Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Ingliża May li ssejjaħ elezzjoni bikrija li biha l-gvern Ingliż suppost se jikseb is-saħħa kollha biex jinnegozja l-Brexit, tat xhieda oħra ta’ kemm se jkun politikament iebes il-proċess li bih ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea. May, li temmen li se tirbaħ din l-elezzjoni, trid li tkun f’qagħda qawwija f’pajjiżha ħalli tasal għal ftehim ta’ firda li jiswa.
Min-naħa tagħhom, l-Ewropej qed jagħmlu minn kollox biex jibqgħu kompatti. Iridu li mill-bidu sal-aħħar, jimmarċjaw ilkoll bl-istess pass. Jekk le, jitħarbtu, b’dannu kbir għall-għaqda li bnew bejniethom bi sforzi kbar.
Fl-istess ħin, tibqa’ l-ħtieġa, għal kull pajjiż membru, li jiżen kif id-divorzju tal-Brittaniċi mill-Unjoni se jaffettwah. Dan jgħodd ukoll għal pajjiżna – l-iċken membru tal-Unjoni Ewropea, u forsi l-aktar wieħed wara l-Irlanda, li matul snin twal, kellu l-eqreb rabtiet, għat-tajjeb u għall-ħażin, mar-Renju Unit.

L-INTERESS EWROPEW, L-INTERESS NAZZJONALI

Bħal kull pajjiż membru ieħor, Malta se jkollha wkoll tistaqsi: l-interess “Ewropew” hu l-istess ħaġa bħall-interess nazzjonali? Għax sa issa, l-Ewropej ikkonċentraw l-aktar fuq kif se jżommu front komuni bejniethom. Imma jafu li t-tluq tar-Renju Unit se jaffettwa l-membri tal-Unjoni b’mod differenti. Min se jintlaqat mod, min se jintlaqat mod ieħor. Min jista’ jara vantaġġi f’li ġej, min problemi. Kulħadd se jkun qed jagħmel il-kalkoli tiegħu.
Sakemm għadu fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-gvern Malti qed jagħmel tajjeb li ma jqanqalx fil-miftuħ kwistjonijiet dwar kif għandu jħares l-interess Malti. Żgur li saru studji dwar dil-ħaġa, imma nżammet prudenza biex il-kwistjonijiet li qajmu ma jinfetħux wisq fil-beraħ.
Diġà diversi studji li ġew pubblikati, ppuntaw lejn Malta bħala wieħed mill-pajjiżi li l-aktar għandhom x’jitilfu bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk għandhomx raġun dawn l-istudji, hi ħaġa oħra. Personalment ma tantx jien konvint, imma hekk qalu.
Illum, irridu naraw kif it-tluq tal-Gran Brittanja mill-Unjoni Ewropea jista’ jaffettwana fl-oqsma tal-kummerċ ta’ oġġetti u f’servizzi (mhux l-anqas fit-turiżmu); fil-ħolqien u s-sostenn ta’ investimenti; u forsi fuq kollox, fi x’se jiġri mill-Maltin li qed jgħixu fir-Renju Unit u mill-Ingliżi li qed jgħixu Malta.
Kollox jidher li se jiddependi minn jekk id-divorzju hux se jkun wieħed ta’ Brexit “iebes” jew wieħed ta’ Brexit “artab”. Mira tal-Brittaniċi fin-negozjati, se tkun li jiksbu kontroll sħiħ fuq min jidħol jgħix u jaħdem għandhom. Mela mhux se jippermettu ċaqliq ħieles tal-persuni bejn il-kontinent Ewropew u pajjiżhom. Għall-Ewropej, dan ifisser li allura, r-Renju Unit ma għandux ikollu dħul ħieles fil-kummerċ u l-finanzi tas-suq komuni Ewropew. Brexit “iebes” ifisser li fost oħrajn, bejn ir-Renju Unit u l-bqija tal-Ewropa, fil-kummerċ jistgħu jerġgħu jidħlu d-dazji; biex tmur toqgħod fir-Renju Unit (l-Ewropej) u fl-Ewropa (għall-Ingliżi) trid permess minn qabel; u li biex tibgħat fondi minn naħa għall-oħra, trid tikseb permessi u tkun taħt kontroll. Bi Brexit “artab”, dawn id-dazji, permessi u kontrolli jkunu ħfief.
Ikun aħjar li nqisu x’jista’ jiġri jekk id-divorzju jispiċċa b’kondizzjonijiet “iebsa”.

KUMMERĊ

Hi ħaġa ċara li dan jaffettwana ħażin. Għad hemm esportazzjoni ta’ prodotti Maltin li tmur lejn ir-Renju Unit. B’dazji fuqha fis-suq Ingliż, issir anqas kompetittiva. Sa issa, parti kbira mill-investimenti industrijali lejn Malta kienet ta’ oriġini Ingliża, għalkemm matul is-snin, il-volum tagħħom naqas sew. Fir-realtà mill-Indipendenza lil hawn, il-prodotti industrijali Maltin kienu jidħlu fis-suq Ingliż bla ebda dazji. Bi Brexit “iebes” dil-ħaġa tista’ tinbidel.
Madankollu, f’dil-bidla, jista’ jkun hemm vantaġġi għal Malta. Se jkun importanti għall-impriżi Ingliżi li jfittxu dħul faċli fis-suq Ewropew. Dan jistgħu jagħmluh billi jiftħu jew isostnu kumpaniji f’pajjiżi membri tal-Unjoni, fosthom Malta. Biss – kif naraha jien – jekk se jiftħu fabriki jew impriżi kummerċjali ġodda, aktar jaqblilhom imorru f’pajjiżi fil-kontinent innifsu, bħar-republika Ċeka jew il-Polonja, minkejja l-iżvantaġġi tal-lingwa.
Għax minn Malta bħala gżira, l-esportazzjoni lejn l-Ewropa tibqa’ mgħakksa bil-problemi tad-distanza miċ-ċentri Ewropej u taċ-ċokon. L-argument favur investiment f’Malta aktar jgħodd għal impriżi Ingliżi diġà stabbiliti f’pajjiżna (ma tantx baqa’ minnhom). Biss, kellna l-każ tal-kumpanija de la Rue, li filli se tnaqqas il-preżenza tagħha f’Malta, u filli se tirdoppjaha. Ftit jista’ jkun hemm dubju li l-Brexit ikkontribwixxa għal din il-bida ta’ malajr fil-pjani tal-kumpanija.

