Il-kliem ġieli sbieħ, ġieli koroh li nisimgħu dwar xinhu għaddej fl-Ewropa u dwar il-futur tagħha, forsi jqanqlu stennija li malajr malajr se naraw jiġru żviluppi importanti f’diversi oqsma tat-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Personalment m’inix konvint minn dan. Kieku kelli nbassar kif se jmorru l-affarijiet, ingħid li għad baqagħlna żmien sew qabel jista’ jkun hemm progress sostanzjali f’oqsma kruċjali bħaż-żona tal-ewro, l-immigrazzjoni, is-sigurtà interna u l-politika soċjali.
Hemm min jgħidli li qed inkun pessimist wisq. Franza u l-Ġermanja issa għandhom gvernijiet stabbli li jistgħu jaraw għajn ma’ għajn meta jiġu biex iqisu x’futur imisshom flimkien iħabirku għalih. It-tnejn jidher li għandhom perspettiva qrib ta’ xulxin dwar dak li għandu jsir permezz ta’ titjib fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Kull ma għandhom jagħmlu hu li jiftehmu kif se jħeġġu biex il-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni jaqblu magħhom u jtellqu l-miżuri ġodda li hemm bżonn jitwettqu.
Forsi għandhom raġun dawk li qed iqisu hekk. Fl-aħħar mill-aħħar, kollox jiddependi minn kif fil-pajjiżi u f’oqsma differenti tat-tmexxija tagħhom, qed jinġemgħu l-forzi politiċi. Tajjeb allura li nagħtu ħarsa lejn uħud minn dawn l-iżviluppi.

L-ISTENNIJA FIŻ-ŻONA EWRO
Ma hemmx għalfejn nerġgħu nagħmlu rassenja tal-proposti li ilhom isiru għal titjib u riformi fiż-żona tal-ewro biex it-tmexxija tagħha tkun aktar effettiva. Bħalissa l-istennija hi li sa Ġunju, Franza u l-Ġermanja jkunu ftehmu dwar proposti li jistgħu jressqu lill-membri l-oħra taż-żona. Jidher li għaddejjin trattativi dettaljati bejn uffiċjali taż-żewġ naħat dwar hekk.
Biss, meta indirizza lill-Parlament Ewropew dil-ġimgħa, il-President Macron wera ruħu ruħu prudenti ħafna dwar sa fejn jista’ jasal it-tibdil fiż-żona tal-ewro. Fl-aħħar sena, hu nnifsu ħareġ bi proposti għal bidliet radikali. Imma f’pajjiżu stess bħalissa, qed jaffaċċja mewġa wara l-oħra ta’ protesti għar-riformi li jrid idaħħal.
Kulħadd jaf li l-aktar ħaġa li messha ssir malajr kemm jista’ jkun, imma li baqgħet lura, hi l-għaqda bankarja. Il-Ġermanja għadha qed iżżomm milli taqbel mal-pass li jmiss li jsir fiha, jiġifieri li tinħoloq skema ta’ garanzija Ewropea għad-depożitanti fil-banek Ewropej. B’dil-garanzija, huma jingħataw lura flushom iddepożitati kollha jekk il-bank fejn ipoġġu flushom ifalli. Il-ftehim kien li b’din l-iskema, titlesta sal-aħħar l-għaqda bankarja fl-Ewropa. Il-Ġermanja tinsab imbeżżgħa li jkollha toħroġ il-flus hi biex tħallas għall-garanzija li tingħata lid-depożitanti. Jekk dil-ħaġa ma titwittiex, diffiċli li jinsilet xi qbil bejn il-membri taż-żona fuq materji oħra.
Biex tagħqad, anke fuq front ieħor – fejn suppost il-qbil kellu jkun aktar faċli – il-kanċellier Merkel donnha qed issib diffikoltà. Dan kien dwar il-proposta li l-Mekkaniżmu għall-Istabbiltà Ewropea jinbidel biex isir qisu l-Fond Monetarju Ewropew. Allura jkun jista’ jidħol flok il-Fond Monetarju Internazzjonali (l-FMI) biex jagħti spalla lill-pajjiżi Ewropej li jkollhom problemi kbar fit-tmexxija ekonomika u finanzjarja tagħhom. Bħalissa, l-Mekkaniżmu hu “biss” balla kbira ta’ flus miżmuma għal-lest. Jekk pajjiż ikun se jegħreq finanzjarjament, bil-qbil ta’ kull min ikkontribwixxa l-flus, il-Mekkanizmu jkun jista’ jagħtih palata u ma jħallihx ifalli. Dan l-aħħar, anke dwar dal-proġett ta’ Fond Monetarju Ewropew, jidher li Merkel sostniet li għandha d-dubji kemm tkun tista’ tgħaddieh mill-Parlament Ġermaniż, il-Bundestag.

