Wara li qara l-artiklu tal-Ħadd li għadda dwar il-Mediterran u l-Unjoni Ewropea, ħabib qalli: L-istampa waddabtha wisq fuq l-iskur. Lanqas biss semmejt l-Unjoni tal-Mediterran u l-proġetti li varat.
Veru li ma semmejthiex għalkemm saru referenzi ghall-ħidma li hi u programmi oħra tal-Unjoni Ewropea qed imexxu. L-Unjoni tal-Mediterran hi forum li jġib flimkien lill-pajjiżi kollha li jdawru l-baħar biex bħala gvernijiet, Parlamenti u soċjetà ċivili joħolqu għarfien u ħbiberija bejn xulxin, kif ukoll proġetti ta’ fejda. L-Unjoni telqet fil-bidu b’imbottatura Franċiża. Kienet idea tajba.
Madankollu wieħed isibha bi tqila jgħid li waslet bogħod. Laqgħat bejn ministri u uffiċjali għadhom qed isiru. Proġetti kienu u għadhom qed jiġu suġġeriti u maħduma. Imma l-volum tagħhom hu bogħod milli jagħmel wisq differenza biex tinħoloq rankatura fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Mediterran għal għaqda akbar bejn it-tnejn. Ftit li xejn qed iwasslu għal tkabbir ekonomiku li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-popli kollha tal-Mediterran. (Dan mhux xi argument biex il-ħidma għaddejja titwaqqaf…)

IR-REBBIEGĦA GĦARBIJA

Filfatt, ġimgħa ilu l-aktar li semmejna kienu żviluppi li seħħew fin-naħa Ewropea tal-Mediterran bħala fattur li fl-aħħar għaxar snin dgħajjef il-ħeġġa għall-koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran. Kien u għad hemm ukoll ir-realtà li l-istituzzjonijiet ta’ tmexxija fil-pajjiżi tat-tramuntana u tan-nofsinhar ma jixtebhux – tas-sud kienu “awtoritarji”, tan-nord żammew il-qafas ta’ “demokrazji parlamentari”. Minħabba f’hekk, kienet dejjem se tkun ħaġa diffiċli biex jibqgħu jitkellmu, jiftehmu u jikkoperaw bejniethom b’mod profond.
Biss wieħed irid jimmarka wkoll l-iżviluppi li ġraw fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, speċjalment fil-qasam politiku. Għal xi żmien, qamet il-fehma li fil-pajjiżi Għarab konċernati, kienet qed iseħħ revoluzzjoni li se tressaq lil dawn il-pajjiżi lejn il-qagħda ta’ demokraziji parlamentari. Matul perijodu msejjaħ “ir-rebbiegħa Għarbija”, permezz ta’ protesti u rvellijiet popolari fid-diversi pajjiżi, il-mexxejja “awtoritarji” tagħhom ġew kontestati. F’uħud mill-pajjiżi ġew imtajra min-nofs. Il-moviment ta’ protesta u rewixta ma nħassx fil-Mediterran biss imma nxtered lil hinn minnu, bl-akbar qawmien iseħħ fis-Sirja.
Kważi fil-pajjiżi kollha nvoluti, il-mexxejja “awtoritarji” rreżistew it-talbiet popolari. Fl-irvellijiet li tqanqlu, mietu n-nies. Barra mill-gwerra ċivili fis-Sijra li għadha sejra, f’numru ta’ pajjiżi l-gvernijiet il-qodma kkollassaw. Għal xi żmien, qamet it-tama li t-tmexxija ta’ dawn il-pajjiżi se tinbidel f’waħda “demokratika”, “parlamentari” – għalhekk kien li l-proċess ta’ bidla tlaqqam bħala wieħed ta’ “rebbiegħa”. Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea rawh bħala proċess ta’ ħelsien u modernizzazzjoni fis-sud tal-Mediterran u fil-pajjiżi Għarab. Tawh merħba.
Biss, bħal ma wera l-każ tal-Libja, x’aktarx li l-mottivi tagħhom ma kinux daqstant puri. F’dal-pajjiż, faqqgħet gwerra ċivili li ġiet miġġielda b’mod brutali għall-aħħar. Kontra r-reġim ta’ Gaddafi qamu forzi tribali li kien ilhom maħqura, u magħhom jew għal rashom qamu forzi “terroristi” imnebbħa mill-fundamentliżmu Islamiku. Fil-ġlied tal-Libja indaħlu l-pajjiżi tan-NATO, l-aktar Franza u r-Renju Unit, li wasslu għad-disfatta totali u l-qtil ta’ Gaddafi nnifsu.
F’dan, ftit li xejn stajt xxomm il-fwejjaħ ta’ xi rebbiegħa. Tista’ tgħid in-naħat kollha kienu qed jaġixxu (inklużi l-Ewropej) skont għanijiet okkulti, aktar maħsuba biex jiggarantulhom ħakma fuq it-territorju tal-Libja, milli biex idaħħlu xi demokrazija vera f’dak il-pajjiż. Dan spiċċa, kif għadu sal-lum, imfarrak u bla direzzjoni.

