Niddubita kemm qed jissensel b’mod naturali. Nissuspetta li qed jiġi mħeġġeġ minn forzi “okkulti”, moħbija. Għax f’daqqa waħda donnu tela’ d-deni fl-Ewropa dwar l-hekk imsejħa theddida li ċ-Ċina tista’ qed tpoġġi għas-sigurtà u l-avvanz ekonomiku tal-kontinent. Veru li qamet kontroversja fl-aħħar ġimgħa u nofs meta l-President Xi waqt żjara fl-Ewropa waqaf Ruma. Hemm iffirma ftehim mal-gvern Taljan biex pajjiżu jingħaqad fl-inizjattiva mondjali taċ-Ċina imsejħa taċ-Ċinturin u tat-Triq. L-Italja mhux l-ewwel pajjiż Ewropew li ngħaqad ma’ din l-inizjattiva — Malta għamlet hekk xi sena ilu.
Biss l-Italja hu l-ewwel pajjiż Ewropew li għamel hekk minn fost il-grupp ta’ għoxrin pajjiż l-aktar avvanzati ekonomikament.
Fil-pajjiżi li jissieħbu magħha f’dal-proġett taċ-Ċinturin u tat-Triq, iċ-Ċina qed tinvesti l-flejjes enormi li akkumulat matul is-snin li fihom irrankat bħala potenza ekonomika ġdida. L-investimenti jmorru l-aktar fl-infrastruttura tal-pajjiżi konċernati u fir-riżorsi minerali tagħhom, imma mhux biss. Il-kalkolu tal-gvern Taljan hu li bis-sħubija fl-inizjattiva, l-Italja tkun tista’ tidħol fi proġetti kbar iffinanzjati miċ-Ċina.
Skont il-kritika li saritlu, l-gvern Taljan mhux iqis sew kif bil-pass li ħa, qed jiftaħ l-ekonomija tiegħu għall-indħil u spjunaġġ Ċiniż. Filfatt, jidher li anke fi ħdan l-istess gvern, ma teżistix fehma magħquda dwar il-biċċa. Tal-Lega mhumiex kuntenti. Tal-Ħamest Ikwiekeb jemmnu li l-pass kien tajjeb.
Biss ma kinux it-Taljani li daħħlu dan l-inkwiet. Beda minn ġimgħat qabel, meta l-kumpanija globali Ċiniża Huawei bdiet tissemma bħala waħda li rabbiet potenzjal tispjuna fuq kull min trid mad-dinja. Dan għax fi ftit snin, li matulhom speċjalizzat f’kull qasam tan-negozju bl-internet, saret waħda mill-aqwa kumpaniji dinjija f’dal-qasam. Qed tikkompeti ma’ impriżi Amerikani biex tbigħ mad-dinja kollha l-infrastruttura teknoloġika l-aktar fl-użu tal-internet, l-hekk imsejħa G5.
Waħda mid-diriġenti tal-Huawei ġiet arresta fil-Kanada fuq warrant maħruġ mill-Istati Uniti bl-akkuża li qed tmexxi spjunaġġ industrijali bla rażan. Sadattant, fl-Ewropa qamet kontroversja sħiħa dwar jekk l-Ewropej għandhomx jissieħbu mal-Huawei fil-bini ta’ sistemi G5 għall-kontinent tagħhom. Ħafna qed jgħidu li l-Ewropej qed idumu wisq biex jiddeċiedu dwar hekk — ħaġa li se twassalhom biex jaqgħu lura fit-teknoloġija tal-kumnikazzjoni mqabbla mal-kompetituri tagħhom. Oħrajn qed jgħidu li l-Ewropej m’għandhomx iċedu għall-pressjoni Amerikana biex f’dil-ħaġa ma jiċċappsux maċ-Ċina.
Fiż-żjara li l-President Xi qed jagħmel fl-Ewropa, meta ħalla Ruma, hu telaq lejn Franza fejn kellu laqgħa tal-akbar stima mal-President Macron. Dan irranġa biex jiltaqa’ ma’ Xi f’Pariġi flimkien mal-Kanċellier Merkel u l-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker. Għamilha ċara li xtaq li jitkellmu dwar il-“problema” taċ-Ċina.
Jidher li r-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u ċ-Ċina deħlin f’fażi delikata fejn iż-żewġ naħat iridu jifhmu tajjeb x’jaqbel u ma jaqbillhomx jagħmlu. F’dil-ġrajja, it-teatrini politiċi mhumiex se jkunu nieqsa, lanqas.

