Fl-aħħar ġimgħat, diversi nies ġew jistaqsuni: Allura issa, wara l-Brexit, ma taħsibx li Malta wkoll għandha tibda taħseb biex tħalli l-Unjoni Ewropea?
Quddiem mistoqsija bħal din, faċli tfaqqa’ tweġiba skjetta, iva jew le, u tibqa’ għaddej. Biss naħseb li l-mistoqsija jistħoqqilha tweġiba ħafna aktar maħsuba. Bil-Brexit, inħolqot realtà ġdida fl-Ewropa: il-mudell ta’ għaqda dejjem akbar fuq il-mudell tal-Unjoni Ewropea ma baqax irrevokabbli, kif konna naħsbu sa ftit ilu. Fil-prattika, mhux biss fit-teorija, jista’ jitreġġa’ lura. Kull pajjiż membru, inkluża Malta, se jkun jista’ jqis fil-kas tiegħu għandux jagħmel hekk jew le.
Issa veru li skont is-sondaġġi, minnufih wara r-riżultat tal-Brexit, kien hemm xejra ġdida qawwija fl-opinjoni publika favur l-Unjoni. Imma jekk ir-riħ politiku jonfoħ mill-kuntrarju, ċaqliq bħal dan malajr jixxengel lura. Nemmen għalhekk li tajjeb li wieħed iqis tweġiba għall-mistoqsija li saritli, b’mod kemm jista’ jkun oġġettiv. Dan nagħmluh billi niflu r-realtajiet li jkun għadda minnhom u qed jgħix il-pajjiż bħala membru tal-Unjoni.
Għandna niflu bl-istess mod ir-realtajiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea llum, b’saqajna mal-art.
U minn hemm, għandna naslu għal konklużjonijiet dwar x’jaqbel għall-pajjiż fuq medda tat-tul: jekk hux li jsegwi fil-passi tar-Renju Unit jew le.
F’dan l-artiklu, u fit-tnejn ta’ warajh fil-ġimagħtejn li ġejjin, se nipprova nagħmel dan l-eżerċizzju dwar Malta, biex naraw x’jaqbel għalina. Jekk stħarriġ ta’ dix-xeħta se jagħmel sens, irid isir bl-impenn li nsegwu mhux il-ġibda tas-sentimenti u tax-xewqat, imma l-verità tal-fatt.
Illum niddiskutu x’kienu r-riżultati matul is-snin li pajjiżna qatta bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

L-IMPATT TAS-SĦUBIJA FUQ MALTA

Il-fehma ġenerali f’Malta, biex ma ngħidx id-domma, hi li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet suċċess. Biex tinfirex u tissaħħaħ dil-fehma, għenet sew il-pożizzjoni taż-żewġ partiti politiċi l-kbar li mxew ’il quddiem fuq il-bażi tad-deċiżjoni meħuda mill-poplu fl-2003 u ma ħarsux “lura”. Il-kritika dwar l-operat tal-Unjoni Ewropea f’Malta ġiet marġinalizzata, ħaġa li kkondizzjonat il-mod kif issawret l-opinjoni publika.
Sadattant, matul is-snin waslulna fondi sostanzjali mill-Unjoni li ntużaw fil-bini ta’ toroq u infrastrutturi oħra. Ħallew il-marka tagħhom, kif għamlu l-boroż ta’ studju u opportunitajiet għal vjaġġi u tagħlim ġdid li kisbu bosta żgħżagħ Maltin. Fil-qasam tal-ambjent u f’oqsma oħra, iddaħħlu liġijiet ta’ ġid kbir, ħalli skont in-normi tal-Unjoni Ewropea jħarsu l-ambjent u r-riżorsi naturali tal-pajjiż, u jsaħħu l-governanza tal-pajjiż. Biex dan jiġri, l-liġijiet u r-regolamenti Maltin, tista’ tgħid kollha, ġew irranġati u saru konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Ħafna minn dawn il-bidliet kienu pożittivi. Għenu biex jimmodernizzaw is-sitwazzjoni ġenerali f’Malta, kemm ekonomika, kemm soċjali. Il-Maltin saru aktar “miftuħa” għall-bidliet li seħħew barra minn xtutna (għalkemm wieħed jista’ jargumenta li dil-ħaġa kienet tiġri xorta waħda minħabba t-trasformazzjoni enormi li ġrat fil-mezzi ta’ kumnikazzjoni, fuq kollox permezz tal-internet).
Kemm ilna fl-Unjoni, il-popolazzjoni ta’ Malta saret aktar varjata, u żdiedu fostna l-ħaddiema Ewropej. Qamet il-problema tal-immigrazzjoni llegali mill-Afrika u l-Lvant Nofshani. Biss, din kienet tqum xorta waħda, ġewwa jew barra l-Unjoni Ewropea. Kif ilqajna għaliha sa issa, aktar iddependa mir-rabtiet li kellna ma’ pajjiżi oħra ħbieb, milli mas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.

