Ġimgħa ilu, iddiskutejna xinhu għaddej mix-xellug Ewropew. Xi ħadd staqsieni: U allura, l-lemin Ewropew jinsab paxxut? Għax ma semmejt xejn dwaru?
Paxxut? Bil-maqlub!
Il-ħsieb kien li wara li niddiskutu dwar is-soċjaliżmu Ewropew, illum inqisu ftit xinhu għaddej mil-lemin. Fil-verità, is-sena 2015 kienet iebsa għal-lemin, daqskemm kienet għax-xellug – jekk inpoġġu fil-ġenb ir-rebħa elettorali tal-konservattivi fir-Renju Unit. Biss il-bużillis hawn hu li l-konservattivi Ingliżi, ftit jidħlu fil-fasla taċ-ċentru-lemin Ewropew. La huma fih, u lanqas ma jidhru li jridu jkunu fih. L-aħjar inħalluhom fil-ġenb għalissa.
Kif għedna dwar is-soċjalisti, fil-każ tal-lemin ukoll il-pern tal-proposti politiċi tagħhom sar jitlaq miċ-“ċentru” – minn pożizzjoni politika jiġifieri, fejn jiddominaw ċerti ideat. L-istat m’għandux jindaħal bil-qawwi fit-tmexxija ekonomika. Il-unjins għandhom ikunu “moderati” fid-difiża tal-interessi tal-ħaddiema. Is-suq irid jinżamm ħieles kemm jista’ jkun, waqt li josserva regoli li jsostnu l-kompetizzjoni bejn l-azjendi. Il-ħarsien soċjali m’għandux jinkoraġġixxi l-għażż u t-telqa.
Fl-imgħoddi l-lemin Ewropew kien lest jafda aktar fl-istat biex isostni l-biedja u l-manifattura tal-pajjiż, u biex itaffi l-faqar. Kien jaġixxi bil-qawwa kontra t-trejd unjins u l-“komuniżmu”. Kien iserraħ bil-kbir għall-appoġġ fuq il-bdiewa, il-klassi tan-nofs fl-ibliet u n-negozjanti ż-żgħar ma’ kullimkien. Kienet tagħtih palata l-Knisja Kattolika kull fejn din kienet qawwija.

L-INFLUWENZA TAL-ĠERMANJA

Sa mill-bidu madankollu, l-lemin Ewropew ġarrab l-inflwuenza qawwija tal-lemin Ġermaniż, fejn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, kienet infirxet il-fehma favur li s-suq ħieles ikun marbut ma’ miżuri ta’ ħarsien soċjali. Ukoll, il-Ġermaniżi kienu fost l-aktar sostenituri qawwija tal-għaqda tal-Ewropa, għal żewġ raġunijiet: rawha bħala garanzija li ma terġax tqum gwerra Ewropea oħra (fuq dan kellhom il-qbil sħiħ tal-lemin Franċiż), u bħala mezz kif xi darba l-Ġermanja li dak iż-żmien kienet mifruda, terġa’ tingħaqad.
B’hekk il-lemin Ewropew sar il-mutur tal-għaqda Ewropea. Is-soċjalisti ngħaqdu fir-rankatura meta beda jidħol qbil, bl-appoġġ Ġermaniż, biex fil-binja Ewropea jibdew jiddaħħlu miżuri soċjali. Kien minn ħeġġa u kunsens favur il-binja Ewropea li l-lemin u x-xellug demokratiku fl-Ewropa bdew joqorbu lejn xulxin.
Dil-qrubija ssaħħet meta waqa’ l-ħajt ta’ Berlin fl-aħħar tas-snin 80 tas-seklu l-ieħor u l-Ġermanja ngħaqdet. Qam bidu ta’ paniku fost il-pajjiżi Ewropej l-oħra: dal-pajjiż ġgant li kienet saret il-Ġermanja se jerġa’ jiddominahom?
Il-formola politika li nstabet biex dal-biża’ jinħall kienet li waqt li jkun hemm qbil li l-Ġermanja tal-lvant bħala parti minn Ġermanja magħquda, issir minnufih parti integrali mill-Ewropa magħquda, kellha tiddaħħal munita Ewropea waħda. Dawk li beżgħu minn Ġermanja dominanti ħasbu li fil-qafas ta’ munita waħda, il-Ġermanja kienet se tkun marbuta biex issegwi interessi komuni għal kulħadd, mhux biss dawk nazzjonali tagħha.

