Fis-sitwazzjoni attwali, fejn l-Ewropa tinsab imdejqa b’għadd ta’ kriżijiet li kollha ġew fuqha fl-istess ħin, wieħed jifhem li hemm min qed jistaqsi: liema hi l-aqwa kriżi?
Min jagħmel hekk, forsi jaħseb li jekk l-Unjoni Ewropea tikkonċentra fuq l-aqwa kriżi li qed tiffaċċja, u tegħlibha, allura mbagħad tkun tista’ ddur għat-tieni l-aqwa, u tirbħilha, u mbagħad għat-tielet… Imma kif se tagħżel bejn il-kriżijiet tal-immigrazzjoni, tat-terroriżmu, tal-ekonomiji staġnati jew donnhom hekk fiż-żona tal-ewro, tan-negozjati li jridu l-Ingliżi biex jibdlu l-kondizzjonijiet tagħhom tas-sħubija fl-Unjoni, jew tal-konfrontazzjoni li baqgħet għaddejja mar-Russja?
F’laqgħa fil-Parlament Ewropew dil-ġimgħa, l-eks Kummissarju Ewropew Laszlo Andor ħareġ bl-argument li l-aqwa kriżi… dik li l-Ewropej l-aktar li jaqblilhom isolvu malajr malajr… mhijiex tal-immigrazzjoni per eżempju, imma taż-żona tal-ewro. Jekk isolvu dil-problema, u l-ekonomiji jrendu aktar, allura l-Ewropej jkollhom fiduċja akbar fil-futur. Ikunu jistgħu jaffaċċjaw aħjar l-isfidi tal-immigrazzjoni, fost oħrajn, u ta’ kif se jsibu r-riżorsi biex jegħlbuhom.

X’JONQOSHA Ż-ŻONA EWRO?

Biss minn hawn tqum il-mistoqsija l-kbira: x’jonqosha ż-żona tal-ewro biex terġa’ titlaq bil-kbir? Fis-snin ta’ wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, iż-żona tal-ewro rnexxielha żżomm fil-wiċċ minkejja l-problemi enormi li nqalgħu. Baqgħet hemm, mhux ikkollassat, kif kien hemm min bassar. Illum, il-kontroversja għadha qawwija dwar x’jista’ jkun il-futur veru tagħha.
It-tkabbir ekonomiku reġa’ beda, imma baqa’ baxx wisq, fraġili żżejjed. L-impjiegi bdew jiżdiedu, imma mhux kullimkien, u l-anqas fost iż-żgħazagħ. Terġa’ l-impjiegi l-ġodda fil-maġġoranza tagħhom qed ikun prekarji sew. Il-mistoqsija mela saret: iż-żona ewro kif tista’ titlaq bis-serjetà lejn tkabbir sostenibbli li joħloq l-impjiegi?
B’hekk, qed nerġgħu nirfsu lejn id-diskussjonjiet ta’ ftit tas-snin ilu. Iż-żona ewro jonqosha tmexxija ekonomika waħda. Il-pajjiżi membri tagħha għandhom l-istess Bank Ċentrali imma kull wieħed għandu l-ministru tal-finanzi tiegħu. Mentri, jintqal, iż-żona tal-ewro jekk se tieħu r-ruħ, jeħtiġilha ministru tal-finanzi tagħha, bil-fondi tiegħu miġbura mill-istati membri.
Ftit hemm għalfejn toqgħod tispjega għaliex dil-proposta dejjem issib l-iskolli kull meta l-Ewropej jiprovaw jaraw kif jistgħu iwettquha. Tfisser li z-zona ewro tikseb il-poter li twaħħal it-taxxi tagħha. Tfisser li l-ministru tal-finanzi tagħha jkollu poter li “jikkmanda” lill-ministri tal-finanzi nazzjonali dwar x’jiddeċiedu.

IRIDU TAXXI FEDERALI JEW LE?

