Ta’ spiss meta nżur lokalitajiet u organizzazzjonijiet mal-pajjiż kollu, jitqanqlu mistoqsijiet dwar fondi mill-Ewropa. Kif jistgħu jinġabu? Kif jistgħu jintużaw? Il-gvern kif qed iħaddimhom?
Ħafna jifhmu li hemm fondi li jirċevihom il-gvern għal proġetti tiegħu. 10 fil-mija tal-pakkett finanzjarju li Malta tirċievi jiġi allokat għal Għawdex. Il-fondi jitqassmu mal-pajjiż u jistgħu jintrabtu ma’ inizjattivi kbar jew mifruxa fuq numru relattivament kbir ta’ proġetti ftit jew wisq mezzana jew żgħar.
Imbagħad hemm possibilitajiet biex proġetti oħra li jittellgħu minn kumpaniji kummerċjali jew entijiet ċivili volontarji jiġu finanzjati anke direttament minn Brussel. Dan għax l-Unjoni Ewropea għandha għad-dispożizzjoni tagħha fondi oħra maħsuba biex iqanqlu investimenti ġodda fl-Ewropa.
Ta’ min ifakkar li l-biċċa l-kbira mill-fondi li jiġu mill-Unjoni Ewropea huma indirizzati lejn l-investiment. L-għan warajhom ikun dak li joħolqu ħidmiet ġodda jew biex iġeddu ħidmiet siewja oħra li jkunu għaddejja fil-komunitajiet Ewropej.
Jidhirli li f’pajjiżna għadna ma sibniex sew xinhu l-aħjar mod kif niddobbaw u nużaw minn dawn il-fondi, speċjalment fir-rigward ta’ inizjattivi privati. Il-problema hi li ċ-ċokon ta’ pajjiżna jaħdem kontrina. Dawk li jaspiraw biex jieħdu l-fondi bilfors ikollhom proġetti żgħar ħafna – bil-kejl ta’ Brussell – u allura ċ-ċans hu li jingħataw priorità baxxa. Terġa’, meta individwi u organizzazzjonijiet Maltin u Għawdxin jinteressaw ruħhom fi proġetti ġodda, problema tkun li ma jkollhomx mezzi biżżejjed biex jippreżentaw u jiddefendu tajjeb b’mod tekniku l-proposti li jagħmlu.
Għax qabel jinħarġu l-fondi, iridu jitħejjew il-pjani ta’ kif se jittella l-proġett, kif se jiġi finanzjat u dettalji serji dwar min se jħaddmu meta jkun lest u kif. Il-passi li jiġu segwiti qabel il-fondi jiġu approvati x’aktarx li jidhru komplikati għal ħafna. L-istess jista’ jingħad għall-mod kif pass wara l-ieħor, il-fażijiet differenti tal-proġetti jridu jitmexxew ’il quddiem b’dokumentazzjoni dettaljata.
Ħafna drabi, meta proġett ma jkunx organizzat b’mod li jkollu min qed jieħu ħsieb dawn l-affarijiet, malajr jiġġammja. Imma għal diversi għaqdiet ta’ negozju żgħir jew ta’ volontarjat, tidher bħala spiża żejda dik li jkollhom wieħed jew waħda fosthom biex jieħu biss ħsieb ta’ dawn l-affarijiet. Aħjar il-flus imorru kollha fuq il-proġett innifsu. Hekk iqisu. Madankollu mingħajr persuna inkarigata mit-tmexxija tal-fondi Ewropea, proġett malajr jista’ jisfuma.

***

IMPJIEGI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Din hi aħbar li dehret dan l-aħħar f’ġurnal Spanjol:
“Għalkemm l-ekonomija (ta’ Spanja) rpiljat, mhux qed jirriżulta titjib fl-impjiegi għal dawk li huma fost l-aktar żgħażagħ. Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda għadhom qed jiltaqgħu ma’ diffikoltajiet biex isibu x-xogħol. Ir-rata ta’ qgħad fost min għandu anqas minn 30 sena qed tilħaq iċ-ċifra ta’ 33.5 fil-mija, u dan wara li ilna b’ħames snin ta’ tkabbir ekonomiku. Dawk li jsibu xogħol qed ikollhom jikkuntentaw b’kuntratt definit u prekarju li ma jippermettilhomx jgħixu ħajja indipendenti. Dawn il-fatturi qed jagħmlu miż-żgħażagħ Spanjoli s-settur li l-aktar qed jaffaċċja ir-riskju ta’ faqar fi Spanja.”
Ftit jista’ jkun hemm xhieda aħjar tal-problemi soċjali li l-Ewropa għadha qed iġġarrab minkejja li mal-Ewropa kollha tista’ tgħid, l-ekonomija baqgħet tikber. Il-kriżi li telqet fl-2008 serviet milli jidher biex b’mod permanenti, il-kondizzjonijiet tax-xogħol jeħżienu u l-qagħda taż-żgħażagħ fiċ-ċirkostanzi familjari u soċjali tagħhom minflok tmur ’il quddiem, tkompli taqa’ lura. U mhux biss fi Spanja.
Dis-sitwazzjoni qed tħasseb kemm lill-partiti politiċi u kemm lir-rappreżentanti tan-negozji. Il-biża’ hu wkoll li ż-żgħażagħ iduru lejn organizzazzjonijiet politiċi estremi – ħaġa li diġà bdiet tiġri, speċjalment fost komunitajiet ta’ familji li tradizzjonalment kienu jaħdmu fl-industriji u fost familji ta’ immigranti riċenti u anqas riċenti.
Il-mistoqsija l-kbira hi: x’jista’ jsir biex il-qgħad u l-prekarjat fost iż-żgħażagħ Ewropej jitrażżnu u jingħelbu? Waqt li t-tħassib qed jikber li ekonomikament l-Unjoni Ewropea tinsab dieħla f’riċessjoni oħra, ftit hemm risposti ċari għal dil-mistoqsija. Għalhekk l-għajta għal Ewropa soċjali qiegħda tikber. Imma sejra tirnexxi?

