Wara l-presidenzi ta’ Malta u l-Estonja matul is-sena 2017, l-Unjoni Ewropea bdiet is-sena 2018 bil-presidenza tal-Bulgarija. Kull pajjiż iġib miegħu għall-ħidma tal-presidenza tal-Unjoni, l-laqta speċjali li tkun “tiddistingwih” b’mod daqqa ta’ kontroversja, daqqa ta’ kurżitá, daqqa ta’ aspettattiva. Fil-każ ta’ Malta, kien hemm kurżitá dwar kemm fiċ-ċokon tiegħu, il-pajjiż seta’ jwassal tajjeb sal-aħħar il-ħidma tal-presidenza. Fil-każ tal-Estonja, l-emfażi li mill-bidu nett ingħatat lill-qasam diġitali (“tal-computers”) impressjona.
Immexxija minn koalizzjoni tal-lemin-ċentru, bil-partit konservattiv GERB jikkostitwixxi l-akbar parti mill-gvern, il-Bulgarija (flimkien mar-Rumanija) hi magħduda bħala l-pajjiż membru tal-Unjoni li ekonomikament għadu l-aktar dgħajjef. Id-dħul ekonomiku ras imb’ras fost il-poplu hu l-aktar baxx fl-Unjoni, waqt li l-qgħad ilu s-snin għoli ħafna. Bħalissa jinsab qrib is-7 fil-mija, u kważi 13 fil-mija fost iż-żgħażagħ. Dan minkejja li seħħet emigrazzjoni kbira barra l-pajjiż matul l-aħħar snin, speċjalment ta’ żgħażagħ.
Fl-istituzzjonijiet u fil-midja Ewropej, il-Bulgarija twikkiet bir-reputazzjoni li flimkien ukoll mar-Rumanija, tbati ħafna mill-korruzzjoni. Dan wassal biex il-Kummissjoni Ewropea xi snin ilu, ttellaq proċedura ta’ sorvelja fejn tirrapporta l-progress jew le tal-gvern biex jilqa’ għal din il-pjaga. Il-Prim Ministru attwali Boyko Borisov, mexxej tal-partit tal-GERB, beda l-karriera tiegħu fost oħrajn bl-għajta kontra l-korruzzjoni kif ukoll bis-sejħa ħalli ssir ħidma biex jinġab ix-xogħol u l-investimenti fil-pajjiż.
Mal-mogħdija taż-żmien, safa akkużat hu nnifsu b’korruzzjoni, waqt li proġetti li kellhom joħolqu l-impjiegi ma tawx il-frott mistenni minnhom. Interessanti (jekk dik hi l-kelma) hu l-fatt li anke l-prim ministru ta’ qabel Borisov, is-soċjalista Stanishev spiċċa taħt sħaba — akkużat bi tbagħbis ta’ fondi f’waħda mill-kampanji għall-elezzjonijiet Ewropej.
MAGĦQUDIN
Lil hinn minn dan l-isfond, il-presidenza Bulgara qajmet interess għax biħsiebha tagħti importanza lil-lvant tal-Ewropa. Issa veru li fl-2016, is-Slovakkja kellha l-presidenza; hi pajjiż li diġá jxaqleb sew lejn il-lvant. Dak iż-żmien, il-kontroversja kienet dwar il-prim minisru soċjalista Slovakk Fico. Hu b’xejn ma ried jaqbel li l-immigranti li resqin lejn l-Ewropa jitqassmu bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni – ma ridhomx f’pajjiżu. Kollox ma kollox, il-ġografija tal-Balkani tagħtina ħjiel dwar kif il-ġibda lejn l-est tal-Bulgarija bilfors tinħass ħafna aktar qawwija minn dik tas-Slovakkja.
Il-Bulgarija ħabbret li se ssegwi erba’ prioritajiet fil-ħidma tagħha: il-futur tal-Ewropa u l-futur taż-żgħażagħ; il-Balkani tal-Punent; sigurtá u stabbiltá fl-Ewropa; u l-ekonomija diġitali.
Madwar l-ewwel prioritá magħżula, jinħass sew id-dell tal-qgħad fuq iż-żgħażagħ li jeżisti fil-Bulgarija. Bħala mira, tagħti sens tal-impenn soċjali li l-pajjiż biħsiebu juri fil-presidenza. (Personalment, dil-ħaġa għoġbitni ħafna.) B’kuntrast, ir-raba’ prioritá qed torbot mal-programm li mexxew l-Estonjani fl-aħħar xhur fejn irnexxielhom jagħtu rankatura qawwija lil numru ta’ inizjattivi fil-qasam tal-użu tal-kompjuters. Dan il-għan se jsib appoġġ sħiħ mill-Kummissjoni Ewropea li hi wkoll riedet tippromwovi s-suq Ewropew diġitali matul il-mandat tagħha. Issa li l-Kummissjoni tinsab riesqa lejn it-tmiem tal-mandat, għadha lura milli tilħaq il-miri meħtieġa. Hu kruċjali li ssib l-appoġġ tal-presidenza biex iżżomm ir-ritmu għaddej tal-bidliet meħtieġa.
SIGURTÀ, STABBILTÀ
Tolqtok b’mod differenti it-tielet prioritá tal-Bulgari: is-sigurtà u l-istabbiltà. In parti, ir-referenza hawn hi għall-politika ta’ difiża komuni li l-Unjoni Ewropew jew uħud mill-membri tagħha qed jaraw kif jibnu flimkien.
