Ħafna entużjasti ta’ Ewropa magħquda jemmnu li l-interess Ewropew għandu jieħu d-dritta fuq l-interess nazzjonali. Mhux billi dan tal-aħħar jintesa imma billi jaċċetta d-dixxiplina tal-kompromessi li jridu jsiru biex l-Ewropa tingħaqad. Il-kompromessi li qed jaħsbu fihom jirrekjedu li l-pajjiżi differenti jċedu partijiet, uħud sostanzjali, tas-sovranità tagħhom u jgħadduha lil xi organu ċentrali “ewropew”.
Sa issa, kien hemm diversi oqsma fejn dil-ħaġa seħħet. Dan ġara b’mod sħiħ fejn il-poteri kollha għaddew lill-Kummissjoni Ewropea, speċjalment fejn iqumu kwistjonijiet kummerċjali li għandhom x’jaqsmu mat-tmexxija tas-suq wieħed Ewropew. Ġara b’mod spezzettat, fejn jidħlu oqsma oħra, bħat-tmexxija taż-żona tal-ewro jew taż-żona ta’ Xengen. F’dawn l-oqsma, għalkemm daħlet forma ta’ tmexxija komuni, l-istati membri baqgħu iżommu id qawwija fuq il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Hu għalhekk siewi li wieħed jibqa’ attent għal xi tkun il-pożizzjoni ta’ pajjiżi differenti (jew aħjar tal-gvernijiet tagħhom) fi ħdan l-Unjoni Ewropea meta jkunu qed jitħasslu linji ġodda għal kif l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa. Ħaġa ċara imbagħad: jekk hemm pajjiż li aktar mill-oħrajn, jistħoqqlu dat-trattament, dan hu l-Ġermanja – l-aktar wieħed importanti politikament u ekonomikament għalkemm sa issa mhux militarment. X’għandha f’“moħħha” l-Ġermanja dwar il-futur tal-Ewropa?

L-AĦĦAR ŻMIEN TA’ MERKEL?

Sa ftit aktar minn sentejn ilu, l-kanċellier Merkel kienet tiddomina l-mod kif l-Unjoni Ewropea tiżviluppa l-politika tagħha – bil-lajma, bi prudenza kbira, pass wara l-ieħor. Merkel kienet diġà fost l-aktar mexxejja li ilhom fil-poter u ħadd ma seta jikkontesta s-suċċess politiku tagħha f’pajjiżha. Imbagħad qamet il-kriżi tal-immigrazzjoni. Hi ħadet pożizzjoni “ġeneruża”. Offriet merħba sħiħa lir-refuġjati u l-immigranti resqin mil-Lvant Nofshani. Għamlet hekk bla ma wisq ikkonsultat lil ħaddieħor, la f’pajjiżha u lanqas barra minnu – mentri sa dak il-waqt, qabel tagħmel mossa, kienet tħalli lil kulħadd jgħid tiegħu l-ewwel.
Din il-pożizzjoni urtat lil ħafna votanti Ġermaniżi tal-partit tagħha – is-CDU, id-demokristjani – u tal-alleat politiku tagħha mill-Bavarja, s-CSU, il-kristjan soċjali. Tat in-nar lill-populisti tal-lemin estrem. Qabel, dawn kienu qed jiffokaw fuq it-tmexxija tal-ewro. Mal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 u wara, meta ż-żona tal-ewro kienet taħt pressjoni kbira bil-biża’ li tikkrolla, il-populisti tal-lemin kienu rebħu appoġġ qawwi.
Huma għafsu fuq il-ħtieġa li l-Ġermanja ma tispiċċax tħallas għat-taħwid ta’ ħaddieħor. Biss, il-mod kif Merkel ħadmet biex dil-kwistjoni tiġi mrażżna, raqqad l-avvanz tagħhom. Il-wasla tal-immigranti u l-mod kif Merkel ippożizzjonat ruħha tathom nifs ġdid, biex jikkontestaw il-politika tal-partiti l-kbar.
Merkel spiċċat attakkata bis-sħiħ u mdgħajfa fi ħdan il-partiti li japoġġjawha. L-akbar sostenn li sabet kien minn fost is-soċjalisti demokratiċi, l-SPD, alleati magħha fi gvern ta’ koalizzjoni. Huma wkoll bdew jitilfu l-appoġġ fost il-poplu. Il-kanċellier kellha tgħaġġel biex tara kif se tinnegozja mal-President Erdogan ħalli t-Turkija ma tħallix aktar immigranti u refuġjati jersqu lejn l-Ewropa. Irnexxielha f’dan il-għan imma anke hekk, reġgħet urtat mexxejja oħra Ewropej li xejn ma ħadu ġost jarawha l-ewwel tiftaħ dirgħajha għall-immigranti deħlin fl-Ewropa, imbagħad tinnegozja ma’ Erdogan biex twaqqafhom. U fiż-żewġ każi, dehret li qisha qed tagħmel hekk f’isem l-Ewropa kollha.
Sakemm waslet l-elezzjoni ġenerali tal-Ġermanja f’Settembru tas-sena l-oħra, id-dwejjaq tal-istess Ġermaniżi kien baqa’ qawwi. Il-partiti li jappoġġjaw lil Merkel tilfu ħafna voti, għalkemm baqgħu fuq quddiem. Is-soċjalisti ġabu l-agħar riżultat tagħhom mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Għall-bidu, b’Martin Schulz imexxihom qalu li se jmorru fl-Oppożizzjoni. Meta Merkel, issa mdgħajfa sew politikament, ma rnexxilhiex tagħmel koalizzjoni mal-partiti l-oħra (il-Ħodor u l-Liberali), is-soċjalisti qablu li jerġgħu jagħmlu huma koalizzjoni mal-partiti “tagħha”. Aċċettaw dil-ħaġa fl-interess nazzjonali li l-Ġermanja titmexxa minn gvern stabbli.