L-EKONOMIJA

Fil-fatt, hu l-impatt ekonomiku mitqies b’mod ġenerali li wieħed irid jistħarreġ biex jifhem kemm u kif is-sħubija ta’ Malta fl-UE switilha iva jew le, ta’ ġid – lil hinn mill-argumenti dejqa dwar kemm l-Unjoni bagħtet fondi lejn il-pajjiż. U hawn, minkejja l-propaganda, ir-riżultati miksuba ma jikkonfermawx xi titjib ekonomiku sostanzjali għall-pajjiż. Hi ħaġa ċara li l-qagħda llum, jekk titqabbel ma’ kif kienet qabel l-2003, turi progress li mhux żgħir. Imma lanqas mhu ta’ barra minn hawn. Xejn ma juri li mingħajr is-sħubija ma konniex nagħmlu l-istess, jew aħjar.
Għal bosta snin, it-tkabbir ekonomiku kien anqas minn dak li ġarrabna fis-snin ta’ qabel sirna membri tal-UE. Jiġifieri, wieħed jista’ jargumenta – minkejja d-dommi mxandra ma’ kullimkien – li kieku Malta baqgħet barra l-Unjoni Ewropea, kien ikollna ekonomija aktar qawwija minn tal-lum. Hu biss fl-aħħar tliet snin ta’ tmexxija taħt gvern Laburista li l-ekonomija Maltija ħadet spinta kbira ’l quddiem. Dan żgur ma ġarax minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Fuq livell finanzjarju, waqt li kienu daħlu fondi sostanzjali mill-Unjoni, kellna snin li matulhom id-dħul ta’ fondi minn Brussell waqa’ lura. Spiċċajna nħallsu lill-Unjoni wisq aktar milli konna ndaħħlu. Terġa’, kif kien imbassar, waqt li l-esportazzjoni industrijali tagħna staġnat, l-importazzjoni mill-Ewropa kibret qatigħ. Id-defiċit kummerċjali – jiġifieri d-differenza bejn dak li nbigħu lill-Ewropa u dak li nixtru mingħandha – kompla jikber.
Problema oħra tqanqlet mill-insistenza tal-gvern ta’ Lawrence Gonzi li jdaħħal lil Malta malajr malajr fiż-żona tal-ewro. Dan kien żball kolossali. Talanqas wara, l-istess gvern, b’nefqa kbira ta’ riżorsi, rnexxielu jilqa’ xi ftit għall-iżball tiegħu. Biex jagħmel hekk, għabbiena bil-piżijiet finanzjarji tad-difiża tal-ewro, kif ukoll kellu jdaħħal (bħall-pajjiżi kollha tal-ewro) kontrolli ġodda minn Brussell fuq kif il-gvernijiet imexxu l-baġits nazzjonali tagħhom.
Fil-frattemp, seħħew l-effetti fuq l-ekonomija Maltija mbassra minna li konna oġġezzjonajna għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fiż-żmien li sar. L-industrija Maltija ċkienet bin-nofs. L-istess jew aktar il-biedja u s-sajd. It-tarznari għalqu, kif ukoll is-Sea Malta. L-Air Malta tinsab f’xifer l-irdum. Iż-żieda f’investiment ġdid privat li suppost kellha tiġri, baqgħet ma dehritx. L-impjiegi prekarji u l-faqar relattiv kibru.
Kif allura l-ekonomija żammet baqgħet fil-wiċċ? Kik kibret? It-turiżmu baqa’ sostenn ewlieni. Is-servizzi finanzjarji, imbagħad il-qasam tal-imħatri bl-internet daħlu bil-kbir biex jagħtuna spalla. Għadhom jagħmlu hekk sal-lum. Madankollu, il-wasla tagħhom m’għandha xejn x’taqsam mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Biha jew mingħajrha kienu jiġu jew ma jiġux xorta waħda! Sempliċement kienu jrabbu profil u mġiba differenti.

LIL HINN MILL-EKONOMIJA

Jibqa’ fatt li ma tistax tiċħdu: lil hinn mill-ekonomija, maġġoranza ta’ Maltin u Għawdxin jemmnu fis-siwi għalihom u għal familthom, tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u anki fiż-żona tal-ewro. L-istess ħaġa ġrat u qed tiġri f’pajjiżi Ewropej oħra. Jekk hemm pajjiż membru li qalagħha bil-kbir għax kien membru taż-żona ewro, dan hu l-Greċja. Biss minkejja kollox, sal-lum, maġġoranza ta’ ċittadini Griegi, għalkemm huma kontra l-miżuri ħorox li tgħabbew bihom f’isem l-ewro, xorta ma jridux li pajjiżhom jitlaq miż-żona tal-munita.
Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea rnexxielha tikwi l-viżjoni tagħha ta’ Ewropa magħquda fil-kuxjenza tal-popli. Kien fl-aħħar snin li ddgħajfet din il-fehma taħt id-daqqiet waħda wara l-oħra tal-awsterità, tal-immigrazzjoni u tat-terroriżmu. F’Malta, dil-kuxjenza għadha qawwija, magħquda ma’ fehma (li jien inqis żbaljata) dwar kif il-gżira bbenefikat bil-qawwi ekonomikament mis-sħubija. Taqbel magħha jew ma taqbilx, hi kuxjenza li qiegħda hemm, li esprimiet ruħha b’mod demokratiku, u li għalhekk għandha tingħata kull saħħa meta tifli l-mistoqsija dwar jekk triq bħal tal-Brexit tgħoddx għal Malta.
Biex inkomplu bl-istħarriġ tagħna dwar din il-proposta, jeħtieġ naraw kif u safejn l-Unjoni Ewropea nnifisha laħqet il-miri politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħha. Nagħmlu hekk bħal-lum ġimgħa.

Facebook Comments

Post a comment