Telqu l-argumenti dwar kif fis-snin li ġejjin, l-Unjoni Ewropea se tkun qed tmexxi l-finanzi tagħha. Huma argumenti iebsa li dejjem jispiċċaw jaħarqu hekk kif il-pajjiżi membri tal-Unjoni kollha jipprovaw joħorġu l-anqas fondi u jdaħħlu minnhom l-aktar li jistgħu. Id-diskussjoni kbira li riesqa tikkonċerna kif bejn is-sena 2020 u s-sena 2027 se jitfasslu l-baġits tal-Unjoni. Il-ħsieb hu li jekk il-kwistjonijiet dwar il-baġit jitqajmu kull sena, tinħoloq inċertezza liema bħalha fl-Unjoni. Allura hu aħjar li jitfassal programm ta’ seba’ snin (imsejjaħ il-multiannual financial fraemwork, jew MFF; bil-Malti; il-qafas finanzjarju għal medda ta’ numru ta’ snin). Imbagħad, il-baġits ta’ kull sena jinħadmu skont id-direzzjonijiet mogħtija fil-MFF.
Fil-fatt, hemm proposti biex dawn is-seba’ snin isiru ħamsa u b’hekk jidħlu fis-seħħ fl-istess żmien ma’ Kummissjoni u Parlament ġodda. Jekk jiġri hekk, dan ikun l-aħħar perijodu fejn il-kalkoli finanzjarji jsiru fuq seba’ snin. Hu x’inhu, waqt li jkun għaddej l-MFF, f’nofsu jsir eżerċizzju biex jitqies jekk in-nefqa hijiex issir skont il-pjan tal-bidu jew le.
Dwar l-MFF il-ġdid, l-Kummissarju Gunther Oettinger responsabbli mill-baġit tal-Unjoni ta tifsira ġenerali f’Diċembru li għadda ta’ kif qed jara li l-programm finanzjarju ta’ bejn is-snin 2020 u 2027 għandu jinħadem. Fir-rebbiegħa mbagħad, Oettinger se joħroġ l-abbozz tal-pjan finali tiegħu fid-dettalji kollha. Minn hemm tibda bis-serjetá d-diskussjoni fil-Kunsill dwar dan l-abbozz finanzjajru sakemm jintlaħaq qbil dwar xi kompromess.
Sadattant, il-Parlament Ewropew jistinka biex ma jitħalliex barra minn dal-proċess. Joħroġ il-fehmiet u s-suġġerimenti tiegħu u jistenna li dawn jingħataw attenzjoni. Bħalissa il-kumitat tal-baġits tal-parlament qed jiddiskuti riżoluzzjoni bi tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament fuq il-pjan ta’ ħaems snin għal wara l-2020. Il-punti msemmija f’dan l-abbozz twil jagħtu stampa interessanti ħafna tal-kwistjonijiet li jitqajmu fit-tfassil tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea.

WARA L-BREXIT
Pereżempju, l-abbozz ta’ riżoluzzjoni jagħmel lista tal-miri ewlenin li l-Parlament jemmen għandhom jinżammu fuq quddiem nett fit-tħejjija tal-finanzi Ewropej. Fosthom insibu:
Il-finanzi tal-Unjoni għandhom ikomplu jappoġġjaw is-setturi l-kbar tal-politika Ewropea, u li huma l-qofol tagħha, kif jinsabu mdaħħla minn żmien twil fit-trattati Ewropej, jiġifieri, b’mod partikolari il-politika dwar biedja u sajd, u dwar dak li jissejjaħ il-koeżjoni – jiġifieri proġetti maħsuba biex iressqu reġjuni differenti tal-Ewropea lejn l-istess livelli ta’ għajxien.
Imma fis-snin ta’ wara l-2020, issostni r-riżoluzzjoni, l-Unjoni tkun trid turi permezz tal-mod kif tiffinanzja l-ħidmiet tagħha, li qed jirnexxielha tipprovdi soluzzjonijiet u li qed toħroġ imsaħħa mill-kriżijiet tal-aħħar snin. Trid turi ruħha kapaċi taffaċċja l-iżviluppi politiċi bħall-Brexit kif ukoll il-qawmien tal-populiżmu. In-negozjati tal-Brexit iridu juru li l-benefiċċji ta’ sħubija sħiħa huma wisq aqwa mill-ispiża li jġorru l-membri meta jikkontribwixxu għall-baġit.
Effettivament dawn il-miri jqanqlu l-mistoqsija kbira li tinsab quddiem in-negozjaturi dwar il-baġits tas-snin li ġejjin u li jridu jirriżolvu. Minn naħa, l-Kunsill tal-Ministri u l-Kunsill Ewropew jiddeċiedu miżuri ġodda li jżidu l-piżijiet finanzjarji fuq l-Unjoni. Min-naħa l-oħra, bħal ma ġara meta tlesta l-MFF li jinsab għaddej bħalissa, inaqqsu l-fondi li jgħaddu lill-baġit tal-Unjoni. Kif tista’ tlaħħaq ma’ aktar impenji meta l-flus jitnaqqsulek?
Biex tagħqad, hemm limitu ta’ kemm il-pajjiżi membri iridu joħorġu fondi: mhux aktar minn 1 fil-mija tal-valur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Kull meta qam is-suġġeriment biex dan il-limitu jiżdied, anke bi ftit, il-pajjiżi membri ma qablux. Fl-istess ħin, l-Unjoni la tista’ tissellef u lanqas twaħħal taxxi tagħha. Imma skont it-trattati Ewropej, hi mistennija li minn sena għal sena tispiċċa mingħajr ebda defiċit fl-operat tagħha. Kif inhu possibbli li jistgħu jintlaħqu dawn il-miri? U fil-fatt, mhux l-ewwel darba li dan sar permezz ta’ akrobazija sħiħa fil-mod kif il-kontijiet tlestew.
Issa, s-sitwazzjoni tħawdet aktar bil-Brexit. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni se jfisser it-telf ta’ xi 20 biljun ewro fis-sena mill-baġit tal-Unjoni; daqshekk il-Gran Brittanja kienet toħroġ għall-fondi Ewropej aktar milli ddaħħal minnhom. Kif se timtela’ dil-ħofra? Billi titnaqqas in-nefqa tal-baġit Ewropew? Billi tiżdied is-somma li l-pajjiżi membri tal-Unjoni joħorġu?

