Fil-mument li qed nikteb dan, l-istorja tal-Brexit għadha mdendla. Naħseb li se tkun għadha mdendla anke waqt li int se tkun qed taqra l-artiklu. Ma’ kull min nitkellem fil-Parlament Ewropew, “Ingliż” jew “Ewropew”, il-kelma baqgħet l-istess: ħadd għadu ma jaf kif tista’ tispiċċa din l-istorja. Kulħadd imħasseb.
Il-Prim Ministru Ingliża Theresa May reġgħet iltaqgħet ma’ Jean Claude Juncker. Riedet tara kif tista’ tisloħ xi bidla kbira biżżejjed fil-ftehim li waslet għalih dwar il-Brexit, biex imbagħad il-ftehim isir jgħoġob lid-deputati Ingliżi fil-House of Commons ħalli jivvotaw f’maġġoranza favurih. Wara l-laqgħa, bagħtet ittra formali li Juncker u n-negozjatur Ewropew dwar il-Brexit, Michel Barnier, qalu li sabu interessanti.
Biss, il-pożizzjoni tagħhom baqgħet li mhi se ssir l-ebda bidla fit-trattat diġà ffirmat bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. L-aktar li setgħu jaslu hu għal kjarifiki dwar “xi jfisser” it-trattat propost. U May kellha terġa’ ddur lejn il-Parlament Ingliż biex titlob li d-deputati jtawlu ż-żmien li tawha ħalli tiġi lura quddiemhom bil-proposti ġodda tagħha dwar il-ftehim milħuq.
Did-darba, fattur ġdid – jew inħass bħala ġdid fi Brussell – kien stqarrija tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni li lest jitkellem ma’ May dwar kif “flimkien” jistgħu jsibu triq ’il quddiem. Did-darba, May ma xkupatx ’il barra, kif kienet imdorrija tagħmel, l-offerta tal-Oppożizzjoni.
L-Ewropej qed jirnexxilhom iżommu l-għaqda bejniethom madwar abbozz ta’ trattat dwar il-Brexit li filfatt tahom kull ma xtaqu. Madankollu, il-biża’ ta’ Brexit bla ftehim bejn iż-żewġ naħat qed jikber anke fosthom… jew talanqas fost in-negozjanti u l-impriżi l-kbar tagħhom. L-istess qed jiġri fost il-Brittaniċi u l-Irlandiżi.
L-inkwiet dwar x’jista’ jinqala’ infirex b’mod aktar wiesa’ minn hekk. Laħaq lill-Fond Monetarju Internazzjonali f’Washington u lill-mexxejja taċ-Ċina fejn ir-rankatura ekonomika tal-pajjiż ħabtet tmajna dan l-aħħar. Il-biża’ hu li barra l-inċertezzi li se jinħolqu bit-tiċrita fl-Unjoni Ewropea hekk kif ir-Renju Unit jitlaq minnha, jekk it-tluq isir bla ftehim se jinħolqu inċertezzi aktar akuti. Iż-żewġ naħat ħadu l-prekawzjonijiet tagħhom biex jilqgħu għal dax-xenarju. Xorta waħda, ħafna osservaturi mhumiex jemmnu li dawn il-prekawzjonijiet se jkunu biżżejjed biex jevitaw skariġġi qawwija, kemm naħa u kemm oħra. L-istess inkwiet qed jinħass anke f’Malta.
Waqt dan kollu baqgħu sodi l-pożizzjonijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni Ewropea. Tal-aħħar kif għedna, baqgħet tistqarr li l-ftehim iffirmat ma jistax jinbidel. Għal tal-ewwel Mrs May baqgħet tinsisti li se twettaq il-Brexit fid-data ssettajata għal Marzu, għax hekk ried il-poplu Ingliż. M’hemmx u m’għandux ikun hemm xi posponiment.
Issa naraw.

