Kemm ilu li għadda r-referendum favur il-Brexit fir-Renju Unit, il-manuvrar ma qatax, kemm min-naħa tal-Ingliżi, kemm min-naħa tal-Ewropej, dwar kif se jsegwu n-negozjati biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni. Minn barra, kien jidher li l-Brittaniċi se jikkonċentraw biex jiftehmu bejniethom dwar kif se jmexxu l-Brexit. L-Ewropej saħqu fuq il-ħtieġa li ma jsiru l-ebda kuntatti ta’ diskussjoni qabel ma r-Renju Unit iressaq formalment it-talba tiegħu biex joħroġ mill-Unjoni. Saħqu wkoll fuq il-ħtieġa li din it-talba ssir malajr kemm jista’ jkun.
Fir-realtà, kuntatti u diskussjonijiet baqgħu għaddejja minn naħa u oħra biex iħejju l-pożizzjonijiet tagħhom. Grupp ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea qed iqisu bejniethom kif l-aħjar jiftehmu dwar il-futur tal-Ewropa, issa li mhux se jkollhom aktar ix-“xkiel” tar-Renju Unit li dejjem zammhom lura milli jħarrku l-miżuri ta’ “għaqda akbar”. Fuq quddiem nett, qed jistħarrġu kif jistgħu jsaħħu l-profil tal-Unjoni Ewropea billi din tingħata mezzi ħalli tkun tista’ tieħu f’idejha rwol Ewropew militari u ta’ sigurtà.
Membri oħrajn qed jaraw kif mhumiex se jħallu lill-ewwel grupp jitilqu bil-ballun tal-“għaqda akbar” u kif se jwaqqfuhom. Biss, ir-rankatura għal “għaqda akbar” ma tantx tista’ tkun qawwija bħalissa.
Sadattant, l-Ewropej baqgħu jagħmluha ċara li r-Renju Unit ma jistax ikollu dħul “ħieles” fis-suq wieħed Ewropew, jekk mhux se jaċċetta li jkun hemm ċaqliq ħieles taċ-ċittadini bejn il-pajjiżi Ewropej u ġewwa l-fruntieri tiegħu. F’dal-każ, il-Brexit se jkun wieħed “iebes” u r-Renju Unit se jitlef vantaġġi li sa issa jgawdi bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Fid-diskors li għamlet fil-konferenza ġenerali tal-Partit Konservattiv, il-Prim Ministru Ingliża May tat l-impressjoni li dan mhux idejjaqha. Anzi dehret li qed taċċetta l-għażla ta’ Brexit “iebes”.
Fil-qasam ekonomiku, mill-Ġermanja u Franza fost oħrajn, ġew organizzati sforzi biex jiġbdu lejhom impriżi finanzjarji kbar stabbiliti fir-Renju Unit. Uħud minnhom żgur qed iħossuhom skomdi li bil-Brexit, jistgħu jitilfu d-dritt li mir-Renju Unit, imexxu n-negozji tagħhom fl-Ewropa. B-istess mod, mir-Renju Unit saru kuntatti ma’ impriżi industrijali Ġermanizi biex iwissuhom li ma tkunx ħaġa sew li jitilfu d-dritt tagħhom li jbigħu bla xkel ta’ xejn fis-suq Ingliż, fejn għandhom prezenza qawwija. Dwar dawn l-aħħar inizjattivi tan-negozji Ingliżi, lmenta bil-kbir il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li qal li mhumiex aċċettabbli.
Differenti tgħid xinhu aċċettabbli u x’mhuwiex fis-sitwazzjoni li qed tiżviluppa. Matulha, bil-mod il-mod, iż-żewġ naħat qed jaslu biex jifhmu aħjar il-konsegwenzi kollha tal-Brexit, deċiż mill-Ingliżi. Iz-zewġ naħat donnhom qed iħarrxu l-pozizzjoni tagħhom. U n-negozjati għadhom ma bdewx…