Jiġfieri, min jaċċetta sistema bħal din, ikun qed jaċċetta tnaqqis fis-sovranità ta’ pajjizu. Kemm lesti l-pajjiżi jagħmlu dan fl-interess li ż-żona tal-ewro tibda ttir bil-ġwienaħ tagħha?
Ekonomikament kulħadd jifhem li din hi ħaġa li għandha ssir. Politikament hemm reżistenza qawwija kontra tagħha, u mhux bilfors dawk li jitkellmu l-aktar kontra soluzzjoni federali għaż-żona ewro se ssibhom bl-akbar reżistenza għall-idea.
Fl-aħħar żminijiet reġgħu telqu tentattivi biex isir xi progress f’din il-materja, imbuttati l-aktar minn mexxejja fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament. Tlesta r-rapport hekk imsejjaħ tal-ħames presidenti — tal-Kummissjoni, tal-Parlament, tal-Kunsill Ewropew, tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-kumitat tal-ewrogrupp, magħmul mill-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi tal-ewro. Dar-rapport kien maħsub biex iħares ‘il quddiem lejn x’għandhom ikunu l-iżviluppi li jsaħħu t-tmexxija taż-żona ewro. Il-Presidenti qagħdu attenti f’dak li jiktbu biex ma joħolqux tempesti politiċi. Imma milli kitbu, joħroġ sentiment ċar favur teżorerija tal-ewro.
Minn żmien ir-rapport tagħhom ftit tax-xhur ilu, sar aktar ċar id-diskors favur li ż-żona tal-ewro jkollha dak li jissejjaħ l-“ispazju fiskali” tagħha: jiġifieri li jkollha fondi tagħha biex tmexxihom skont l-interessi taż-żona. Hawn tqum il-mistoqsija: imma kif se jiġu determinati dawn l-interessi? skont liema miżuri?
Tweġiba ewlenija li tingħata hi li jekk iż-żona tal-ewro tiġi ddotata bir-riżorsi tagħha, dawn iridu qabel xejn iservu biex iwittu d-diverġenzi li baqgħu jiżdiedu bejn ir-reġjuni u pajjiżi tagħha. U dan iqajjem minnufih l-oġġezzjonjiet tal-Ġermanja. Dejjem sabitha iebsa li f’dal-qasam, iċċedi xi parti mis-sovranità tagħha. L-aqwa partit politiku li għandha, tad-demokristjani f’alleanza mas-soċjo-kristjani, dejjem irrifjutaw li ż-żona tal-ewro għandha ssir waħda bil-poter li tqassam il-fondi minn banda għal oħra. Il-lemin Ġermaniż iqis li ż-żona tal-ewro għandha taħdem skont regoli fissi ta’ tmexxija ekonomika, li minnhom infushom għandhom iwasslu għall-aqwa riżultati ekonomiċi. Xejn ma jaqblu ma’ miżuri maħsuba biex jgħaddu l-fondi lejn naħa jew oħra taż-żona biex jikkumpensaw lil min ikun sejjer ħażin.
Fix-xhur li ġejjin id-diskors u n-nofs diskors dwar kif tista’ tiżviluppa ż-żona ewro mistenni jkompli. Biss għall-aħħar tas-sena, skont il-President Franċiż Hollande, il-Ġermanja u Franza jinsabu impenjati li jressqu flimkien proposta ġdida dwar pass ġdid ‘il quddiem fil-binja tal-ewro. Nistennew u naraw.

ID-DANIMARKA TIĦRAX

B’kuntrast mal-qagħda tal-ewro, ftit qed ikun hemm pawsi fil-qasam tal-immigrazzjoni fejn is-sens ta’ kriżi għadu qawwi. L-immigranti jew refuġjati għadhom qed jaslu fl-eluf tagħhom. L-Ewropej qed iwaħħlu fit-Turkija li mhijiex iżżomm lura, kif wegħdet, lill-immigranti sejrin lejn l-Ewropa. Qed iwaħħlu fil-Greċja li mhijiex tikkontrolla d-dħul tagħhom.
It-Turkija min-naħa tagħha tilmenta li l-flus imwiegħda lilha għall-ispejjeż tar-refuġjati li qed iżżomm, għadhom ma waslux. L-Italja għamlet żmien tinsisti li t-tliet biljuni imwiegħda lit-Turkija jridu jitħallsu minn fondi tal-Unjoni Ewropea mhux mill-pajjiżi membri tal-Unjoni separatament.
Waqt laqgħa tal-ministri tal-intern Ewropej, il-Greċja ġiet “imhedda” li jekk mhijiex se tikkontrolla d-dħul mill-fruntieri tagħha aħjar, se titneħħa mill-ispazju ta’ Xengen. Il-Kummissjoni Ewropea ntalbet issib mod legali kif pajjiżi jistgħu jissospendu t-tħaddim ta’ Xengen għal aktar fit-tul, għal sentejn.
Il-President tal-Kummissjoni Juncker u l-kap tal-Fond Monetarju Internazzjonali wissew li jekk is-sistema ta’ Xengen tikkrolla, se jkun hemm konsegwenzi ekonomiċi negattivi sew. Fil-Ġermanja, l-kritika kontra l-kanċellier Merkel għall-mod kif aċċettat id-dħul tal-immigranti f’pajjiżha għadhom ma qatgħux.
Sadattant, id-Danimarka fost il-pajjiżi li qed jaċċettaw l-immigranti, daħħlet l-aktar miżura ħarxa. Qed tesiġi mir-refuġjati li jaslu għandha li jagħtu lill-gvern dak li ġabu magħhom, ġojjelli inklużi. B’hekk biss ikunu intitolati għas-servizzi soċjali u għajnuniet oħra li jipprovdi l-pajjiż. Kontra din il-bidla li ġiet approvata mill-Parlament Daniż, qamet kritika kbira, min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Ġnus Magħquda.
Imma l-gvern Daniż baqa’ sod fid-deċiżjoni tiegħu. Qal li r-refuġjati se jkunu qed jingħataw l-istess trattament bħaċ-ċittadini tal-pajjiż.
Aktar minn ħaġ’oħra, d-deċiżjoni Daniża qed turi dejjem aktar bil-qawwi kemm il-pożizzjoni tal-gvernijiet dwar dil-kriżi qed tiħrax. Il-President tal-Kunsill Ewropew Tusk, li ġimagħtejn ilu qal li ma rridux nesaġeraw il-pieni li qed iġġarrab l-Ewropa, qal ukoll ftit wara, li l-Ewropa baqagħlha mhux aktar minn xahrejn biex tikseb lura l-kontroll fuq li jinsab għaddej. Jekk le, il-konsegwenzi jistgħu jkunu gravi ħafna.

Facebook Comments

Post a comment