MINN HEMM U MINN HAWN

F’jum meta jkunu se jibdew jingħaddu l-voti l-għada ta’ elezzjoni ġenerali, ċert li l-qarrejja ta’ IT-TORĊA ftit se jkollhom moħħ joqogħdu jaqraw f’din il-paġna dwar kif jistgħu jinbidlu l-modi li bihom titmexxa ż-żona tal-ewro jew kif l-Unjoni Ewropea tista’ tlaħħaq mal-isfidi tal-immigrazzjoni. Mhux għax dawn mhumiex materji tal-akbar importanza… u jeħtieġ li nerġgħu lura għalihom fi żmien qarib. Imma llum mhux żmien tajjeb għal hekk.
Minflok, se naraw kemm jista’ jkun fil-qosor, xinhu jiġri minn hemm u minn hawn fil-politika Ewropea.

L-ELEZZJONI GĦALL-PARLAMENT FRANĊIŻ

Nibdew bil-kampanja elettorali Franċiża għall-Parlament nazzjonali. Emmanuel Macron irnexxielu f’temp ta’ sena jibni organizzazzjoni politika ma’ Franza kollha, jasserixxi l-personalità publika tiegħu u jxejjen l-isfida ta’ kandidati għall-Presidenza tal-pajjiż immuntata mill-partiti l-oħra kollha, “tradizzjonali” jew le.
Macron sar President ta’ Franza imma kien għadu nofs triq għal ħakma li biha seta’ tassew iwettaq il-wegħdi tiegħu. Ħtieġlu jirbaħ l-elezzjonijiet għall-Parlament Franċiż li jsegwu minnufih wara l-elezzjoni presidenzjali. Il-moviment tiegħu qed jippreżenta numru qawwi biżżejjed ta’ kandidati fil-kostitwenzi differenti biex jekk jagħmlu rebħ tajjeb biżżejjed, jistgħu jagħtu maġġoranza lil Macron fil-Parlament.
Biex jasal għal dan it-tir, Macron jeħtieġlu l-ewwel jaqsam u effettivament ikisser il-partiti l-kbar tradizzjonali tax-xellug u tal-lemin: is-soċjalisti u r-repubblikani. Diġà għamel hekk b’tal-ewwel. Lil tat-tieni ħawwadhom bil-kbir billi ħatar bħala Prim Ministru wieħed minn tagħhom Edouard Philippe, flimkien ma’ tnejn mill-mexxejja żgħażagħ tar-Repubblikani bħala ministri. Il-qasma fi ħdan ir-Rrpubblikani qed tidher ċara.
Sa ftit taż-żmien ilu, ma kontx nemmen li Macron seta’ jirbaħ l-isfida elettorali doppja tal-Presidenza u tal-Parlament. Illum jidher li għandu ċans tajjeb li jagħmilha.

***

FI SPANJA

Pedro Sanchez kien is-segretarju ġenerali (mexxej) tal-partit soċjalista Spanjol sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Hu bl-ebda mod ma ried li s-soċjalisti jagħtu xi appoġġ lill-partit tal-Popolari mmexxi mill-Prim Ministru Rajoy wara li s-sena li għaddiet fi Spanja nżammu żewġ elezzjonijiet li ma taw rebħa netta lil ħadd. Ħadd ma seta’ jifforma koalizzjoni b’maġġoranza fil-Parlament. Il-qagħda politika staġnat imma Sanchez baqa’ jinsisti li l-partit soċjalista m’għandux iservi ta’ staffa għal Rajoy. Jekk jagħmel hekk, kien se jkompli jitlef in-nifs u l-partit ġdid fuq ix-xellug tiegħu, ta’ Podemos, kien se jkompl jisraq mill-voti tax-xellug.
Min-naħa l-oħra, l-politika ta’ Sanchez kienet ukoll qed taffettwa l-popolarità tal-PSOE għax dan beda jidher aktar u aktar bħala partit li jrid iżomm il-pajjiż staġnat. Twettqu ħafna manuvri fi ħdan il-partit. Il-kap soċjalista fl-Andalusija Susana Diaz kienet fost dawk li ħeġġew oppożizzjoni interna għall-politika ta’ Sanchez li spiċċat f’mozzjoni, prattikament ta’ sfiduċja fih, fl-eżekuttiv tal-Partit. Din ġiet approvata u Sanchez kellu jirriżenja mill-kariga tiegħu fil-partit. Ftit wara, meta l-PSOE beda jivvota appoġġ passiv għal Rajoy fil-Parlament, (jiġifieri jastjeni fuq voti ewlenin u b’hekk il-gvern, għalkemm minoritarju, seta’ jkompli jmexxi), Sanchez irriżenja anke minn deputat.
Imma issa dax-xahar, saret l-elezzjoni għal segretarju ġdid tal-PSOE. Diaz ikkontestat, u hekk għamel ukoll Sanchez. Rebaħ b’maġġoranza assoluta (ftit aktar minn nofs) tad-delegati. Jinsab lura fit-tmun tal-partit soċjalista.
Punt interessanti: l-għaqdiet tas-sidien (li s-soltu jiġbdu lejn min l-aktar fil-kamp tax-xellug l-anqas joħolqilhom saram fil-miri tagħhom) jidhru li ħadu gost li Sanchez rebaħ. Imma suppost li lil dawn ftit jogħġobhom xi ħadd li xejn ma jaqbel ma’ Rajoy… L-istorja tkompli.