BIT-TWAQQIF TAL-EWRO

Fl-istess ħin, ħadd minnhom iżda ma ried xi għaqda sħiħa Ewropea, f’federazzjoni bejn il-pajjiżi ngħidu aħna. Allura ftehmu fuq regoli ta’ tmexxija għall-pajjiżi li se jdaħħlu l-munita waħda, li kellhom ikunu prudenti u tassattivi. Ma raw xejn ħażin filli jimmodellaw dawn ir-regoli għal munita waħda, l-ewro, fuq ir-regoli li l-istess Ġermanja kienet issegwi fit-tmexxija nazzjonali tagħha tad-deutschmark.
Il-kalkoli li għamlu dawk li riedu joħolqu brejk fuq id-dominanza Ġermaniża kienu ħżiena. It-twelid tal-ewro wassal biex l-influwenza Ġermaniża fuq il-proġett Ewropew tiżdied. Aktar u aktar din l-influwenza żdiedet fi ħdan il-lemin. Daqs ix-xellug, dan sab li bl-ewro kien ċekken l-ispazju politiku li fih seta’ jimmanuvra.
Sadattant ukoll, bħalma ġara fix-xellug, forsi anki minn qabel, il-lemin kien qed jaċċetta li ma stajtx tgħid le lill-proċess dinji tal-globalizzazzjoni. Kellek tilqgħu u tara kif se tikkompeti aħjar minn ħaddieħor fuq is-swieq mondjali. F’din il-perspettiva, beda jinħall l-impenn favur ekonomija “soċjali”. Il-ħarsien “żejjed” tal-ħaddiema u tal-postijiet tax-xogħol tagħhom ma kellux jitħalla jsir mazzra li xxekkel lill-Ewropa milli tikkompeti fuq swieq mondjali.
Sakemm l-affarijiet jimxu tajjeb, dan seta’ jsir bla wisq tqanqil. Meta kif beda jiġri, l-klima ekonomika ħżienet, qam l-inkwiet. Il-Ġermanja kienet fost tal-ewwel li ħassitu. L-għaqda bejn il-punent u l-lvant tagħha kien suċċess politiku kbir, imma spiċċa jtaqqal bil-kbir ir-rankatura tal-ekonomija Ġermaniża. Fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin, kienet qed titlef l-impjiegi u s-swieq. B’mod stramb, dan spiċċa ta’ benefiċċju għal-lemin Ġermaniż.

