Għad mhu ċar sa fejn se twassal id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tilqa’ r-refuġjati deħlin fl-aħħar xhur maħruba mil-Lvant Nofshani u tqassamhom — jew parti minnhom — fost il-pajjiżi membri. L-akbar ċaqliqa fil-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni tatha l-kanċellier Merkel meta f’daqqa waħda stqarret li pajjiżha se jkun lest jieħu tmien mitt elf refuġjat dis-sena, u forsi aktar fis-sena ta’ wara. Dan fetaħ il-bieb għal kontroversji interni fi ħdan l-Unjoni u għal żieda qawwija ta’ persuni li ġew ifittxu r-refuġju fl-Ewropa.
Bil-ħlewwa jew bid-dnewwa, il-pajjiżi membri aċċettaw li jqassmu bejniethom per mezz ta’ kwoti l-ewwel mewġa ta’ immigranti li kienu ġa ġewwa u li kienu għadhom imdendla fejn se jmorru. X’se jiġri għal li ġej b’dawk l-oħra li għadhom jaslu għad irid jiġi deċiż fid-dettall. U x’aktarx li d-dettall se jkun l-aktar ħaġa importanti fl-iżviluppi dwar suġġett li f’daqqa waħda sar l-aktar wieħed jaħraq fl-Ewropa.
Fil-Ġermanja nnifisha qamu polemiki kbar dwar id-deċiżjoni ta’ Merkel. L-istess president Ġermaniż, Gauck, li hu mitqies bħala figura liberali u progressiva, rrimarka li l-Ġermanja għandha qalbha kbira imma mhux se jkollha mezzi biżżejjed biex tlaħħaq mat-talbiet kollha għall-ażilju li jsirulha. Membri tal-gvern Ġermaniz għamluha ċara li kienu qed jinħolqu problemi fit-twettiq ta’ mizuri biex ir-refuġjati jintlaqgħu. Il-gvern imbagħad, minkejja l-istqarrijiet favur it-trattament umanitarju li kienu qed isiru, ddeċieda li jsostni kontrolli ġodda fuq il-fruntieri waqt li jimbotta biex l-Unjoni Ewropea taddotta kondizzjonijiet ġodda u aktar sodi dwar kif għandhom jitqiesu r-refuġjati li japplikaw għall-azil politiku.
Il-kritika kontra Merkel, mill-kamp stess tagħha żdiedu. Qalu dwarha li sa issa dejjem ittrateniet qabel ħadet xi deċiżjoni kbira; anzi s-soltu tippreferi tħalli l-problemi kbar isolvu rwieħhom waħidhom. Fil-każ tal-immigrazzjoni, fejn kien ikun aħjar li tistenna biex tara x’se jiġri, Merkel iddeċidiet waħidha biex taqbeż ġol-misħun jagħli.
Min-naħa tagħha, Merkel ma aċċettatx l-akkuza li ħadet deċizjoni mgħaġġla u perikoluza. Baqgħet tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ rispett lejn il-valuri ta’ solidarjeta’ ma’ min qiegħed ikun persegwitat.

