Minn kemm iż-żona tal-ewro ilha taffaċċja l-problemi kbar li kien nħolqu mal-kriżi finanzjarja tal-2008, pass wara l-ieħor, l-isforzi baqgħu jsiru biex iż-żona tibni strutturi ta’ ħarsien u tmexxija aktar żguri milli kienet iddotata bihom meta twaqqfet. Għall-bidu u għal xi snin, il-miżuri li ttieħdu kienu maħsuba biex jilqgħu għall-problemi kbar li laqtu lil uħud mill-pajjiżi taż-żona: speċi ta’ ġlieda contra n-nirien, firefighting kif jgħidulu bl-Ingliż.
Mas-snin madankollu, barra mit-twaqqif ta’ kontrolli ġodda fuq kif il-gvernijiet iħejju l-baġits annwali tagħhom, il-bini ta’ strutturi aqwa sar immexxi wkoll minn strateġija maħsuba għat-tul, biex iż-żona tikseb il-ħila li tilqa’ għal kull ma jista’ jinqalagħlha. Dwar dan, l-aqwa ideat inġabru fl-ewwel post, madwar ħidma biex titwaqqaf struttura li ssostni l-gvernijiet tal-ewro meta xi wieħed minnhom ikun se jikkrolla finanzjarjament. Għalhekk, twaqqaf fond bil-lest ħalli jkun jista’ jindaħal meta l-finanzi ta’ xi pajjiż jaqilgħu diksata.

UNJONI BANKARJA

Fit-tieni post, l-isforzi għal titjib fit-tmexxija tal-ewro għafsu fuq ħidma biex titwaqqaf unjoni tal-banek Ewropej. F’din l-unjoni, il-banek kien se jkollhom jaddottaw kollha l-istess regoli finanzjarji dwar kif joperaw. Kienu se jiġu sorveljati fit-tmexxija tagħhom minn awtorità Ewropea ċentrali. Hawn ukoll, kellu jitwaqqaf fond ċentrali, b’kontribuzzjonijiet mill-banek kollha, inkarigat li jsalva bank bi problemi kbar, jekk jitqies li għandu jiġi salvat. Miżura oħra f’din l-għaqda bankarja kellha tkun li d-depożiti fil-banek jiġu garantiti minn kull falliment finanzjarju.
B’dal-mod suppost li għall-futur ma jergax jiġri kif ġara bejn l-2008 u l-2012: l-istati membri ma jkollhomx għalfejn jidħlu huma biex isalvaw banek li qed jegħrqu, hekk li fl-isforz biex isalvawhom, jispiċċaw se jegħrqu huma. Xorta waħda madankollu, matul is-snin, din l-għaqda bankarja għalkemm inbdiet, inżammet nofs leħja. Il-fond li jiggarantixxi l-ħarsien tal-banek għadu bogħod milli jkun mimli, għax il-kontribuzzjonijiet li nħarġu għalih għadhom lura sew milli jaslu għas-somom meħtieġa jekk se jkollu jsir xi salvataġġ gwapp.
Aktar minn hekk, is-sistema li biha d-depożiti kollha fil-banek Ewropej jiġu garantiti għadha ma twaqqfitx. Il-Ġermanja u oħrajn baqgħu jinsistu li qabel dil-ħaġa ssir, il-banek riedu jeħilsu mis-self riskjuż wisq jew ħażin li kienu mgħobbija bih.
Għall-aħħar snin, iċ-ċaqliqa tar-riformi fi ħdan iż-żona tal-ewro baqgħet għalhekk imwaħħla. Meta Emmanuel Macron laħaq President ta’ Franza fir-rebbiegħa tal-2007, ħabbar li ried jagħti spinta ġdida lir-riformi. Jekk le, saħaq, se jiġri li bl-impatt tal-Brexit u bil-qawmien tal-populiżmi, il-proġett Ewropew se jinkalja. L-entużjażmu u s-suċċess politiku tiegħu tal-bidu kebbsu sentiment li l-affarijiet setgħu jerġgħu javvanzaw.
Biss malajr dehret bħala ħaġa ċara li mingħajr il-qbil tal-Ġermanja, s-sejħa ta’ Macron ftit setgħet tingħata widen. Hu nnifsu kien jafha dil-biċċa u għamel minn kollox biex iressaq lill-kanċellier Ġermaniża Merkel lejn il-binarju tiegħu. Din ma qaltlux le, imma lanqas qaltlu iva. Kellha problemi politiċi kbar f’pajjiżha, aktar u aktar wara l-elezzjonijiet Ġermaniżi ta’ Settembru 2017, meta ma setgħetx għal xhur sħaħ twaqqaf koalizzjoni ġdida ta’ gvern. Fl-aħħar b’ħafna tqanżiħ, waqqfet koalizzjoni mas-soċjalisti imma diġà l-impuls lejn riforma taż-żona ewro li xtaq jagħti Macron kien iddgħajjef.
Ġara li bħal tqanqlet fehma li jekk se titlaq xi riforma fiż-żona ewro, din trid tkun imsejsa l-ewwel fuq qbil bejn il-Ġermanja u Franza. Mhux biss ħassewha dawn iż-żewġ pajjiżi, imma oħrajn ukoll, membri taż-żona. Għax jekk Franza u l-Ġermanja ma jaqblux fuq xi ħaġa, żgur li ma setgħetx titwettaq. Allura l-istennija kienet li sas-sajf ta’ dis-sena jew forsi ftit aktar tard, il-Franċiżi u l-Ġermaniżi kienu se jagħmlu lil sħabhom taż-żona ewro proposti għal miżuri ta’ titjib fit-tmexxija taż-żona.

