Bomba oħra faqqgħet fl-Ewropa dil-ġimgħa: mhux tal-immigrazzjoni, mhux tat-terroriżmu, imma ta’ kif nies magħrufa, kbarat, mexxejja politiċi, negozjanti kbar u oħrajn irnexxielhom matul is-snin jibnu xbieki ta’ kumpaniji moħbija. Poġġewhom f’pajjiżi bħall-Panama jew il-gżejjer Karibej. Fihom deffsu flejjes u kuntratti li riedu jaħbu, mill-awtoritajiet tat-taxxi, jew minn sħabhom fil-gvern, jew mill-pulizija… Fost oħrajn, imdaħħla f’hekk, kien hemm missier il-Prim Ministru Ingliż Cameron, il-Prim Ministru tal-Islanda, figuri magħrufa fid-dinja tal-isport, bankiera Ġermaniżi… biex ma nsemmux lill-President Putin tar-Russja u lir-re tal-Marokk.
Il-ġurnal Suddeutsche Zeitung iddobba miljuni ta’ dokumenti ta’ kumpanija mill-Panama li kienet tirranġa biex min għandu flus jew possibiltà ta’ flus ikun jista’ jaħbihom f’kumpaniji sigrieti. Grupp ta’ ġurnalisti rranġaw fl-aħħar xhur biex jiflu dawn id-dokumenti u jagħtuhom sura. Issa qed jippublikawhom. Ta’ min wieħed forsi jistaqsi min hemm realment wara dawn il-ġurnalisti. Tal-Wikileaks qed isostnu li parti mill-operat ta’ dawn il-ġurnalisti ġie finanzjat mill-gvern Amerikan u l-finanzier George Soros biex jiskreditaw lill-President Putin tar-Russja.
Iżda hu min hu li qed jorganizza u jiffinanzja lill-ġurnalisti, il-kwistjonijet li qed iqajmu huma mill-aktar importanti u qed jheżżu s-sisien ta’ kif in-nies… fl-Ewropa u barra… tifhem li qed titwettaq jew le il-ġustizzja soċjali.
Huma kwistjonijiet splussivi f’Ewropa fejn l-awsterità fit-tmexxija ekonomika u l-prekarjat fil-ħolqien tal-impjiegi baqgħu sodi — fejn il-faqar żdied minkejja l-wasla ta’ immigranti li jaraw lill-Ewropa bħala t-tama l-kbira tagħhom.

IL-KARTI TAL-PANAMA

Reġa’ ħareġ fiċ-ċar li minkejja r-regolamenti internazzjonali li ddaħħlu fl-aħħar deċennji biex irażżnu l-ħasil tal-flus li jsir għal kull xorta ta’ raġuni, banek ewlenin Ewropej u konsorzji finanzjarji kbar kienu mdaħħla fil-biċċa ta’ kif flejjes mizmuma minn persuni privati jgħaddu għall-Panama. U forsi aktar serja minn hekk, f’kif diriġenti ta’ pajjizi mizmuma taħt sanzjonijiet finanzjarji internazzjonali qed jirnexxilhom jevitaw b’mod massiċċ is-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda.
Firxa sħiħa ta’ għaqdiet volontarji tas-soċjetà ċivili Ewropea nedew protesti qawwija malli bdew joħorġu l-karti tal-Panama. Kemm il-Kunsill tal-Ministri u kemm il-Kummissjoni Ewropea ġew avviċinati dwar hekk. F’laqgħat tal-Parlament Ewropew il-karti tal-Panama isemmew bla waqfien. Kif mistenni, l-gruppi politiċi tiegħu ħarġu kundanni qawwija u talbu li tittieħed azzjoni ġdida biex l-abbuzi li qed jitwettqu jitwaqqfu. Ħafna madankollu kienu konxji mill-fatt li numru sostanzjali mill-kazi li jidhru fil-karti tal-Panama, anki jekk mhumiex aċċettabbli, ġraw u qed jiġru f’legalità sħiħa.
Inevitabbilment, l-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet membri ftit għandhom alternattiva ħlief li jieħdu l-miżuri mitluba minnhom, jew xi miżuri. Diġà jidher li dal-proċess se jingħaqad mal-ieħor li ilu għaddej sena u nofs biex irażżan il-mod kif il-kumpaniji multinazzjonali l-kbar iċaqalqu l-flejjes u l-profitti tagħhom madwar id-dinja biex jiskansaw it-taxxi li jħallsu. Fuq hekk, kollox kien inbeda meta patafjun sħiħ ta’ dokumenti ġew mgħoddija lill-medja Ewropea. Minnhom, ħarġu l-arranġamenti partikolari li l-gvernijiet tal-Olanda, il-Lussemburgu u l-Belġju kienu għamlu mal-kumpaniji multinazzjonali biex jiċċarġjawhom taxxi baxxi jew l-ebda taxxa jekk ipoġġu xi uffiċċji fil-pajjiż. Quddiem l-iskandlu li qam għal din is-sejba, li għadha magħrufa bħala l-Lux leaks, kulħadd ukoll ħass dak iż-żmien li kellhom jittieħdu passi ġodda.