SERVIZZI

Se jkun hemm min jgħid, bir-raġun, li aktar milli fil-manifattura, hu fil-qasam tas-servizzi li rridu nżommu għajnejna miftuħa. Parti sostanzjali mis-servizzi finanzjarji tagħna b’mod dirett jew indirett ġejjin mir-Renju Unit. Issa l-istabbilimenti finanzjarji kbar Ingliżi qed jaraw kif se jżommu sieq fl-Unjoni Ewropea. Bi Brexit “iebes” mhux se jkunu jistgħu joperaw fl-Ewropa bil-ħelsien li gawdew sa issa. Ma tantx nara kif u kemm ditti finanzjarji kbar se jkun jaqbillhom jiċċaqalqu lejn Malta. Jidher li qed jaħsbu l-aktar f’ċentri bħal Pariġi u Frankfurt. Il-periklu f’dan għalina se jkun li Malta tispiċċa titqies bħala aktar imbegħda minn dawn l-istabbilimenti, milli meta kienu joperaw minn Londra.
Sadattant, se jkun qed isir ċaqliq fil-kurrenti finanzjarji mal-Ewropa kollha hekk kif l-istabbilimenti kbar u żgħar li jmexxu l-fondi u l-flus, jaddattaw ruħhom għall-bidliet tal-Brexit. Diffiċli tipprevedi kif dan iċ-ċaqliq jista’ jaffettwa lis-servizzi finanzjarji f’pajjiżna. Se jkollna nistennew ftit ieħor qabel nistgħu naslu għal xi konklużjoni dwar hekk.
Fost is-servizzi li l-aktar irendulna għadna nsibu lit-turizmu. Mir-Renju Unit jaslu fostna numru sostanzjali ta’ turisti għalkemm mhux daqs xi snin ilu. Ftit nista’ nara li l-Brexit (“iebes” jew “artab”) se jkollu effett tat-tul fuq das-settur, ħlief minn lat wieħed. Jekk l-ekonomija Ingliża togħtor jew il-lira sterlina tibqa b’valur baxx “wisq” minħabba l-Brexit, it-turiżmu mir-Renju Unit lejn barra l-pajjiż, Malta inkluża, jonqos. Imma t-tbassir li sar sa issa dwar l-effetti ħżiena fuq l-ekonomija Brittanika minħabba l-Brexit ftit ġie konfermat bil-fatti. Il-Fond Monetarju Internazzjonali għadu kemm tejjeb il-pronostku tiegħu dwar l-andament ekonomiku Ingliż għaż-żmien li ġej.

ĊITTADINI

Fejn irridu noqogħdu l-aktar attenti għall-Brexit, hu fir-rigward tal-impatt tiegħu fuq il-Maltin li huma residenti fir-Renju Unit, u fuq l-Ingliżi residenti f’Malta. Peress li kif għedna, l-kontroll tal-moviment tal-persuni tpoġġa bħala mira essenzjali tar-Renju Unit, il-kondizzjonijiet li jgħixu taħthom ċittadini Ewropej (fosthom Maltin) u Brittaniċi se jkunu soġġetti għal negozjati delikati. Dawn żgur jikkoncernaw fost oħrajn, drittijiet ta’ residenza, ta’ sigurtà soċjali, ta’ edukazzjoni, ta’ kura medika, ta’ xogħol, u ta’ pensjonijiet.
Proporzjonalment, mill-pajjiżi Ewropej, Malta tidher bħala li l-aktar għandha residenti Ingliżi jgħixu fiha, u l-akbar numru ta’ Maltin li jgħixu fir-Renju Unit. Kif se jiġu affettwati huma u l-familji tagħhom? Terġa’, fost studenti Maltin li jfittxu tagħlim avvanzat barra, l-akbar numru jmorru jistudjaw fir-Renju Unit. Kif se jkunu affettwati l-kondizzjonijiet, inklużi dawk finanzjarji, li jiggvernaw l-istudji tagħhom?
Nissuspetta li flimkien mas-settur tas-servizzi finanzjarji, se jkun il-qasam tat-trattament taċ-ċittadini Inglizi u Maltin, li l-aktar se jikkonċerna lil Malta.
In-negozjati tal-Brexit għadhom ma fetħux. Kulħadd jagħraf kemm se jkunu komplikati. L-importanti se jkun li bħall-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fin-negozjati li ġejjin, aħna ma ninsewx l-interess nazzjonali biex nissodisfaw xi interess “Ewropew” li jħallina bin-nieqes.

Facebook Comments

Post a comment