Mill-bidu nett, deher ċar li d-deċiżjoni li l-poplu tar-Renju Unit ħa b’referendum biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea kienet se toħloq ħafna diffikultajiet. Ma kien hemm l-ebda preċedent għaliha. Jew għal kif tista’ titwettaq. Id-deċiżjoni kienet se thedded l-integrità u l-qagħda finanzjarja tal-istess Unjoni. L-ekonomija Brittanika kienet it-tieni l-akbar fl-Ewropa.
Minn banda, il-Brexit ħoloq konfużjoni sħiħa fost il-politiċi tal-partiti tradizzjonali tar-Renju Unit. Ħoloq firdiet kbar fost il-poplu. Mill-oħra, daħħal fost il-politiċi Ewropej biża’ kbir li seta’ jkun hemm popli oħra li jitilqu billi jagħmlu bħall-Brttaniċi.
Meta bdew in-negozjati għas-sħubija, xi sitt xhur wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum, il-gvern Brittaniku ta’ Theresa May ma kellux idea ċara fejn irid iwassal ir-relazzjonijiet tal-futur bejn pajjiżu u l-bqija tal-Ewropa. Sadattant, l-Ewropej insistew li n-negozjati kellhom jinqasmu f’żewġ partijiet: l-ewwel isir ftehim dwar kif ir-Renju Unit kien se jinħall mis-sħubija tiegħu fl-Unjoni; imbagħad jiftehmu dwar x’relazzjoni l-pajjiż se jkollu ma’ din l-għaqda li jkun telaq minnha. Sa mill-bidu nett għamluha ċara li mhux se jkunu lesti jħallu lill-Brittaniċi jevitaw il-piżijiet tas-sħubija waqt li jgawdu mill-benefiċċji tas-suq wieħed Ewropew.

KIF TQASSMU N-NEGOZJATI
Il-mira kienet li jintlaħaq ftehim fi żmien raġonevoli, hekk li jippermetti lir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni sa Marzu tas-sena 2019. Biss għaddew xhur li matulhom donnu li ftit sar progress. Fost is-suġġetti li għall-bidu qalgħu problemi kbar kien hemm:
***il-flus li r-Renju Unit kellu jħallas biex ikopri spejjeż li qabel magħhom bħala membru sħiħ tal-Unjoni fuq proġetti u deċiżjonijiet Ewropej li kienu qed jitwettqu. Dwarhom għalhekk kellu responsabbiltà diretta; u
***x’kien se jiġri miċ-ċittadini tiegħu u l-familji tagħhom li jgħixu fl-Ewropa, u bl-istess mod, miċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit?
Kemm kellha tiġi s-somma li r-Renju Unit se jkollu jħallas? Kif se jispiċċa d-dritt mogħti lilhom bis-sħubija fl-Unjoni – għaċ-ċittadini Brittaniċi li jibqgħu jgħixu u jaħdmu fl-Ewropa? — u għaċ-ċittadini Ewropej li jmorru jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit?
Waqt li kienu qed isiru dawn it-taħditiet, qamet kwistjoni oħra: l-affarijiet miftehma se jibqgħu kondizzjonati minn jekk jintlaħaqx ftehim fuq pakkett finali? Fi kliem ieħor, jekk ma jkunx hemm ftehim fuq “kollox”, dak li – ngħidu aħna – ikun ġie miftiehem dwar il-flejjes li r-Renju Unit iħallas lill-Unjoni, se jibqa’ jgħodd? L-Ewropej saħqu li dak li jiġi miftiehem biċċa biċċa, jibqa’ jgħodd jiġri x’jiġri. Il-Brittaniċi qalu li le, mhux hekk.
Matul ix-xhur, waqt li n-negozjati żviluppaw, il-Brittaniċi ċedew ħafna mill-argumenti tagħhom. Pereżempju, l-qbil li ntlaħaq dwar is-somma li r-Renju Unit kellu jħallas ma kinitx wisq bogħod milli kienu kkalkolaw l-Ewropej. Dwar x’se jiġri miċ-ċittadini taż-żewġ naħat li joqgħodu u jgħixu fin-naħa l-“oħra”, it-tnejn sabu ftehim li kien raġonevoli fiċ-ċirkostanzi.
L-akbar skoll baqa’ x’arranġament se jinstab dwar l-Irlanda. Bir-Renju Unit membru tal-Unjoni Ewropea, kif kienet ukoll ir-Republika Irlandiża, setgħet tinfetaħ għal kollox il-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq (li hi parti integrali tar-Renju Unit), u r-Republika Irlandiża tan-nofsinhar tal-gżira. In-nies setgħet tgħaddi bla kontrolli mit-tramuntana għan-nofsinhar u viċi versa. L-istess seta’ jiġri bil-kummerċ ta’ prodotti u servizzi bejn iż-żewġ naħat. B’ċertu mod, l-Irlanda kienet qisha reġgħet ingħaqdet. B’hekk issolviet problema ta’ firda bejn iż-żewġ komunitajiet li kienet wasslet għal ġlied u terroriżmu li matul deċenji sħaħ tertqu l-Irlanda. Fl-1998, ġie ffirmat ftehim li ġab il-paċi f’dak il-pajjiż.
Issa, bil-Brexit, kienet se terġa’ tiddaħħal il-firda. Kienet se tinħoloq fruntiera bejn iż-żewġ naħat, b’kontrolli fuq il-kummerċ ta’ prodotti u fuq iċ-ċaqliq ta’ ċittadini minn naħa għall-oħra. Imma kemm il-Brittaniċi u kemm l-Ewropej ħalfu li dil-ħaġa ma riduhiex u li kellhom isibu soluzzjoni għall-problema. Xorta l-kwistjoni baqgħet: la l-Irlanda ta’ Fuq se toħroġ mill-Unjoni, kif tista’ tibqa’ tittratta mas-sud bħal ma għamlet sa issa?
Ġew diskussi ħafna soluzzjonijiet tekniċi. Kważi kollha weħlu fuq xi punt jew ieħor. Jew għax l-Ewropej qiesu li se jkunu qed jimminaw is-suq wieħed Ewropew billi jiftħu ħofra fih jekk iħallu lill-Irlandiżi ta’ Fuq iżommu l-libertajiet li għandhom issa bħala membri tal-Unjoni. Jew għax ir-Renju Unit bl-ebda mod ma ried li l-Irlanda ta’ Fuq tingħata arranġament li jaqtagħha mill-bqija tar-Renju, ħaġa li kienet tattakka s-sovranità tal-pajjiż.