FEJN WASLU FUQ LUX LEAKS

Fejn waslu sa issa? Min-naħa tal-Parlament Ewropew kien twaqqaf kumitat speċjali dwar taxxi li għamel rapport twil u dettaljat. Fost affarijiet oħra, ippropona li tiddaħħal sistema l-istess mal-pajjiżi Ewropej kollha ta’ kif il-kumpaniji l-kbar jippreżentaw il-kontijiet tagħhom; li jiġu publikati l-profitti ta’ kull kumpaniji mulitnazzjonali ta’ ċertu daqs pajjiż b’pajjiż; u li fejn gvern ta’ pajjiż jasal għal ftehim speċjali dwar ħlas ta’ taxxa ma’ kumpanija multinazzjonali, dawn il-ftehimiet għandhom jiġu pubblikati.
Il-miżuri li ppropona l-Parlament Ewropew imorru lil hinn sew mir-regoli li kienu laħqu ftehim dwarhom il-pajjiżi membri tal-OECD, l-Organiżazzjoni għall-Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku. Fiha jinġabru l-aktar pajjiżi ekonomikament avvanzati. Waqt li sabu l-appoġġ ta’ maġġoranza kbira ta’ deputati Ewropej, il-proposti ntlaqgħu bi bruda liema bħalha minn rappreżentanti tan-negozju u minn ċerti gvernijiet.
Fl-istess ħin, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea kienu qed jitħejjew proposti għal direttivi ġodda ta’ kontroll u trażżin fuq kif jinħadmu t-taxxi tal-multinazzjonali. Dawn ma marrux ‘il bogħod daqs il-proposti tal-Parlament Ewropew, fejn qamet kritika kontrihom. Imma l-Kummissjoni qalet li l-proposti tagħha tfasslu b’mod li se jkollhom ċans li jsibu qbil fil-Kunsill tal-Ministri.
Għax filfatt dan tal-aħħar ukoll, beda jiddiskuti l-proposti finali l-aktar fuq il-bażi ta’ x’ipproponiet il-Kummissjoni. Qbil sħiħ kien għadu jrid jinstab meta faqqa’ l-iskandlu tal-karti tal-Panama. Pajjiżi li jiddependu b’xi mod mis-servizzi finanzjarji, mhux l-anqas Malta, sabuha diffiċli jaċċettaw proposti li dehru li se jnaqqsulhom il-poter li jiċċarġjaw it-taxxi li jaqblilhom jew li jdaħħlu miżuri ta’ kontroll li jgerrxu l-investimenti privati f’pajjiżhom.
Terġa’ qam ukoll l-argument li l-pajjiżi Ewropej ma jridux ipoġġu lilhom infushom fi żvantaġġ kompetittiv. Dan jiġri jekk huma bejniethom jinsistu li l-kumpaniji multinazzjonali jiddikjaraw pajjiż pajjiż il-profitti li jkunu għamlu, waqt li f’pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, ma jkollhomx jagħmlu l-istess ħaġa. Biex tagħqad, l-Istati Uniti kkritikaw dis-sistema u l-Ministru tal-Finanzi Amerikan stqarr li pajjiżu mhux se jirrikonoxxiha.

RABJA TAĊ-ĊITTADINI

Quddiem ir-rabja taċ-ċittadini, passi ġodda se jkollhom jittieħdu. L-aktar ħaġa faċli tkun li x-xogħol li qed isir dwar il-mutinazzjonali, jinfirex biex jiġi applikat għall-individwi u entijiet “sinjuri”. Forsi aktar ħaġa faċli tgħidha din, milli twettaqha. Fl-aħħar mill-aħħar, il-modi kif kumpaniji kbar jiżgiċċaw milli jħallsu t-taxxi mhumiex l-istess bħal ta’ ħaddieħor. Jekk il-miżuri li se jiddaħħlu fuq il-kumpaniji l-kbar jintrabtu ma’ taż-“żgħar” (jekk nistgħu nsejħulhom hekk), is-sogru jkun li kollox jaqa’ lura, ħaġa li żgur ma jridux iċ-ċittadini nfiskati bl-iskandli finanzjarji.
Sadattant, fil-mira tal-miżuri li mistennija jittieħdu se jitpoġġew is-servizzi finanzjarji u kif qed jiġu provduti. Għalina f’Malta dan iqanqal tħassib kbir. Is-settur finanzjarju sar mill-aktar importanti f’pajjiżna. Kien responsabbli għal ħafna mit-tkabbir ekonomiku tal-aħħar snin.
Il-karti tal-Panama qed juru lis-servizzi finanzjarji, kważi f’karikatura, bħala magħmula minn maniġġi biex jevitaw il-flus lis-sinjuri u jgħinu lill-korrotti jgawdu l-flejjes li jkunu skrokkjaw. Mhux biss se jkollhom jogħlew l-istendards ta’ kif isiru l-affarijiet u jiddaħħlu aktar kontrolli, imma t-timbri li jingħataw ċerti pajjiżi magħrufa għat-tħaddim ta’ servizzi finanzjarji se jsiru aktar diffiċli. Per eżempju, malli ġew pubblikati l-karti tal-Panama, Franza daħħlet minnufih kontrolli ġodda fuq transazzjnijiet finnazjarji mal-Panama. Diġà il-kliem “tax haven” xejn ma kienu jfuħu; issa saru jintnu.

Facebook Comments

Post a comment