IS-SOĊJALISTI U L-EWROPA

Politikament, is-soċjalisti għamlu ftehim ma’ Merkel li tahom saħħa fil-gvern bil-wisq aqwa milli kienu jiġġustifikaw ir-riżultati elettorali li kisbu. Il-ministeri tal-finanzi (li qabel kien immexxi b’id tal-ħadid minn Wolfgang Schauble, veteran tas-CDU u magħruf bħala aħrax fid-difiża tal-interessi ta’ pajjiżu), tal-affarijiet barranin u tal-politika soċjali ingħataw lilhom.
Ħafna fehmu dan bħala sinjal li l-koalizzjoni ġdida se tkun qed tħarrek il-miżuri lejn għaqda akbar fl-Ewropa. Dik kienet il-linja tas-soċjalisti. Uħud mill-esponenti tagħhom fissru kif l-aqwa raġuni għaliex is-soċjalisti kellhom jidħlu f’dil-koalizzjoni (meta ħafna qisuha bħala suwiċidju politiku) kienet preċiżament biex jassiguraw li l-gvern Ġermaniż ma jibqax lura aktar milli jmbotta politika “Ewropea”. Qaluli dan uħud li min-naħa tas-soċjalisti Ġermaniżi kienu involuti fit-tħejjija tal-programm ta’ tmexxija tal-koalizzjoni. Huma raw li bil-wasla ta’ Emmanuel Macron fil-presidenza ta’ Franza, kienet infetħet triq ġdida li minnha seta’ jerġa’ jitlaq il-“mutur” franko-ġermaniż biex isaħħaħ l-għaqda Ewropea.
Sa issa, ftit twettqu minn dawn it-tamiet. Il-ministru tal-finanzi ġdid, is-soċjalist Olaf Scholz li qabel kien sindku tal-belt ta’ Hamburg, jidher li jaqbel mal-linja ta’ tmexxija li Schauble kien isegwi qablu dwar iż-żona tal-ewro. Żamm l-istess uffiċjali li kellu Schauble. Qed jimmira biex bl-ebda mod il-Ġermanja ma tissogra li tagħmel xi nefqa li tkun aktar mid-dħul fil-baġit tal-gvern (ħaġa li bħal Schauble, ħafna Ġermaniżi jqisu bħala dnub li ma jistax jinħafer… imma mhux is-soċjalisti, talanqas sa fttit taż-żmien ilu…)
Il-prioritajiet finanzjarji li s-soċjalisti qed jimbottaw fil-kabinett ta’ koalizzjoni ma tantx jinħassu differenti minn tal-lemin: il-fondi ġodda li l-gvern Ġermaniż jista’ jonfoq għandhom imorru għall-immigrazzjoni, għall-pensjonijiet u għall-ħarsien ambjentali. Sadattant, il-fehma għadha qawwija fost il-partiti li jappoġġjaw lil Merkel kontra li flejjes Ġermaniżi jintużaw ħalli jinbnew xi fondi taż-żona li skont huma, jservu biss biex isalvaw lill-pajjiżi ħalja tas-sud mill-konsegwenzi tal-irresponsabbiltà tagħhom.
Fuq kollox, hemm reżistenza kbira għal kull bidla fit-tmexxija tal-Ewropa li lill-Parlament Ġermaniż tneħħilu l-poter li għandu biex jiddeċiedi kif għandhom jintefqu fondi Ġermaniżi meħtieġa għall-ħarsien taż-żona ewro. Pożizzjoni bħal din tmur għal kollox kontra s-sens tal-proposti li l-President Macron ilu jmbotta tul l-aħħar sena.
U għalkemm dawn il-pożizzjonijiet jitilqu l-aktar mil-lemin tal-gvern ta’ koalizzjoni mmexxi minn Merkel, hemm rappreżentanti soċjalisti f’dal-gvern ma jidhrux imdejqa bihom.

BEJN POPULISTI, ĦODOR U LIBERALI

Is-sabiħa hi li barra l-koalizzjoni bejn CDU-CSU s-soċjalisti fil-Bundestag Ġermaniż, il-partiti li hemm biex jorbtu u jħollu huma l-populisti tal-Alternative fur Deutschland, l-AfD, (L-Alternattiva għall-Ġermanja) tal-lemin “estrem” li hi l-aqwa partit fl-Oppożizzjoni; il-Liberali; il-partit tax-Xellug (eks-komunista); u l-Ħodor.
Dwar kwistjonijiet Ewropej, dawn il-partiti qed jiskjeraw hekk: L-AfD hu kontra kull integrazzjoni aktar qawwija tal-Ġermanja fl-Unjoni Ewropea. Il-Liberali, li dejjem jappoġġjaw lill-interessi tan-negozji Ġermaniżi, fl-aħħar snin – wara li tilfu kull siġġu li kellhom fil-Parlament Ġermaniż meta ssieħbu f’koalizzjoni ma’ Merkel – issa saru partit ewro“xettiku”. Il-Partit tax-Xellug dejjem kien kontra li l-Ġermanja tintelaq wisq fi ħdan l-Unjoni Ewropea. U allura l-uniku partit li jinsab barra l-koalizzjoni u li jappoġġja bis-sħiħ inizjattivi Ewropej hu dak tal-Ħodor.
Tħares lejha kif tħares lejha, ix-xena politika Ġermaniża ftit toffri prospetti ta’ xi rankatura kbira fit-twettiq malajr ta’ proġetti ġodda lejn binja aktar avvanzata tal-Ewropa.

Facebook Comments

Post a comment