***

CORBYN JERSAQ QRIB MAY

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May tellqet elezzjoni qabel infetħu bis-serjetà in-negozjati dwar il-Brexit mal-Ewropej. Il-ħsieb kien doppju: li tkabbar bil-kbir il-maġġoranza tagħha fil-House of Commons, il-Parlament Ingliż; u li b’hekk kien se jkollha saħħa akbar meta tiġi biex tinnegozja mal-Ewropej.
Il-kalkolu ewlieni kien li May u l-partit tagħha se jħallu l-art lill-kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn u l-partit li qed imexxi b’ħafna pieni, l-Partit Laburista Ingliż. Imma jidher li matul il-kampanja May irnexxielha tagħmel xi żball jew tnejn. Il-fiduċja fiha minflok issaħħet, bdiet tiddgħajjef. L-avversarju tagħha, minkejja li ma kellu l-appoġġ ta’ ħadd, speċjalment fil-midja, beda tiela’ fl-istima pubblika.
Corbyn ma jogħġobnix fuq binarju wieħed, għalija essenzjali: ħareġ fil-miftuħ kontra l-partit tiegħu meta ma hu kienx qed jaqbel mal-politika tat-tmexxija. L-istess żball jew dnub kien għamlu l-kandidat soċjalista għall-Presidenza fi Franza, Benoit Hamon. Kien ħareġ kontra l-politika mmexxija mill-President Hollande u għalhekk ftit kien kredibbli bħala kandidat soċjalista.
Min-naħa l-oħra, il-linja politika xejn Blairista ta’ Corbyn togħġobni, għalkemm jonqosha aktar ħsieb qabel tista’ titwettaq bil-kbir kieku kellu jirbaħ il-gvern. Minkejja t-tijib fil-qagħda tal-Partit Laburista skont is-sondaġġi, xorta waħda qed jingħata ċansijiet dgħajfa li jirbaħ l-elezzjoni li qed tinżamm dil-ġimgħa.

***

TRUMP U L-EWROPEJ

Wara l-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi l-kbar tal-“Punent” f’Taormina fi Sqallija, kurrent ta’ insigurtà nħass għaddej mal-Ewropa. Fid-diskussjonijiet li saru wiċċ imb’wiċċ mal-President Amerikan Donald Trump ħareġ ċar il-fatt li jeżistu differenzi kbar bejn kif qed jaraw l-affarijiet l-Ewropej (u magħhom anke l-Ġappuniżi u ċ-Ċiniżi), u kif qed tarahom l-amministrazzjoni Amerikana l-“ġdida”. Id-differenzi jinfirxu mill-oqsma tat-tmexxija ekonomika, għall-ambjent u fuq kollox, għad-difiża. Jidher li l-aktar qasam li dwaru kien hemm xi qbil, kien dak tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Wara l-laqgħa, lura fil-Ġermanja, il-kanċellier Merkel tat spjega ta’ kif qed tara l-affarijiet li kienet ħafna aktar brutali fl-istil tagħha minn kif titkellem is-soltu. Wasal iż-żmien, qalet Merkel effettivament, biex l-Ewropej jieħdu r-riedni f’idejhom u jasserixxu ruħhom skont l-interessi tagħhom waqt li jifhmu l-limiti ta’ kull alleanza. Meta ħarġet b’din l-istqarrija, Trump kien għadu ma ħabbarx id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ lill-Istati Uniti mill-ftehim dwar il-klima, għalkemm kien hemm stennija li se jieħu dal-pass, li regħex lil ħafna pajjiżi.
Nistennew li tkompli … anzi tiżdied ir-rankatura … li qed tintwera minn Franza u l-Ġermanja biex l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ l-koperazzjoni militari bejn il-membri tagħha f’ċaqliqa determinata lejn politika kompleta Ewropea ta’ sigurtà u difiża. Fl-assenza tar-Renju Unit minħabba l-Brexit, din iċ-ċaqliqa issa se jkollha quddiemha anqas u anqas reżistenzi. Jien – ma’ oħrajn – ninsab konvint li dan l-iżvilupp biex l-Unjoni Ewropea jkollha wkoll il-qawwa “iebsa” tagħha, mhux biss il-qawwa “ratba” (“soft power”) se jkun ta’ dannu f’perspettiva tat-tul, lill-proġett ta’ għaqda Ewropea. Mhux hekk jaħsbu “il-kbar”.

Facebook Comments

Post a comment