BRITTANIĊI MIFRUDIN
Sal-lum dit-taħbila għadha ma nħallitx. Bil-ftehim li lesta tiffirma Theresa May, il-Prim Ministru Ingliża, se jiġri li għal xi żmien, ir-Renju Unit se jitqies li jinsab fiż-żona doganali tal-Unjoni Ewropea: jiġifieri se jiċċarġja l-istess dwana lil kull ma jimporta bħal ma tagħmel l-Unjoni. Sadattant, se tiġi mfittxija soluzzjoni għall-problema Irlandiża, li trid tkun maqbula miż-żewġ naħat. Ir-Renju Unit ikompli josserva r-regoli Ewropej waqt li jitlef il-vot tiegħu fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Unjoni Ewropea.
Effettivament, meta tifli l-ftehim mill-qrib, issib li din il-fasla tirrepeti ruħha f’oqsma oħra. Il-ftehim baqa’ jitkellem fuq kif ir-Renju Unit se jinħall minn mal-Unjoni Ewropea. Imma f’ħafna oqsma ewlenin, dwar x’se jiġri fil-futur, l-affarijiet għad iridu jiġu maqbula. Il-ftehim jippreżenta programm dwar kif għandha ssir dil-biċċa. Kif narah jien talanqas, il-programm aktar jagħti saħħa lill-Unjoni Ewropea milli lir-Renju Unit. Dan ma jawgura xejn tajjeb għall-futur.
Il-Prim Ministru Ingliża May targumenta li l-essenzjali hu li jintlaħaq xi forma ta’ ftehim. Mingħajru, l-affarijiet jiħżienu għall-aħħar. Għandha punt; għalkemm sena u nofs ilu kienet targumenta mod ieħor. Fuq kollox, ir-Renju Unit donnu daħal fi triq fejn ikollu jaċċetta kollox. Is-sejħa tal-Brexit kienet biex il-pajjiż jieħu lura l-kontroll fuq id-destin tiegħu. Il-ftehim li May qed timbotta donnu jagħmel il-maqlub: ir-Renju Unit se jkollu jaċċetta deċiżjonijiet fuq il-futur tiegħu mingħajr ma jkolllu aktar xi vuċi fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjoniiet. Mhux ta’ b’xejn li fil-Gran Brittanja qamu l-irwiefen kontra May.
Biss imbagħad, meta tistaqsi xinhuma l-alternattivi għal li lesta tiffirma hi, issib li ftit li xejn hemm proposti. Donnu li l-firda bejn il-Brittaniċi wasslithom għal sqaq, kemm bejniethom, kemm fir-rigward tal-Ewropej… sakemm ma jaqblux ma’ xi ftehim bħal dak li May qablet miegħu.

“REBĦA” PERIKOLUŻA

Wieħed jista’ jifhem minn dan kemm ir-rappreżentanti Ewropej immexxija mill-Franciż Michel Barnier, mexxew b’ħila n-negozjati tagħhom. L-għanijiet kollha intlaħqu… jew kważi… Bilkemm wieħed ma jitħajjarx jgħid li l-Brittaniċi spiċċaw umiljati.
Biss argument ieħor hu li din tista’ tkun “rebħa” perikoluża. Qed tagħti sinjal li fil-kundizzjonijiet attwali, stat li jrid joħroġ mill-Unjoni Ewropea ma jaqbillux jagħmel hekk bil-mod kif hu mfassal fit-trattati – jiġifieri, li l-ewwel jinnegozja kif se joħroġ; u wara jinnegozja x’se tkun ir-relazzjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea. Triq bħal dik se twasslu biex ma jkollux minn fejn jasal ħlief billi jaċċetta l-kundizzjonjiet li jpoġġulu l-Ewropej l-oħra.
Minflok, ikun jaqbillu jibqa’ “ġewwa” sal-“aħħar” u joħloq kemm tħarbit jista’. Sakemm ikun ġewwa, xorta tibqagħlu s-saħħa ta’ membru. U b’hekk jistenna li l-oħrajn joffrulu kondizzjonijiet mill-aqwa biex jeħilsu fl-aħħar mit-“tħarbit” tiegħu. Għalhekk ir-“rebħa” tal-Ewropej dwar Brexit tista’ tisfa perikoluża ħafna.

Facebook Comments

Post a comment