***

IL-POPULIŻMU
Fuq livell Ewropew, l-akbar mistqosija hi: kemm se jmorru tajjeb (jew ħażin) il-populisti? Se jirbħu voti u siġġijiet biżżejjed biex ilaħħqu terz jew aktar tal-Parlament Ewropew? Sa ftit taż-żmien ilu, dak kien il-biża’. Imbagħad beda jsir stħarriġ bikri tal-opinjoni u minnu xterdet il-fehma li għalkemm il-populisti se jżidu, iż-żieda ma kinitx se tkun kbira biżżejjed biex tagħtihom xi vantaġġ sostanzjali. Il-Popolari u s-Soċjalisti bejniethom, għalkemm se jitilfu s-siġġijiet, kellhom jibqgħu l-aqwa żewġ forzi politiċi fil-Parlament. Anke jekk ma jkollhomx bejniethom maġġoranza assoluta, kienet se tibqa’ ħaġa relattivament faċli li jsibu gruppi oħra mhux populisti li magħhom jibnu maġġoranza.
Ir-riżultati riċenti tal-elezzjonijiet provinċjali tal-Olanda madankollu taw xokk li dawk li kienu qed iserrħu rashom. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elezzjonijiet provinċjali, jiġu eletti l-membri tas-senat Olandiż. F’dawn l-elezzjonijiet ta’ Marzu, il-populisti għamlu avvanz kbir — ħafna aktar milli mistenni. Se jkunu qed ipoġġu l-gvern tal-Prim Ministru Mark Rutte f’diffikultajiet mhux żgħar.
Veru li l-elezzjonijiet provinċjali nżammu fl-istess żmien li seħħ attakk terrorista f’Utrecht u l-voti tbandlu lejn il-populisti f’reazzjoni ta’ biża’ u protesta. Hi ħaġa dubjuża madankollu kemm dan jispjega għal kollox xi jkun ġara.
Problema hi li uħud mill-votanti li jkunu se jagħżlu l-populisti ma jistqarrux dan meta jkun qed isir l-istħarriġ ta’ opinjoni. Jew jistħu, jew ma jkunux iridu jikxfu idejhom, jew ikunu minn dawk li jħallu għall-aħħar qabel jiddeċiedu għal kollox. Allura l-istħarriġ jissottovaluta s-saħħa elettorali tal-populisti saħansitra sal-mument meta n-nies tivvota.
Naturalment l-inkwiet li jqum minn hekk għall-elezzjonijiet Ewropej hu jekk l-istess ħaġa qed tinħema fihom bħal ma nħmiet fl-Olanda…

