Fil-plenarja tal-Parlament Ewropew ta’ dil-ġimgħa, wieħed mill-punti ewlenin fuq l-aġenda mistenni li jkun id-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker dwar il-qagħda tal-Unjoni Ewropea. Hu diskors li l-President jagħmel kull sena f’Settembru fi drawwa li żviluppat fl-aħħar snin. Se jkun l-aħħar diskors tiegħu għax jinsab riesaq lejn it-tmiem tal-kariga.
L-aspettattiva hi li Juncker se jipprovdi bilanċ ta’ x’wettqet l-amministrazzjoni tiegħu kemm ilha li twaqqfet. Nistħajjel li f’hekk se jkun onest anke jekk jiġbed għal xawwatu, għax hu magħruf bħala bniedem li dak li għandu jgħid, jgħidu bla xinxilli. Biss hu mistenni wkoll li jagħti perspettiva dwar il-ġrajjiet tal-aħħar snin fl-Ewropa u kif jistenna li dawn se jaffettwaw il-futur tal-kontinent.

ID-DISKORSI TA’ JUNCKER

Jekk wieħed jifli l-indirizzi li għamel Juncker dwar il-qagħda tal-Unjoni jintebaħ li minn wieħed għall-ieħor, tbandlu qatigħ fil-kontenut u fit-ton tagħhom. Sentejn ilu, meta d-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku favur il-Brexit kienet għadha tinħass bħala daqqa ta’ mazza u fi żmien meta d-diżgwid bejn l-istati membri dwar l-immigrazzjoni kien għadu frisk, id-diskors ta’ Juncker kien pessimistiku għall-aħħar.
Sena wara kien il-maqlub: ir-rebħa ta’ Emmanuel Macron fl-elezzjoni presidenzjali Franċiża wara l-wasla ta’ Trump fil-White House inħasset bħala rebħa “Ewropea”. It-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni deher li qed joffri ftuħ biex f’oqsma fejn il-Brittaniċi kienu jżommu lil kulħadd lura, l-Unjoni setgħet twettaq kisbiet ġodda lejn għaqda akbar. Juncker ħabbar li qed jara tieqa ta’ opportunità biex l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ (bħal pereżempju fil-qasam tad-difiża u tat-tmexxija taż-żona tal-ewro). Ħeġġeġ biex l-Ewropej ma jħallux din l-opportunità taħarbilhom.
Illum, ir-rota donnha daret lura għal fejn kienet qabel. Fl-aħħar sena, il-Ġermanja qattgħet xhur tipprova twaqqaf gvern ġdid wara elezzjoni fejn il-populisti għamlu rebħiet sinjifikattivi. Ir-riformi prospettati dwar l-ewro baqgħu fuq l-ixkaffa, bil-Ġermanja tiġbed lura fuq miżuri li kienu ttellqu diġà (bħal dwar l-unjoni bankarja). Il-kriżi tal-immigrazzjoni reġgħet xegħlet u nkixfu beraħ id-differenzi kbar bejn l-istati membri. Fl-Italja nħatar gvern populist u fl-Awstrija gvern nofsu tal-lemin-ċentru, nofsu populist.
Waqt li jagħmel id-diskors tiegħu did-darba, Juncker se jkollu jaċċetta kif ftit li xejn baqagħlu marġni ta’ manuvra, u mhux biss għax riesaq lejn it-tmiem tal-ħatra. B’forzi politiċi fl-Ewropa li qed jissaħħu billi jikkontestaw l-operat tal-Unjoni, tant li anke issa daħlu fil-gvern, Juncker jaf li l-futur tal-Ewropa se jiddependi aktar mill-kompromessi li l-istati jilħqu bejniethom – jekk se jkunu jistgħu jaslu għalihom – milli fuq il-proposti u d-deċiżjonijiet li tista’ tagħmel il-Kummissjoni li hu jmexxi.