X’IPPROPONEW IL-FRANĊIŻI U L-ĠERMANIŻI

Effettivament, dan kellu jfisser qbil bejniethom fuq proposti li Macron kien ressaq fis-sajf tal-2017, meta l-kewkba tiegħu kienet għadha fl-aqwa tagħha. Hu kien issuġġerixxa fost oħrajn li ż-żona tal-ewro tiġi mogħtija baġit u ministru tal-finanzi tagħha; li l-fond li jagħti appoġġ lill-gvernijiet li qed jaffaċċjaw xi kriżi finanzjarja jsir qisu l-Fond Monetarju Internazzjonali għall-Ewropa; li tingħata spinta ’l-quddiem lill-fond l-ieħor li qed jinġema’ biex jgħin lill-banek li jkollhom problemi fit-tmexxija tagħhom; u li l-iskema ta’ garanzija għad-depożiti fil-banek Ewropej titwettaq.
Fuq dawn is-suġġetti u oħrajn, in-negozjati… m’hemmx kelma oħra għal dak li seħħ bejn Franza u l-Ġermanja… twalu. Il-ħerqa tan-naħa uffiċjali Franċiża ma sabitx risposta simili min-naħa Ġermaniża. Hemm, baqgħet kawtela liema bħalha għal kull miżura li tpoġġi lill-Ġermanja fil-pożizzjoni li jkollha tilqa’ u tħallas għal kwalunkwe żgarratura li tinqala’. Per eżempju, il-Ġermanja baqgħet tiċħad li jkun hemm żvilupp lejn garanzija fuq id-depożiti kollha li jsiru fil-banek Ewropej, qabel ma’ l-istess banek ikunu żbarazzaw irwieħhom mis-self fażull li ħafna minnhom, sal-lum, għadhom imgħobbija bih.
Fl-aħħar, iż-żewġ naħat lestew dokument ta’ paġna u nofsu li dwaru fl-aħħar qablu. Sejħulu “Proposta fuq l-arkitettura ta’ baġit għaż-żona tal-ewro fil-qafas tal-Unjoni Ewropea”. Dak li ressqu ’l-quddiem, imqabbel ma’ x’kien ippropona Macron sena u tliet xhur qabel jinħass kajman għall-aħħar. Skont din l-“arkitettura”, il-baġit li messu jitwaqqaf għaż-żona tal-ewro jrid ikun parti mill-baġit sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Għandu jkun baġit li jisħaq fuq it-titjib fl-investimenti tal-gvernijiet u jsaħħaħhom billi jieħu sehem fihom. Għandu wkoll jgħin biex tingħata spinta lir-riċerka, lill-proġetti ġodda li jistgħu jinħolqu u lit-taħriġ tal-ħaddiema.