MERKEL U HOLLANDE

Fil-Parlament Ewropew dil-ġimgħa saret seduta plenarja li ġiet indirizzata mill-Kanċelleir Ġermaniza Merkel u l-President Franċiz Hollande flimkien. Matulha, Merkel irrepetiet il-messaġġ tagħha li l-Unjoni Ewropea trid turi ruħha lesta biex tilqa’ r-refuġjati. Imma semmiet il-ħtieġa li tiġi zvilppata politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni li tifrex fuq diversi oqsma ta’ ħidma. Fost oħrajn, semmiet kif il-ftehim ta’ Dublin II li permezz tiegħu, l-immigranti li jidħlu fl-Unjoni Ewropea suppost jibqgħu fil-pajjiz fejn jaslu l-ewwel, issa tilef kompletament ir-relevanza tiegħu u jrid jiġi rivedut (din hi xi ħaġa li l-gvern Malti ilu ħafna jinsisti fuqha…)
Kemm hi u kemm Hollande sabu appoġġ qawwi fil-Parlament mill-gruppi politiċi ewlenin, u kritika qawwija mil-lemin “populista” u anki mil-lemin “estrem”. Is-seduta tagħhom flimkien ġiet prezentata bħala okkazjoni biex jikkomemoraw laqgħa simili li saret xi sitta u għoxrin sena ilu meta l-Kanċellier Kohl u l-President Miterrand għamlu diskorsi dwar x’għandu jsir hekk kif seħħet ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja.
Jekk dak inhar Kohl u Mitterrand ħarġu bi proposti radikali għal zviluppi ġodda Ewropej (bħal per ezempju, zergħu iz-zerriegħa f’dik l-okkazjoni għat-twettiq taz-zona tal-ewro), din id-darba ftit saru proposti radikali qawwija. Veru li Hollande saħaq fuq il-ħtieġa li z-zona tal-ewro tingħata ċentru governattiv qawwi biex tilħaq mal-problemi li qed taffaċċja. Imma dal-punt ilu jitqajjem kemm fil-Parlament Ewropew u kemm barra minnu. Il-Ġermanja u Franza forsi resqin lejn qbil biex jaġixxu flimkien fuqu.
Fl-istess ħin, dan juri għaliex iz-zjara ta’ Hollande u Merkel fil-Parlament Ewropew qajmet ukoll rimarki qarsa, u mhux biss mill-“estremi” tal-lemin u tax-xellug. L-Unjoni Ewropea qed tissogra li ssir istituzzjoni mmexxija miz-zewġ il-pajjizi l-kbar tagħha. Huma jiddeċiedu u l-oħrajn ikollhom iwettqu. Dil-fehma qed tinfirex sew u hemm parti qawwija ta’ verità fiha. Issib ukoll min jgħid li għax Franza spiċċat wara sew il-Ġermanja, fil-fatt hu li hi wkoll qed ikollha taċċetta dak li l-kanċellier Merkel tiddettalha. Riflessjonijiet ta’ dan it-tip tefgħu dell oskur fuq is-seduta tal-Parlament Ewropew maz-zewġ diriġenti.

FISO U ORBAN

Sadattant, mhumiex jonqsu kontroversji “sekondarji” fil-qasam tal-immigrazzjoni fl-Ewropa. L-aqwa waħda tikkonċerna lill-mexxej Ungeriz Viktor Orban li wera bla tlaqlieq in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-politika ta’ immigrazzjoni magħzula minn Merkel. Il-barrieri li qed jibni matul il-fruntieri tal-Ungerija swewlu attakk bla waqfien mill-forzi politiċi progressivi Ewropej, u mhux mis-soċjalisti u d-demokratiċi biss.
Il-grupp tal-partit tal-lemin fil-Parlament Ewropew, il-PPE, irrifjuta sa issa li jiċċensura lil Orban. Anzi, il-partit kristjan soċjali fil-Bavarja (is-CSU) li hu membru fil-Ġermanja tal-formazzjoni governattiva li tmexxi Merkel, stiednu għal okkazjoni politika fi Munich. Is-CSU xejn mhu kuntent bid-deċizjoni li ħadet Merkel dwar l-immigrazzjoni mingħajr ma lanqas biss ġie kkonsultat.
Min-naħa tas-soċjalisti u d-demokratiċi, qam il-każ tal-Prim Ministru Slovakk Fiso, akkuzat li għamel stqarrijiet inaċċettabbli meta ġie rapportat li qal li s-Slovakkja ma tistax taċċeta immigranti li ma jkunux Insara u stqarrijiet simili li taw xhieda ta’ intolleranza u diskriminazzjoni mitqiesa mhux kompatibbli mal-valuri Ewropej dwar tolleranza. Id-deċizjoni ta’ Fiso li jikkontesta fil-qorti tal-ġustizzja Ewropea l-ftehim b’maġġoranza mill-Kunsill Ewropew favur it-tqassim ta’ immigranti bejn il-pajjiżi membri imbarazzat ukoll lis-soċjalisti.
Huma kellhom laqgħa ma’ Fiso fi Strasburgu dil-ġimgħa. Hu sostna li l-midja ta’ pajjizu kienu rraportaw kliem bl-imgħawweġ. Deċizjoni dwar x’għandha tkun il-pozizzjoni finali tagħhom lejh tħalliet pendenti, u tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin skont xi jkun għamel jew ma għamilx matulhom. Din oħra mill-istejjer li se jkomplu, għalkemm mhix ħaġa ċara kemm se tgħin biex il-politika Ewropea li tilqa’ għall-krizi tal-immigrazzjoni ssir aktar effettiva.

Facebook Comments

Post a comment