Għalkemm ir-Renju Unit għadu ma ntavolax fid-dettall it-talbiet li se jkun qed jagħmel għal bidliet fit-trattati u fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea ħarġu ċari issa l-linji ta’ kif il-gvern Konservattiv ta’ David Cameron se jkun qed jindirizza n-negozjati. Emfażi kbira se titpoġġa fuq il-ħtieġa li sħubija fl-Unjoni Ewropea ma tkunx tfisser impenn awtomatiku minn kull pajjiż membru biex jibqa’ jaċċetta li jidħol fi strutturi dejjem aktar qawwija ta’ għaqda. Għandu jkun hemm mod kif il-pajjiżi li jridu jingħaqdu dejjem aktar jagħmlu hekk bla ma jpoġġu fi żvantaġġ lil dawk li ma jridux għaqda aqwa.
L-Ingliżi qed jgħidu li jaqblu li ż-żona tal-ewro għandha tissaħħaħ imma dan m’għandux iġib miegħu tnaqqis fil-mod kif membri tal-Unjoni barra ż-żona ewro jibbenefikaw mis-suq wieħed Ewropew li kien ir-raġuni li għaliha ssieħbu fl-Unjoni.

SUQ WIEĦED TASSEW?

Il-biża’ tal-Ingliżi hu ċar. Jekk iż-żona ewro tispiċċa maqgħquda daqs kemm hu t-territorju Amerikan bid-dollaru, iċ-ċans hu li min ma jkunx fiż-żona se jsib barrieri ġodda telgħin kontrih. Dan l-Ingliżi ma jriduhx; anzi qed jinsistu li s-suq wieħed Ewropew għad baqagħlu ħafna aktar fejn itejjeb l-operat tiegħu, speċjalment fil-qasam tas-servizzi fejn l-għaqda għadha lura.
Min-naħa l-oħra, quddiem iż-żieda fl-immigrazzjoni, ir-Renju Unit qed jinsisti wkoll għal limitazzjonijiet ġodda dwar min jista’ jmur joqgħod hemm. Issa s-suq wieħed Ewropew hu mibni wkoll fuq il-prinċipju li mhux biss l-oġġetti u s-servizzi jistgħu jiċċirkolaw bla xkiel minn pajjiż għal ieħor, imma wkoll iċ-ċittadini tal-pajjiżi Ewropej kollha. Bit-talba tagħhom, l-Ingliżi donnhom qed jikkontradixxu lilhom infushom meta jgħidu li jridu jħarsu u jsostnu s-suq wieħed.
Dan l-argument ġie spostat ftit dan l-aħħar. Ir-Renju Unit donnu lest jaċċetta l-prinċipju ta’ ċaqliq ħieles ta’ persuni mal-Ewropa magħquda. Imma qed jisħaq li dan m’għandux iġib miegħu d-dritt li kull persuna li tmur minn pajjiż għal ieħor b’mod naturali tingħata d-dritt li tibbenefika kemm trid mis-servizzi soċjali tal-pajjiż fejn tmur toqgħod.
Kollox se jkun qed jippernja ma’ kemm u kif l-Ingliżi jistgħu jingħataw sodisfazzjon fis-sejħa tagħhom biex l-Unjoni Ewropea ma tibqax tiżviluppa poteri dejjem usa’ biex iddaħħal regolamenti u liġijiet li japplikaw fost il-membri tagħha. Qed jgħidu li uħud mill-poteri li l-Unjoni Ewropea diġà ngħatat mill-pajjiżi membri għandhom jitroddu lura. Id-deċiżjonijiet l-aħjar jittieħdu kemm jista’ jkun qrib il-post fejn se jitwettqu, mhux minn Brussell.