***
FIL-PARLAMENT EWROPEW

Dil-ġimgħa fil-Parlament Ewropew il-voti li ttieħdu kkonfermaw ħaġa li ili nemmen u ngħid. Id-dinamika tal-Unjoni Ewropea hi biex tkompli tieħu f’idejha poteri li jeżerċitaw il-membri tagħha bħala ġnus sovrana. Hi wkoll biex tapplika l-istess politika għal kulħadd – kif nifhmu meta ngħidu li t-tentazzjoni dejjem hi li l-Unjoni Ewropea tipprova tlibbes l-istess żarbun lil kulħadd. Fl-aħħar snin, dil-ħaġa ġrat l-aktar fiż-żona tal-ewro biex tiġi ffaċċjata l-kriżi finanzjarja li faqqgħet mas-sena 2008.
Imma fuq dawk l-iżviluppi u skont liema ċirkostanzi ġodda resqu ’l quddiem, inizjattivi ġodda baqgħu jitħejjew ħalli jkompli jitwessa ċ-ċirku ta’ poteri tal-Unjoni. Il-bidliet ma jsirux f’ċaqliqa waħda, imma bil-mod il-mod, biex ma ngħidx bit-tlikki t-tlikki. Isiru fuq livelli differenti, daqqa fil-livell tal-Kunsill tal-Ministri, daqqa f’dak tal-Kummissjoni, daqqa fuq tal-Parlament Ewropew. L-ebda ċaqliqa waħidha ma twassal għal bidla qawwija. Imma maż-żmien, minn ċaqliqa għal oħra, xi bidla sseħħ, speċjalment jekk tinqala’ xi ġrajja qawwija. Hekk wara kollox ġara meta fiż-żona tal-ewro seħħew il-bidliet li wasslu llum għall-kontroll strett li għandha l-Unjoni Ewropea fuq it-tmexxija tal-baġits tal-gvernijiet membri.
Issa fil-fasla tal-binjiet li minnhom titmexxa l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu l-anqas poteri. Biss hu mimli b’għadd kbir ta’ deputati li jridu aktar poteri ċentrali li fihom ikollhom sehem. Qed jibqgħu jagħfsu biex b’xi mod jew ieħor, jingħatawlhom. L-istess Parlament fid-dibattiti u l-laqgħat tiegħu jintuża biex iwassal messaġġi li jmorru f’das-sens.
B’dal-mod, Malta sfat fil-mira tal-Parlament Ewropew f’oqsma fejn l-Unjoni Ewropea ftit għandha poteri imma li dwarhom l-imbuttatura mill-Parlament Ewropew hi maħsuba biex l-Unjoni tindaħal aktar. Rajna dil-ħaġa tiġri fl-oqsma tal-bejgħ tal-passaporti; tat-tassazzjoni fuq profitti ta’ kumpaniji u fuq id-dħul ta’ ċittadini; u tal-ħidma li biha titmexxa l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u d-difiża tas-saltna tad-dritt. Bla ma tassew għandu kompetenza f’dawn l-oqsma, il-Parlament baqa’ għaddej biex jiflihom u jiddibattihom. Waqt li għamel hekk, ħoloq klima ġurnalistika u publika fl-Ewropa favur miżuri li mhumiex fl-interess ta’ pajjiżna. Hekk ġara dil-ġimgħa b’voti li ttieħdu b’mod dirett jew indirett, dwar is-suġġetti li għadna kemm semmejna.
Sa issa, il-biża’ li l-Ewropa tindaħal fuqna u li timponilna kif norganizzaw is-soċjetà tagħna b’mod li ma jgħoddx għalina tqanqal l-aktar dwar l-abort. Biss, dan hu suġġett li ma jikkontribwixxi xejn għaż-żieda fil-poteri tal-Unjoni Ewropea u m’għandniex għalfejn nitħassbu wisq li l-Unjoni se timponi fuq Malta l-valuri tagħha dwar l-abort. Fl-oqsma l-oħra li semmejna, il-logħba hi differenti. Huma oqsma li jmissu l-qalba tal-kwistjonijiet li l-Unjoni Ewropea se tkun qed timmira biex teħodhom taħt il-kontroll tagħha.
F’dal-qafas, hu aktar u aktar kundannabbli l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li fl-aħħar snin, daħlet b’ruħha u b’ġisimha fil-Parlament Ewropew biex twassal dehra negattiva ta’ Malta. Din serviet biex timmina l-prestiġju nazzjonali tal-pajjiż u biex tgħin fir-rankatura li biha l-Parlament Ewropew stinka fl-aħħar snin ħalli jdeffes lil-Unjoni Ewropea f’oqsma fejn sa issa, skont it-Trattati ffirmati mill-pajjiżi membri, din ma għandhiex rwol.

Facebook Comments

Post a comment