IR-REBBIEGĦA TINFENA

Sadattant, l-isforzi lejn aktar “demokrazija” fil-pajjiżi l-oħra tal-Afrika ta’ Fuq iltaqgħu ma’ intoppi kbar. Waħda mir-raġunijiet għal dan – kif narawha “aħna” min-naħa tagħna ta’ dik li qisha fruntiera bejn n-nord u s-sud tal-Mediterran – kienet ġejja mill-problemi tat-tmexxija li qamu, wara r-rebbiegħa Għarbija. Kif setgħu l-mexxejja ġodda jirrispettaw il-prinċipji tad-demokrazija parlamentari u fl-istess ħin jirrispettaw l-ideat Islamiċi dwar kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet? Ħarġet qawwija xewqa qawwija fost il-popli biex il-liġijiet Islamiċi tal-qedem jerġgħu jirxoxtaw. Għax il-mexxejja awtoritarji li neħħew kienu rażżnu l-użu tal-liġijiet Islamiċi fis-snin ta’ qabel.
Biss il-biża’ hawn kien li l-introduzzjoni ta’ tmexxija “Islamika” se tqanqal reżistenza kbira fost minoranzi tribali; fost minoranzi oħrajn mhux Islamiċi jew Islamiċi bi drawwiet “moderni”; fost il-klassijiet tan-nofs; u fost elites li kienu marru tajjeb taħt it-tmexxijiet ta’ qabel. Imkien dawn it-tensjonijiet ma ħarġu daqshekk fil-beraħ bħal fl-Eġittu. B’elezzjonijiet, it-tmexxija nbidlet minn waħda awtoritarja bbażata fuq l-armata, għal tmexxija parlamentari fejn il-gvern ġie f’idejn partit Islamiku popolari – “moderat” – li kien ilu deċennji sħaħ isofri minn persekuzzjoni qawwija. Imma baqa’ jsostni għeruq popolari fost l-Eġizzjani.
Issa, la kien qed imexxi, ipprova jdaħħal strutturi Islamiċi ta’ tmexxija. Qamu l-irwiefen kollha kontra tiegħu. Ittajjar min-nofs b’kolp ieħor tal-armata (li hi wkoll kellha appoġġ popolari kbir). U s-sitwazzjoni prattikament reġgħet lura għal kif kienet qabel ir-revoluzzjoni “tar-rebbiegħa”. Illum l-Eġittu hu mmexxi b’mod awtoritarju, prattikament taħt il-gwida tal-armata, b’elezzjonijiet li jinżammu kważi bħal fi żmien Mubarak, il-president li tneħħa meta fetħet ir-“rebbiegħa Għarbija” fl-Eġittu.
Kien fit-Tuneżija li l-affarijiet żviluppaw sa issa b’mod li sostna l-bidla lejn tmexxija parlamentari. Biss, hawn ukoll għadu qawwi t-tqanqil bejn l-imgħoddi u l-“ġdid” – bejn tmexxija sekulari u waħda orjentata lejn l-Islam – bejn il-ħtieġa li f’demokrazija, l-maġġoranza tmexxi; u r-rispett li jrid jinżamm lejn il-minoranzi. Dan kollu hu komplikat mill-fatt li l-ekonomija tat-Tuneżja qed issibha ħaġa tqila li toħloq biżżejjed impjiegi u għajxien tajjeb għaż-żgħażagħ u għall-familji.

IMMIGRAZZJONI

Quddiem dawn il-ġrajjiet – u oħrajn bħalhom fil-Marokk u fl-Alġerija pereżempju – hi ħaġa ċara li l-pedamenti għal koperazzjoni aktar dinamika u produttiva bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran u mal-bqija tal-Unjoni Ewropea, mhumiex wisq qawwija għal issa. Aktar u aktar għax kif diġà semmejna, l-pajjiżi Ewropej tan-naħa ta’ fuq tal-Mediterran għaddew fl-istess żminijiet minn sitwazzonijiet ekonomiċi imwegħra, li għadhom qed jirkupraw minnhom.
Imbagħad, fl-aħħar snin, barra minn dan it-tqanqil kollu, kellna wkoll l-immigrazzjoni tielgħa lejn l-Ewropa mill-Afrika u mill-pajjiżi Għarab fil-Mediterran u barra minnu. Tal-aħħar intlaqtu ħażin bit-taħwid li nqala’ wara li r-rebbiegħa Għarbija żvintat. Għalkemm il-Libja tinsab imkissra, l-Ewropej xorta qed jipprovaw jaraw kif se jikkonvinċu lilha u l-pajjiżi l-oħra ġirien tagħha biex iżommu għandhom l-immigranti riesqa u ma jħalluhomx jitilqu lejn l-Ewropa.
Problema kbira hi li dawn il-pajjiżi m’għandhomx mezzi biżżejjed biex jikkontrollaw iċ-ċaqliq ta’ immigranti li waslu fl-eluf tagħhom – jew lill-klikek kriminali li speċjalizzaw fl-ittraffikar tal-bnedmin. Forsi wkoll quddiem l-indifferenza (kif jarawha huma, għalkemm mhux dejjem jgħiduha) li uriet l-Ewropa lejn il-bżonnijiet kbar tagħhom, lanqas hi ħaġa ċara li jridu jikkoperaw sal-aħħar mal-Ewropej fil-mod kif jiġu ġestiti l-kurrenti ta’ bnedmin resqin lejn l-Ewropa.
Pereżempju, waħda mis-“soluzzjonijiet” li sabu l-Ewropej dan l-aħħar biex jikkontrollaw il-kurrenti ta’ immigranti rregolari resqin lejhom, kien billi jistabilixxu ċentri barra l-fruntieri tagħhom, fejn l-immigranti jieqfu ħalli jiġu reġistrati. Imbagħad ikunu jistgħu jagħmlu talba biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Biss, l-ebda wieħed mill-pajjiżi tas-sud tal-Mediterran ma kien lest li jaċċetta li jitwaqqaf xi ċentru hekk fuq it-territorju tiegħu.
Tidher imbegħda sew il-ħolma tal-gvernijiet Laburisti tas-snin sebgħin u tmenin biex l-għaqda fil-Mediterran tisseddaq u tkun parti minn Ewropa qawwija. Dnub.

Facebook Comments

Post a comment