PROSPETTI EKONOMIĊI

Biss ħaġa li qed toħroġ ċara hi li ekonomikament, l-Unjoni Ewropea qed issostni t-titjib ekonomiku tal-aħħar sentejn, tlieta. Il-pajjiżi li l-aktar tqagħbru bil-kriżi tal-ewro, bħall-Irlanda u l-Portugall, jinsabu għaddejja b’rankatura tajba għal tajba ħafna. U l-prospetti tagħhom fil-futur jidhru li se jibqgħu tajba. Anke Spanja, li tiġi r-raba’ l-akbar ekonomija fl-Unjoni tal-lum, qed iżżid sew fl-impjiegi u fl-investimenti, minkejja li tinsab immexxija minn gvern ta’ minoranza li qed ikollu jitqanżaħ biex iżomm warajh l-appoġġ tal-partiti li qed jivvotawlu fil-Parlament mingħajr ma daħlu f’koalizzjoni miegħu.
Veru li jiġu waqtiet meta uħud jibdew jinkwetaw jekk il-Ġermanja – li għadha l-mutur ewlieni tal-ekonomija Ewropea – tnaqqas bejn mument u ieħor anke bi ftit, ir-rata ta’ tkabbir tagħha. Sa issa, dejjem irkuprat malajr imma n-nervożiżmi li jqumu huma turija ta’ kemm l-Ewropej għadhom mikduda bit-tifkira tar-riċessjoni ta’ wara l-2008.
Biex inkunu għedna kollox, jeżistu żewġ inkwitjiet oħra dwar l-ekonomija Ġermaniża. Jintqal li mhux qed ikun hemm biżżejjed investimenti mis-settur privat, ħaġa li tista’ toħloq intoppi ġodda fil-futur għax l-industrija Ġermaniża dejjem kienet magħrufa għal kif il-ħin kollu tinvesti aktar biex ittejjeb il-prodotti tagħha. Min-naħa l-oħra, il-pajjiż qiegħed ibigħ b’suċċess kbir il-prodotti u s-servizzi tiegħu barra. L-esportazzjoni qed tissupera bil-wisq ix-xiri tal-Ġermanja minn barra, l-importazzjoni. B’hekk, donnu tneħħa kull inċentiv għad-ditti Ġermaniżi biex jinvestu. (Għaliex għandhom jagħmlu hekk, la sejrin daqstant tajjeb?) L-iżbilanċ qawwi bejn l-esportazzjoni u l-importazzjoni qed iqajjem il-kritika f’pajjiżi oħra li fil-kummerċ tagħhom mal-Ġermanja jinsabu “minn taħt”. L-eħrex kritika fuq hekk bħalissa qed jagħmilha Donald Trump mill-Istati Uniti.
Sadattant, huma Franza u l-Italja li l-aktar qed iqanqlu tħassib ekonomiku. Minkejja li l-President Macron vara politika maħsuba biex tinkoraġġixxi l-imprendituri Franċiżi billi fost oħrajn, ħaffilhom mill-piżijiet soċjali u amministrattivi li kienu jġorru, l-investimenti donnhom baqgħu staġnati. Il-qgħad naqas imma b’rata kajmana. Il-gvern kellu jbaxxi l-estimu tiegħu għal kemm se tikber l-ekonomija tal-pajjiż dis-sena. Il-mudell ta’ tmexxija ta’ Macron xejn mhu jingħoġob miċ-ċittadini.
Min-naħa l-oħra, dwar l-Italja fejn il-gvern ta’ Di Maio-Salvini daħħal stil ta’ konfront lejn l-Unjoni Ewropea u l-politika tagħha – u mhux biss fil-qasam tal-immigrazzjoni – qam dubju dwar kemm il-pajjiż se jibqa’ josserva r-regoli taż-żona tal-ewro. Daqqa jgħid li se josservahom, daqqa li se jiddeċiedi skont xi jkun l-interess nazzjonali. L-ekonomiji ta’ Franza u l-Italja huma t-tieni u t-tielet l-akbar fl-Ewropa ta’ 27 membru.

MINN FEJN L-INĊERTEZZI?

Ir-riżultati ekonomiċi sodisfaċenti qed jinkisbu fuq sfond ta’ inċertezzi li ma tistax tinjorah. L-aqwa inċertezza tirrigwarda l-għaqda fi ħdan l-Unjoni nnifisha. Hemm biżżejjed rieda politika biex il-membri tal-Unjoni jaslu – kif dejjem għamlu sa issa – għal kompromessi li lkoll jistgħu jaċċettaw? L-immigrazzjoni se tifridhom bil-kbir b’dannu għal koperazzjoni wiesgħa li tħaddmet sa issa skont regoli miftehma? Il-populiżmu se jibqa’ jissaħħaħ u jisfida l-istrutturi tal-Unjoni bil-għan li jdgħajjifhom?
Ma’ dawn jingħaqdu inċertezzi oħra, fuq quddiem nett ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti ta’ Donald Trump. Minn ħarsien tal-klima, għal diżgwid dwar in-NATO u l-politika tad-difiża, għal tariffi fuq il-kummerċ ta’ bejniethom, għat-trasferiment tal-ambaxxata Amerikana f’Iżrael lejn Ġerusalemm – it-tilwim bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa, kif semmejna kemm-il darba f’dil-paġna, baqa’ jinfirex fuq skala li qatt ma seħħet qabel. Fost numru ta’ mexxejja Ewropej qed jikber id-dubju dwar kemm għal li ġej, l-Amerika tista’ tibqa’ titqies bħala alleat li tista’ tafda fih.
Hemm ukoll il-Brexit. Dwar jekk hux se jkun hemm ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, l-inċertezza titneħħa fix-xhur li ġejjin meta n-negozjati jintemmu jew jisfrattaw. Biss l-inċertezza għandha x’taqsam ukoll mal-effetti ekonomiċi u soċjali li jseħħu mat-twettiq tal-Brexit. Mhijiex ħaġa faċli tbassar kemm u kif se jkun l-impatt negattiv tiegħu fuq ir-Renju Unit u fuq l-Unjoni. Sa issa l-Ewropej għamlu tabirruħhom li hu r-Renju Unit waħdu li se jaqla’ daqqa. Jekk din hix pożizzjoni korretta jew le, għad irridu naraw.
U wieħed ma jista’ lanqas jinsa f’dan kollu, l-qagħda taż-żona tal-ewro. Veru li ekonomikament tinsab tajba imma r-riformi li kellhom jitwettqu qed jitħallew nofs leħja. Jekk tqiesu bżonnjużi u jibqgħu hekk, jista’ jqum il-biża’ li ż-żona tal-ewro bniet sa issa ħarsien kontra reċessjoni bħal dik tas-sena 2008.
Imma tassew għandha l-għodod meħtieġa biex tilqa’ għal reċessjoni tal-futur jekk din tkun kompletament differenti minn tal-2008? Issib min iwieġeb le għal dil-mistoqsija.
Sa ftit tas-snin ilu, il-qagħda tal-Unjoni – tħares kif tħares lejha – kienet ħażina. Illum dan m’għadux il-każ. Is-sitwazzjoni tjiebet ħafna. Biss għad baqa’ problemi u sfidi kbar. Tista’ tiddeċiedi jekk it-titjib huwiex jegħleb il-problemi skont kif int imdorri tqis tazza bl-ilma: jekk tarahiex nofsha vojt… jew nofsha mimlija.

Facebook Comments

Post a comment