhom kibret mhux naqset matul ix-xhur. Terġa’, fis-sena li għaddiet mill-elezzjoni ta’ Macron, partiti populisti wettqu rebħiet sinjifikattivi, bħal fl-Awstrija, l-Ungerija u l-Italja. Il-mewġa politika favur aktar federaliżmu li Macron qed jipprova jħeġġeġ mhijiex issostni r-rankatura li bih telqet.
L-appuntament li jmiss jaħbat f’Ġunju meta Franza u l-Ġermanja wegħdu li se jagħmlu, flimkien issa, proposti tagħhom dwar x’għandhom ikunu l-passi li jmiss fl-għaqda Ewropea. Ma tantx hemm stennija li dawn se jkunu fuq l-istess skala tal-proposti li telaq bihom Macron.

Facebook Comments

Post a comment