***

IR-REFERENDUM FL-UNGERIJA

Il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban sejjaħ referendum fejn stieden liċ-ċittadini ta’ pajjiżu jagħtuh mandat biex ma jaċċettax id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar kemm u kif il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, għandhom iħallu jidħlu fihom refuġjati u immigranti rregolari skont kwoti. Kienet ħaġa ċara li l-għan tar-referendum kien biex issaħħaħ il-pozizzjoni tal-gvern ta’ Orban li bl-ebda m’għandu jħalli lil Brussell tiddettalu kemm u kif jaċċetta immigranti.
Orban irnexxielu fit-tir li jkollu maġġoranza kbira favur l-ideat tiegħu. Il-problema kienet li ftit wisq Ungeriżi ħarġu jivvotaw, ħafna anqas milli kien meħtieġ biex id-deċiżjoni tar-referendum tkun torbot, skont il-kostituzzjoni Ungeriża. Għal ftit tal-ħin, bħal deher li r-rankatura populista ta’ Orban qalgħet daqqa qawwija. Biss hu mill-ewwel ħareġ jgħid li r-referendum irnexxa, u li se jdaħħal fil-kostituzzjoni miżura li tikkonferma l-vot li ttieħed.
Minn Brussell, il-Kummissjoni Ewropea u oħrajn dehru sodisfatti, anke jekk b’mod prudenti, li l-Prim Ministru Ungeriż kien sab xi jwaqqaflu r-rankatura politika tiegħu. Forsi l-verità kienet ukoll li bil-miżuri li ħa, billi sakkar il-fruntieri ta’ pajjiżu u bena ħitan magħhom biex iżomm ’il barra lill-immigranti u r-refuġjati, tant naqqas il-biża’ mill-immigrazzjoni fost il-poplu Ungeriz li dan ma baqax jinkwieta aktar dwar il-problema!
L-istess ma jistax jintqal dwar il-poplu Ġermaniż. F’pajjizu matul il-ġimgħa, instab, skont il-pulizija, li wieħed mir-refuġjati li ddaħħlu s-sena d-dieħla mis-Sirja, kien filfatt terrorist li qed jippjana massakru ieħor bħal ta’ Brussell u Pariġi. Imbagħad Sirjani refuġjati oħra kienu responsabbli biex it-terrorist jinqabad. Dil-bxara xejn ma swiet tajjeb lill-kanċellier Ġermaniża Merkel. Ilha taqla’ kritika għall-mod kif fetħet il-bibien ta’pajjiżha għall-immigrazzjoni s-sena li għaddiet. Dan kien jonqos biex il-popolarità – jekk mhux l-awtorità – tagħha tkompli togħdos.
Sadattant, kif kien mistenni, wara l-ftehim li Merkel innegozjat mat-Turkija biex dal-pajjiż ma jħallix aktar refuġjati jitilqu minnu lejn il-Greċja u l-bqija tal-Balkani, r-rotta tal-immigranti għall-Ewropa nbidlet. Reġgħet telqet mill-Afrika ta’ Fuq lejn l-Italja. Eluf ta’ immigranti waslu hemm b’periklu kbir għal ħajjithom.
Kienet l-istess ġimgħa li matulha l-Unjoni Ewropea rnexxielha twaqqaf korp ġdid biex jieħu ħsieb il-ħarsien tal-fruntieri barranin tagħha. Hu wieħed iddotat bil-mezzi u l-personnel tiegħu, li b’differenza mill-Frontex, li issa ġie xolt, jista’ jaġixxi direttament bla ma jistrieħ fuq ħadd. Il-Frontex, li kien iservi ta’ gwardjan għal ċerti żoni tal-fruntieri, baqa’ jiddependi mill-interess jew le fih tal-istati membri u ftit kellu riżorsi.
Għalissa, il-korp il-ġdid Ewropew ta’ coastguards ukoll ftit ingħataw riżorsi. Imma bil-poteri li ngħatawlu se jkun jista’ jidħol fuq pajjiż li jkollu problemi bl-immigranti fil-fruntieri tiegħu biex jgħinuh fil-kontroll tagħhom; jekk il-pajjiz jirrifjuta l-“għajnuna” tal-coastguards Ewropej, jitqaċċat miż-żona ta’ Xengen. Dik talanqas hi t-teorija dwar kif se jaħdem dal-korp il-ġdid li ħa post il-Frontex. Kemm se jaġixxi b’dan il-mod quddiem xi mexxej bħal Orban li jirrifjuta l-“indħil” tiegħu, jew fil-każ ta’ xi uragan ta’ immigranti bħal dak li nizel fil-Ġermanja fl-2015, għad irridu naraw.

***

L-IMBLOKK POLITIKU FI SPANJA

Il-kriżi ta’ gvern fi Spanja tidher li riesqa lejn xi forma ta’ soluzzjoni bil-Partit tal-Popolari mmexxi mill-Prim Ministru Rajoy lura fit-tmun. L-alternattiva kienet se tkun elezzjoni oħra, it-tielet waħda f’sena li fil-maġġoranza l-kbira tiegħu, l-poplu Spanjol ma riedx. Għall-aħħar għaxar xhur, b’erba’ partiti “kbar” fil-Parlament minflok tnejn, ma setgħetx tinstab formola aċċettabbli għal koalizzjoni. L-agħar li ħareġ, almenu sa issa, minn dis-sitwazzjoni staġnata kien il-Partit Soċjalista.
Is-segretarju ġenerali, jew mexxej, tiegħu Pedro Sanchez ġie sfiduċjat wara li kif riedu ħafna militanti tal-partit, hu baqa’ jinsisti li l-partit kellu jirrifjuta li jivvota favur gvern immexxi minn Rajoy. Imma mexxejja oħra qiesu li din il-pożizzjoni kienet qed ittellef lis-soċjalisti mill-appoġġ ta’ votanti oħra li ma ridux li Spanja tibqa’ bi gvern imblokkat.
Is-sabiħa f’dan kollu kien li waqt li politikament Spanja kienet wieqfa fl-aħħar xhur, l-ekonomija baqgħet tieħu spinta ’l quddiem, anki jekk fl-aħħar xahrejn forsi naqqset mir-rankatura. Kollox jindika li l-gvern il-ġdid ta’ Rajoy se jidħol fil-kariga għax is-soċjalisti se jastjenu meta jressaq vot ta’ fiduċja fil-Parlament.

Facebook Comments

Post a comment