IL-PARLAMENTI NAZZJONALI

Fil-prattika jidher li x-xewqa tal-Ingliżi hi li l-parlamenti nazzjonali jerġgħu jingħataw rwol ta’ deċiżjoni akbar billi direttivi u liġijiet li bħalissa jinħadmu mill-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra jerġgħu jsiru r-responsabbiltà tal-parlamenti nazzjonali. Kif iridu li dan jiġri għad mhuwiex ċar. Hu xinhu, x’aktarx li dal-punt se jsir ewlieni u se jorbot u jħoll il-futur tal-Gran Brittanja fl-Unjoni.
Madankollu, mhux fir-Renju Unit biss li r-rwol tal-parlamenti nazzjonali jqanqal kontroversji. Kemm-il darba fil-Ġermanja id-deċiżjonijiet Ewropej qed jiġu kontestati bl-argument li qed jidħlu żżejjed fuq il-kompetenzi tal-Parlament Ewropew. Il-qorti kostituzzjonali Ġermaniża kellha tagħti l-ġudizzju tagħha dwar hekk. L-aktar dwar żviluppi fil-qasam tal-ewro wissiet għal darba, tnejn li l-gvern Ġermaniż ma jistax iċedi poteri li dwarhom hu responsabbli l-Parlament Ġermaniż lil strutturi ta’ tmexxija Ewropej, mingħajr ma l-ewwel jibdel il-kostituzzjoni.
Hemm kurrent qawwi fi ħdan il-Partit Konservattiv Ingliż li jrid joħroġ mill-Unjoni Ewropea akkost ta’ kollox, ikunu xi jkunu, tajba kemm ikunu tajba, r-riżultati tan-negozjati li se jsiru bejn ir-Renju Unit u l-Ewropa. Ma’ dal-kurrent jingħaqdu l-votanti tal-UKIP u oħrajn li jinsabu mifruxa mal-partiti l-oħra. Ma jridux wisq biex jispiċċaw maġġoritarji fil-pajjiż. Jekk il-gvern ta’ Cameron wara li jtemm in-negozjati jkollu x’juri b’mod konkret dwar poteri li se jingħataw “lura” lill-Parlament Ingliż, isibha ħaġa aktar faċli li jikkonvinċi lill-votanti tar-referendum li se jorganizza, biex jiddeċiedu ħalli r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea — kif naħseb li l-Prim Ministru Ingliż jixtieq li jiġri fl-aħħar mill-aħħar.

JEKK IR-RENJU UNIT JOĦROĠ?

Għax mistoqsija kbira li qed titqajjem hi: x’jiġri jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea? Se jmur tajjeb jew ħażin? U l-Unjoni, kif tmur?
Diġà ħarġu diversi studji li jgħidu kif l-ekonomija Ingliża tintlaqat ħażin u għall-ewwel tiċkien jekk ir-Renju Unit joħroġ. Il-biċċa l-kbira tan-negozjanti u kumpaniji Ingliżi ma jridux li l-pajjiż joħroġ. Biss wieħed ma tantx jista’ jpoġġi fiduċja fi studji dwar x’jiġri jekk isir hekk jew ma jsirx. Ħafna mill-istudji jitfasslu biex jagħtu r-risposta li jixtieq jisma’ min ifassalhom.
Kollox jiddependi minn kif il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jiġi organizzat. Bħala t-tieni jew tielet ekonomija (skont kif isir il-kalkolu) tal-Ewropa, it-tluq tar-Renju Unit ikun daqqa għall-prestiġju u l-qawwa tal-Unjoni Ewropea. Inaqqas mid-dija tagħha bħala kalamita li tiġbed lejha l-ġnus Ewropew. Imma ma tkunx daqqa mortali, bogħod minn hekk. Mingħajr ir-Renju Unit anzi, x’aktarx li l-Unjoni Ewropea ssibha ħaġa aktar faċli li tasal għal ftehim intern bejn il-pajjiżi li jibqgħu membri. Id-dominanza tal-Ġermanja, forsi ma’ Franza, titqawwa bil-kif.
Għar-Renju Unit, il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea ma jkunx bilfors ifisser it-telfien tas-swieq Ewropej. Anzi se jkun kruċjali f’hekk li r-Renju Unit jibqa’ bl-aċċess li għandu għal dawn is-swieq. Biex jaslu sa dal-punt, se jkun meħtieġ li anki jekk ifallu, n-negozjati bejn Ingliżi u Ewropej ma jispiċċawx imgħaddsa fil-qrusa.
Għalina, tqum ukoll mistoqsija importanti. X’effett jista’ jkun hemm fuq Malta jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea? Tant hi importanti l-mistoqsija li ta’ min niddiskutuha f’xi artiklu ieħor.

Facebook Comments

Post a comment