L-OĠĠEZZJONIJIET
Mistoqsija li tqum hi: Kif se jiġi finanzjat dal-baġit? Id-dokument franko-ġermaniż jipproponi li dan isir billi jittieħdu għalih parti mill-fondi li jinġabru fuq bażi Ewropea skond ftehim li jintlaħaq bejn il-gvernijiet membri taż-żona. Fondi oħra jistgħu jinġabru permezz ta’ taxxi Ewropej bħal waħda fuq il-bejgħ u x-xiri tal-ishma (“shares”) tal-kumpaniji. Franza ilha tipproponi din it-taxxa ġdida bla ma sabet wisq appoġġ.
Ftit jista’ jkun hemm dubju. Il-proposti li Franza u l-Ġermanja setgħu jaqblu fuqhom huma modesti għall-aħħar. Il-fond li ssemma bħala li se jservi biex ixettel baġit ċentrali għaż-żona tal-ewro ftit jidher differenti minn fondi eżistenti li diġà għandha l-Unjoni Ewropea — bħal dak li waqqfet il-Kummissjoni fil-bidu tal-Presidenza ta’ Jean Claude Juncker. Imma jekk dal-baġit “ġdid” se jkun replika ta’ x’jeżisti diġà, x’sens jagħmel li twaqqfu? Sadattant, l-idea li jinħatar ministru tal-finanzi għaż-żona tal-ewro ma ssemmietx aktar.
Xorta waħda qamu oġġezzjonijiet għall-proposti minn pajjiżi bħall-Olanda li s-soltu ssibhom qrib ħafna ta’ kif jaħsbuha l-Ġermaniżi. Wara li ltaqa’ l-grupp tal-ministri tal-finanzi taż-żona ewro (imsejjaħ l-ewro grupp) biex jiddiskuti dwar il-proposti franko-ġermaniżi, intqal li kien għad baqa’ l-ħtieġa ta’ aktar laqgħat biex il-kwistjonijiet involuti jiġu ċċarati. Hemm min bassar li ftit hu probabbli li se jintlaħaq xi ftehim sal-aħħar ta’ dis-sena.
Minkejja li bħalissa tidher li sabet qagħda stabbli, iż-żona tal-ewro għadha qed tagħrbel fejn u kif se tissaħħaħ darba għal dejjem. Numru ta’ pajjiżi ma jridux jaċċettaw l-irbit politiku lejn federaliżmu li tisħiħ bħal dan bilfors iġib miegħu. Oħrajn ma jridux jidħlu f’dik li għalihom hi nassa: li jkollhom iħallsu għad-djun u t-tberbiq ta’ min hu “ħali” aktar minnhom. Imbagħad fuq kollox, hemm ċertu nuqqas ta’ fiduċja. Forzi politiċi mis-sud jemmnu li jinsabu maqbuda f’arranġament li jagħti vantaġġi lil tan-nord. Forzi politiċi min-nord jemmnu li s-sistema tal-ewro ma tridx tinkoraġġixxi lill-gvernijiet tas-sud biex jonfqu b’mod imprudenti, għax komfortati mill-ħsieb li tan-nord jispiċċaw iħallsu ta’ kollox.
Qabel ma dan it-taħbil jinħall, niddubita kemm ir-riformi fi-żona tal-ewro jistgħu jaslu ’l-bogħod.

Facebook Comments

Post a comment