Imma din il-mira qed tirreferi wkoll għall-problemi ta’ immigrazzjoni lejn l-Ewropa, kemm minn barra u kemm fi ħdan l-istess Unjoni. L-aqwa problema hi kif u jekk hijiex se ssir riforma tal-ftehim ta’ Dublin li bih ir-refuġjati u immigranti “irregolari” li jaslu fl-Unjoni Ewropea għandhom jinżammu fl-ewwel pajjiż fejn jidħlu. Din hi kwistjoni li tikkonċerna bil-kbir lil pajjiżna, fost oħrajn.
Fl-istess ħin, il-Bulgarija qed tqanqal il-problema ta’ kif iż-żona Schengen se titmexxa fiż-żmien li ġej wara li minħabba t-theddida tat-terroriżmu, iddaħħlu kontrolli ġodda.
Dwar dawn il-punti kollha, il-Bulgarija għandha l-interessi vitali tagħha. Fil-kunsiderazzjoni tal-politika Ewropea ta’ difiża, ma tistax tinsa x’impatt din se jkollha fuq ir-Russja. Dwar l-immigrazzjoni, għandha l-esperjenza riċenti stess tagħha, bit-tluq ta’ daqstant nies li marru jfittxu ħajja aħjar f’inħawi oħra tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-pajjiż kien qed jitqies għal xi żmien bħala li joffri passaġġ ħafif għar-rifuġjati riesqa lejn il-Ġermanja mill-Lvant Nofshani.
Sadattant, il-Bulgarija… mill-ġdid flimkien mar-Rumanija… għadha ma tħallietx tidħol fiż-żona ta’ Schengen. F’Novembru li għadda, il-Kummissjoni Ewropea reġgħet poġġiet kondizzjonijiet ġodda li l-pajjiż irid jissodisfa qabel jista’ jiġi aċċettat f’Schengen. Il-kondizzjonijiet jorbtu mat-tmexxija tal-pulizija u l-qrati, kif ukoll mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
BALKANI TAL-PUNENT
Madankollu jidhirli li l-aktar aspett qawwi u ġdid tal-programm ta’ ħidma li ssettjat il-Bulgarija jikkonċerna l-pajjiżi li jinsabu fil-Balkani tal-punent. Jiġifieri, l-Albanija, ir-repubblika tal-Maċedonja, il-Bożnija Ħerżegovina, il-Kosovo, il-Montenegro, u s-Serbja. Ħlief għall-Albanija, dawn il-pajjiżi żgħar kollha ħarġu minn dak li snin ilu kienet il-Jugoslavja.
Ilhom is-snin fi trattativi biex jaraw kif se jissieħbu b’mod jew ieħor, preferibbilment bħala membri sħaħ, mal-Unjoni Ewropea. Imma wara l-indiġestjoni politika u ekonomika li l-Unjoni għaddiet minnha bid-dħul ta’ pajjiżi bħas-Slovenja, r-Rumanija, u l-istess Bulgarija (biex ma nsemmux oħrajn), l-Unjoni qagħdet lura milli tikkommetti ruħha mal-pajjiżi tal-punent tal-Balkani. Mhux l-anqas għax kważi kollha ħarġu minn taqlib politiku vjolenti li għadu ma kkalmax għal kollox, waqt li l-qagħda ekonomika u soċjali tagħhom tinsab lura sew imqabbla ma’ tal-pajjiżi li ilhom membri tal-Unjoni.
Matul l-aħħar snin, id-diskors kien fis-sens li l-pajjiżi konċernati jridu jagħmlu kull ma jistgħu biex jersqu qrib ta’ kif jitmexxew il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-valuri, tal-governanza u tal-modi kif jittieħdu deċiżjonijiet ekonomiċi u soċjali. Kollha affarijiet li ġabu magħhom diskussjonijiet u argumenti twal, anke jekk kulħadd jaqbel li legalment, il-pajjiżi tal-punent tal-Balkani jikkwalifikaw għal sħubija sħiħa xi darba fl-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, għad baqa’ kontroversji bejn uħud minnhom u anke ma’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea dwar fruntieri u dwar it-trattament ta’ minoranzi minn pajjiż għal ieħor. Huma problemi li ntirtu mill-gwerer ċivili li kienu kissru lill-Jugoslavja. Mhux ta’ b’xejn li dil-ġimgħa il-President tal-Kummissjoni Juncker wissa li l-ebda pajjiż Balkanu ma jista’ jittama li jsir membru tal-Unjoni qabel ma jkun solva għal kollox kwalunkwe problema ta’ fruntieri li għad baqagħlu mal-ġirien tiegħu.
Biss il-kelma ta’ Juncker x’aktarx li ma tingħatax wisq widen fil-Balkani. Kien hu li fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni preżenti għamilha ċara li matul il-ħames snin li kien imiss ma seta’ jseħħ l-ebda tkabbir ġdid tal-Unjoni Ewropea. Dan kien fattur importanti li wassal biex numru ta’ pajjiżi fil-punent tal-Balkani naqqsu r-ritmu li bih kienu qed idaħħlu r-“riformi” mistennija minnhom biex iqarrbuhom lejn l-istrutturi ta’ tmexxija tal-Unjoni. Għalfejn kellhom jagħmlu hekk, jekk se jkun kollu ta’ xejn?
Li issa l-presidenza Bulgara se tistinka biex dawn il-pajjiżi “minsija” jingħataw attenzjoni ġdida hu żvilupp interessanti ħafna.

Facebook Comments

Post a comment