MERKEL

Kien ħa ħafna mill-kredtu politiku għall-għaqda tal-Ġermanja. Biss, meta l-ekonomija tqalet, is-soċjalisti kienu fil-gvern. U bħala rimedju ekonomiku, is-soċjalisti daħħlu politika ta’ awsterità liema bħalha. Spiċċaw dawru kontrihom ħafna mill-eletturi tagħhom. Tilfu l-gvern fi żmien meta l-ekonomija Ġermaniża bdiet tirpilja – taħt il-kondizzjonijiet ġodda tal-globalizzazzjoni, b’ħarsien soċjali mnaqqas, u fid-dixxiplina tar-regoli tal-ewro. Sal-lum is-soċjalisti ma rnexxilhomx jirbħu lura waħidhom kontroll tat-tmexxija tal-gvern. Taw bidu għall-era tal-kanċellier Merkel.
Din insistiet fuq linja li bilfors ikollok issejħilha ċ-ċentru-lemin. Saħħet l-insistenza tagħha wara li fl-2008, faqqgħet il-kriżi finanzjarja li qagħbret bil-kbir liż-żona tal-ewro, tant li għadha mbenġla sal-lum. Il-lemin Ġermaniż saħaq li l-ewro għandu jiġi difiż akkost ta’ kollox, skont ir-regoli ta’ tmexxija tiegħu li għandhom jiġu rispettati, f’rispett ukoll tas-suq ħieles globalizzat. Kemm iċ-ċentru-xellug u kemm iċ-ċentru-lemin tal-pajjiżi membri l-oħra – kemm jekk xtaqu, kemm jekk ma xtaqux – segwew b’mod ġenerali, din il-linja.
Saħansitra l-lemin Franċiż għamel hekk. Issa dan għandu storja twila fejn matul is-snin addotta skont il-bżonn politika li tħares l-interess nazzjonali, anki meta pproklama valuri Ewropej. De Gaulle kien l-aktar wieħed li spikka f’din it-triq, imma fuq il-lemin, bħalu jekk mhux daqsu kien hemm oħrajn. Fi żmien Merkel, le.
Il-president lemini Sarkozy kien jagħmel tabirruħu li qed jieħu pożizzjonijiet indipendenti, imma fil-verità, hu wkoll kien qed isgwi l-linja ta’ Merkel. (Ħalliha li anke l-president soċjalista ta’ warajh, Hollande, għamel l-istess.) Fiċ-ċirkostanzi tal-aħħar snin fiż-żona ewro, li ssegwi r-regoli taż-żona ewro kien ifisser għal numru ta’ pajjiżi Ewropej, ħaġa waħda: trid tħaddem politika ta’ awsterità.

ELETTORATI DIŻILLUŻI

L-elettorati taċ-ċentru-lemin daqs dawk taċ-ċentru-xellug tmeżimżu bil-kbir, speċjalment fis-sud tal-Ewropa. Qalgħuha sew f’disfatti elettorali, l-partiti tal-lemin li kienu qed imexxu l-gvern fil-Greċja, fil-Portugall, fi Spanja fost oħrajn. Fi Franza, l-partit lemini ta’ Sarkozy, illum fl-Oppożizzjoni, qed jitlef ir-rankatura quddiem iż-żieda fl-appoġġ tal-partit tal-lemin estrem ta’ Marine Le Pen. Aktar u aktar votanti fuq il-lemin daqskemm fuq ix-xellug donnhom fehmu li ftit hemm ċans ta’ bidla ikun iċ-ċentru-lemin jew iċ-ċentru-xellug li jmexxi, għax it-tnejn se jwettqu l-istess politika.
L-għajta ta’ Le Pen hi favur li Franza tneħħi l-ewro u toħroġ miz-zona ta’ Xengen biex il-pajjiż ikun jista’ jirritorna għal tmexxija ekonomika indipendenti, waqt li jiċħad il-globalizzazzjoni. Il-messaġġ tagħha qed jinżel tajjeb ma’ miljuni ta’ Franċiżi.
L-istess messaġġ qed ikun propost minn partiti oħra tal-lemin lemin, li jridu jaqtgħu għal kollox mill-kunsens ta’ bejn ċentru-lemin u ċentru-xellug. Qed jintlaqa’ tajjeb ukoll f’pajjiżi bħall-Olanda, id-Danimarka u l-Finlandja, minkejja li l-esperti kollha jgħidu li hu messaġġ b’politika li fid-dinja tal-lum ma tistax titwettaq b’suċċess.
Bħaċ-ċentru xellug, iċ-ċentru lemin jinsab f’salib it-toroq perikoluż… ħlief forsi fil-Ġermanja, għalkemm anki hemm, qed titqawwa l-ħidma favur l-estremiżmu lemini.

Facebook Comments

Post a comment