***
TRENNIJIET

Il-qasam tal-hekk imsejħa kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea hu maħsub biex jassigura li fit-tmexxija tas-suq ħieles, wieħed u magħqud Ewropew, il-kompetizzjoni bejn id-ditti jsir bil-fier mhux bit-tgħawwiġ. L-idea ta’ kemm suq ħieles joffri benefiċċji lis-soċjetà ġejja mill-argument li f’kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi, id-ditti se jkollhom isibu l-aħjar prezz u l-aqwa kwalità ħalli jintgħoġbu mix-xerrejja.
Il-ħsieb faqqas fl-Istati Uniti. Hemm, matul is-snin, iddaħħlu regoli li jiżguraw (suppost) li l-ebda ditta ma tieħu xi vantaġġ mhux ġust fuq ħaddieħor biex tiddomina s-suq u tikkontrolla għall-benefiċċju tagħha, kull bejgħ u xiri li jsir fil-linja ta’ produzzjoni tagħha. Allura r-regoli Amerikani jirranġaw pereżempju, biex jekk żewġ ditti kbar jiftehmu li jingħaqdu flimkien ħalli jissaħħu fis-suq, dal-“merger” (kif jissejjaħ) irid jiġi mifli minn aġenzija indipendenti mwaqqfa mil-gvern. Hi jkollha l-poter li tqis jekk il-“merger” hux abbużiv, jiġifieri maħsub ħalli bil-qawwa li ż-żewġ impriżi magħquda flimkien se jkollhom, jistgħu jordmu lill-kompetituri. Jekk jiġri hekk, wara, jkollhom it-triq miftuħa ħalli jiċċarġjaw kemm iridu lill-konsumaturi. Kemm-il darba ġara li r-regolaturi Amerikani daħlu fuq għaqda li kienet qed tiġi ppjanata minn impriżi kbar u waqqfitha hesrem.
Biex jinħoloq suq wieħed kompetittiv fl-Ewropa, il-ħsieb hawn kien li l-Ewropej jagħmlu tajjeb jekk isegwu fil-pass tal-Amerika. Twaqqaf dipartiment qawwi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea fi Brussell – “tal-kompetizzjoni”. Kellu jiżgura li l-qagħda kompetittiva fl-Ewropa tkun waħda ġusta.
Madankollu, b’kuntrast mal-Amerika d-dipartiment tal-kompetizzjoni Ewropew ikkonċentra l-aktar filli jissorvelja għajnuniet li l-istati jagħtu lill-impriżi privati, bħal sussidji jew għotjiet ta’ flus moħbija li jgħinu lid-ditti nazzjonali jegħblu lil ditti barranin fis-suq wieħed Ewropew. Ħafna mill-proġetti kbar ta’ investiment fl-Ewropa jkollhom jgħaddu mill-għarbiel tad-dipartiment tal-kompetizzjoni li jara jekk humiex jingħataw xi għajnuniet mhux permessi.
Dan ma jfissirx li d-dipartiment mhuwiex responsabbli wkoll biex jifli l-“mergers” li jsiru bejn il-kumpaniji. Każ ta’ dat-tip qajjem kjass fl-aħħar ġimgħat. Id-dipartiment tal-kompetizzjoni irrifjuta li jħalli lid-ditta kbira Siemens mill-Ġermanja tingħaqad mad-ditta kbira Franċiża Alstom. Iż-żewġ ditti jispeċjalizzaw fil-bini tat-trennijiet. Qed jibżgħu li daqt jidħlu fis-suq Ewropew iċ-Ċiniżi li għandhom impriża bħal tagħhom imma aktar mid-doppju tagħha. Jibżgħu li mifrudin, mhux se jkunu jistgħu jikkompetulha. Allura riedu jingħaqdu flimkien biex jilqgħu għall-avvanz Ċiniż. Il-gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Franza sostnew dil-proposta.
Id-dipartiment tal-kompetizzjoni Ewropew ra l-biċċa bil-maqlub. Il-Kummissarju Vestager li tmexxi d-dipartiment iddikjarat li l-għaqda proposta kienet se tiddomina wisq is-suq Ewropew u se teqred lil produtturi iżgħar tat-trennijiet. Qieset li wara kollox, iċ-Ċina ftit li xejn qed tesporta trennijiet jew partijiet minnhom lejn l-Ewropa. Bis-setgħat li għandha, Vestager iddikjarat li mhix se tippermetti l-“merger” ta’ bejn Siemens u Alstom.
Il-gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Franza pprotestaw bil-qawwa. Saħansitra stqarru li wasal iż-żmien li jerġgħu jinkitbu r-regoli dwar kif tista’ titmexxa l-kompetizzjoni fl-Ewropa.

***

IL-QAGĦDA TAL-BIEDJA

Il-qagħda mwiegħra tal-biedja Maltija llum hi r-riżultat tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Mingħajr protezzjoni fil-fruntieri u mingħajr miżuri speċjali ta’ għajnuna, l-biedja Maltija bilfors issib ruħha żvantaġġjata ħafna minn prodotti ġejjin minn inħawi oħra fl-Ewropa, li jitkabbru f’kondizzjonjiet ħafna aktar ixxamplati minn f’Malta. Biss, ir-regoli ta’ tmexxija Ewropea ma jippermettux dawn l-għajnuniet.
Fl-ewwel snin tas-sħubija, il-biedja Maltija bbenefikat minn għotjiet u sussidji maħsuba biex jgħinuha tinbidel u tissaħħaħ ħalli tlaħħaq mal-kompetizzjoni minn barra. Matul dawk is-snin deher li l-irziezet qed ikampaw. Imma meta s-sussidji qorbu lejn tmiemhom, il-qagħda ddalmet u għadha mdallma sal-lum. In-numru ta’ nies attivi fil-biedja baqa’ jonqos, l-età medja tagħhom kibret aktar, u d-dħul tal-bdiewa ukoll kompla jonqos.
Hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex fejn għad jista’ jingħata xi ħarsien lill-bidwi, dan jitwettaq… speċjalment kontra importazzjoni minn barra ta’ ħxejjex u ta’ frott li jinbigħu bħala taparsi Maltin, meta ma jkunux. Hemm bżonn ukoll li l-ftit riżorsi Ewropej li minnhom għadha tista’ tibbenfika l-biedja Maltija jintużaw b’galbu u ħeġġa. Biex pereżempju jinbnew u jissaħħu t-tikketti ta’ produzzjoni Maltija tal-biedja ħalli l-konsumaturi hawn, jibqgħu jagħtu preferenza lill-prodotti Maltin u jżidu fix-xiri tagħhom.
Sadattant wieħed jinnota kif l-istess nies li ressqu lill-bdiewa Maltin lejn il-bokka ta’ sqaq issa qed jipprovaw jerġgħu jingannawhom billi jgħidu li l-problema tal-biedja bħalissa hi li l-gvern Malti mhuwiex juża kif imissu l-fondi u r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea. Hi mod ta’ kif tħawwad il-bigħa… Li għandhom bżonn il-bdiewa llum mhumiex il-ftajjar magħmula mill-ħrejjef, imma għarfien sħiħ u biered tas-sitwazzjoni li fiha jinsabu. B’hekk triq ’il quddiem tista’ tinstab.
Għad baqa’ żmien biex il-biedja Maltija tkun salvata. Imma mhux bil-ħrejjef.

Facebook Comments

Post a comment