TAXXI EWROPEJ?
Fl-interventi tiegħu ta’ Diċembru, il-Kummissarju Oettinger wera li se jipprova jagħmel ftit minn kollox. Se jnaqqas min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni Ewropea, u ssemmew il-fondi tal-biedja u s-sajd u dawk tal-koeżjoni soċjali. Dil-ħaġa xejn ma niżlet tajjeb mal-parlamentari Ewropej u għalhekk li fl-abbozz tar-riżoluzzjoni li qed iħejju semmew lil dawn iż-żewġ setturi bħala l-“qofol” tat-trattati Ewropej.
Oettinger semma wkoll li l-istati membri għandhom iżidu l-limitu fuq kemm jista’ jintefaq fil-baġit. Malli tisma’ l-proposta tiegħu, tgħid li ma tantx spara ’l fuq – minn 1 fil-mija tad-daqs ekonomiku Ewropew irid li s-somma titla’ għal 1.1 fil-mija. Imma anke dil-proposta diġá qajmet nuqqas ta’ qbil fost il-pajjiżi membri. Bħal fl-imgħoddi, ma jridux jisimgħu b’żieda fil-ħlasijiet tagħhom. Sadattant, il-Parlament Ewropew se jkun qed jipproponi żieda għal 1.3 fil-mija.
Imma did-darba l-istati membri forsi mhux se jkollhom alternattiva ħlief li jgħollu l-limitu. Oettinger, bħall-Parlament Ewropew qed iwissi li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin kif għamlu sal-lum, bl-istati membri jgħabbu aktar u aktar ħidmiet ġodda fuq l-Unjoni, waqt li jgħaddulha flus anqas. Hu semma wkoll il-possibiltá li l-Unjoni Ewropea titħalla mill-gvernijiet membri iddaħħal xi taxxi “tagħha”. Għal xi żmien, tqajmu l-proposti li dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ ħarsien tal-ambjent, b’taxxi pereżempju fuq il-plastikk.
Dwar sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-Unjoni kien għamel rapport xi żmien ilu l-eks Prim Ministru Taljan Mario Monti. Hu kien semma diversi taxxi ġodda li possibilment isiru fuq bażi Ewropea. Imma r-rapport tiegħu baqa’ fuq l-ixkaffa. Għalkemm jiġu drabi meta r-rapport ta’ Monti jerġa’ jissemma, sa issa ftit hemm ċans li s-suġġerimenti tiegħu se jitilqu malajr.
Għax sa issa, l-istati baqgħu dejjem b’seba’ għajnejn għal kif jistgħu jnaqqsu kemm jistgħu l-impenji finanzjarji tagħhom lejn Brussell. Ingħidu aħna, hemm fondi li jaslu fi Brussell minn multi li l-Kummissjoni timponi fuq kumpaniji li jiksru r-regoli tas-suq Ewropew. Il-flus ta’ dawn il-multi, li dan l-aħħar bdew jiġu kkontjati fil-biljuni ta’ ewro, ma joħorġux mill-baġits nazzjonali imma mingħand il-kumpaniji mmultati. Biss l-istati membri baqgħu jinsistu li minflok jinżammu mill-Unjoni bħala fondi addizjonali, is-somma ta’ dawn il-flejjes titnaqqas mit-totall ta’ pagamenti li l-istati membri jridu jħallsu lill-Unjoni — proċedura li tiffrankalhom balla kbira ta’ flus. Fl-abbozz tar-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew qed jisħaq li dan mhux sew, għax l-istati membri għandhom iħallu l-fondi tal-multi bħala flus ekstra għall-baġit tal-Unjoni.
Mhux ta’ b’xejn li ħafna qed isostnu li l-Kummissarju Oettinger dieħel għal biċċa xogħol gwappa li se tagħtih ħafna taħbit. Messaġġ li Oettinger bagħat dil-ġimgħa fuq Twitter jgħid hekk: Din (tiegħi) missjoni impossibbli? Nittama li le. Imma jeħtieġli nġib il-qbil ta’ 27 gvern dwar baġit tat-tul għall-Unjoni Ewropea!

Facebook Comments

Post a comment