***
DWAR IL-PAGA MINIMA

Kellna min fl-aħħar ġimgħat qajjem il-kwistjoni tal-paga minima fl-Ewropa u f’Malta. Issa jien wieħed minn dawk li jemmnu li l-paga minima, kull fejn teżisti fl-Unjoni Ewropea, għandha tiżdied fi sforz kordinat bejn il-pajjiżi membri. B’hekk, jitjiebu l-kondizzjonijiet ta’ ħajja tal-ħaddiema u l-impjegati li jinsabu minn taħt. Iż-żieda għandha ssir skont il-kondizzjonijiet tal-pajjiżi membri differenti. Għax kulħadd ikun qed jgħolli l-paga minima fl-istess ħin, ħadd ma jispiċċa jitlef mir-rankatura ekonomika tiegħu peress li l-oħrajn ikunu qed jagħmlu l-istess ħaġa bħalu.
Dan x’naħseb jien li għandu jsir. Hemm ħafna li ma jaqblux, kemm fuq il-lemin u kemm fuq ix-xellug. Biss sforz li sar dan l-aħħar fil-midja Maltija kien biex juri kif il-paga minima tagħna fl-aħħar sena ma kibritx bl-istess rata tal-paga minima fil-bqija tal-Ewropa. Tħares lejn iċ-ċifri taż-żieda fil-paga minima li ntwerew ikollok bilfors taqbel…
Sakemm tqis ma’ liema pajjiżi ġejna pparagunati… b’mod naturali, dawk li jinsabu fil-faxxa Mediterranea ta’ pajjiżi Ewropej… fosthom il-Greċja, Spanja u l-Portugall. Meta tagħmel hekk, issib li fl-aħħar sena, dawn il-pajjiżi speċjalment Spanja u l-Greċja, tellgħu bil-qawwi l-paga minima tagħhom.
Għaliex għamlu hekk?
Kemm Spanja u kemm il-Greċja għaddew l-aħħar seba’ snin u aktar f’awsterità ekonomika mill-aqwa. Kellhom jilqgħu għal kriżijiet finanzjarji enormi. Bl-issikkar taċ-ċinturin li wettqu, kkawżaw danni soċjali kbar. Il-pagi u l-benefiċċji soċjali tqaċċtu matul is-snin. Issa li s-sitwazzjoni ekonomika tidher aħjar (għalkemm il-kondizzjonijiet ta’ għajxien baqgħu ħżiena komparati ma’ li kienu qabel), u li waslu l-elezzjonijiet, il-gvern soċjalista Spanjol u dak tal-Greċja – li beda bħala xellug estrem u diffiċli tgħid fejn jinsab issa – raw kif itejbu l-qagħda tal-ħaddiema u l-pensjonanti.
Ma rridx infisser li għamluha biss minħabba l-elezzjoni. Biex wieħed ikun ġust, irid jgħid li speċjalment fil-Greċja kienu ilhom jipprovaw jagħmluha. Imma r-regoli ta’ tmexxija taż-żona ewro ma ppermettulhomx iwettqu politika li setgħet twassal biex titħaffer ħofra finanzjarja ġdida fil-baġit tal-gvern.
Dis-sena mela fl-aħħar, żiedu l-paga minima bil-kbir… fi Spanja kważi b’20 fil-mija. Biss, matul is-snin li l-paga minima f’dawn il-pajjiżi baqgħet fejn kienet jew tnaqqset, f’Malta baqgħet tielgħa sena wara l-oħra biex tpatti għall-effetti tal-għoli tal-ħajja. Terġa’, f’Malta iż-żieda fil-paga minima titwettaq mhux biss għal dawk li jitħallsu biha, imma għall-pagi kollha fil-pajjiż. Dis-sena wkoll, iż-żieda ta’ sena f’Malta kompliet tikkompensa għall-għoli tal-ħajja. Imqabbla ma’ dawn iż-żidiet ta’ f’daqqa matul l-istess sena li taw Spanja u l-Greċja, bilfors li ż-żieda fil-paga minima Maltija tidher qisha kienet felula.
Issa, jekk tħares lejn x’ġara fuq medda ta’ seba’ snin u aktar, issib li l-paga minima Maltija telgħet ħafna aktar matul daż-żmien milli għamlet il-paga minima fil-pajjiżi Ewropej li jinsabu fiż-żona tagħna. Meta tqis fejn tinsab il-paga minima f’Malta llum imqabbla mal-bqija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, issib li tinsab kważi fin-nofs ta’ bejn l-ogħla u l-anqas rati. Dan jikkostitwixxi riżultat ta’ preġju.

Facebook Comments

Post a comment