IR-REBĦA TA’ ORBAN

Sadattant, ir-riżultat elettorali fl-Ungerija kien xokk għal ħafna. Mhux għax il-partit ta’ Orban rebaħ – dik il-ħaġa kulħadd kien qed jistenniha. Biss, l-istennija kienet li r-rebħa se tkun iċken milli fl-elezzjonijiet ta’ qabel, aktar u aktar meta deher li l-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjoni kienet qawwija aktar mis-soltu. Ġara bil-maqlub. Ir-rebħa ta’ Orban kienet aqwa minn ta’ fl-aħħar elezzjonijiet.
Matul is-snin, il-Prim Ministru Orban sar figura ta’ sfida fl-Unjoni Ewropea – kontra l-proġetti b’miżuri ta’ aktar għaqda fl-Ewropa, u kontra d-deċiżjonijiet prattiċi li jittieħdu biex din titwettaq… bħal fil-każ tal-immigrazzjoni. Ukoll, l-istil awtoritarju tiegħu fit-tmexxija governattiva qanqal kritika kontinwa. Minkejja li jgawdi popolarità kbira f’pajjiżu, baqa’ jaqla’ kritika kbira fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, speċjalment fil-Parlament Ewropew imma anke mill-Kummissjoni.
Ir-rebħa kbira li Orban għamel, kif ukoll il-kritika ġustifikata dwar ir-restrizzjonijiet li tħaddmu f’ċerti aspetti tat-tmexxija tal-elezzjonijiet, servew biex tissaħħaħ l-impressjoni ta’ qasma fl-Ewropa. Bejn min-naħa, iċ-ċentru u l-punent tal-Ewropa, u mill-oħra, l-lvant tagħha. Kif ukoll qasma bejn dawk li jridu żvilupp aktar imgħaġġel tal-għaqda Ewropea, u dawk li jridu ħarsien akbar tal-identità nazzjonali. Il-wasla ta’ Macron fil-presidenza ta’ Franza tat l-impressjoni li l-ewwel front kien qed jirkupra. Ir-riżultat tal-elezzjoni Ungeriża magħqud ma’ dak tal-elezzjoni Taljana donnu… jew tabilħaqq… ta xhieda tal-maqlub.

L-ITALJA WIEQFA?

U fil-frattemp, baqgħu jsiru trattattivi bejn il-partiti Taljani biex jaraw kif se jiftehmu dwar il-ħolqien ta’ gvern ta’ koalizzjoni bejniethom. Progress ftit li xejn hemm. Dwar dan, nistħajjel li l-qarrejja ta’ dil-paġna huma informati u ma hemmx għalfejn nidħlu f’wisq dettalji.
Il-fatt hu li ċ-ċentru lemin flimkien mal-grupp tal-Ħamest Ikwiekeb (li għalija hu wkoll ċentru lemin) għandu maġġoranza fil-Parlament Taljan imma ma jistax jifforma gvern ta’ koalizzjoni għax hemm wisq kalkoli doppji u suspetti bejniethom. Tal-Ħamest Ikwiekeb lesti jfittxu koalizzjoni mal-Partit Demokratiku taċ-ċentru xellug, imma dan jinsab imħarbat bil-kbir. Ma rridx ngħid li bħalissa, l-Italja hi ġġammjata, imma kważi.
Jekk ikollha terġa’ ssir elezzjoni oħra, kif hemm min qed ibassar, trid tkun kuraġġuż sew biex tiddeċiedi minn issa x’jista’ jkun ir-riżultat. Biss, wara l-Brexit, l-Italja se tkun it-tielet l-aqwa ekonomija fl-Unjoni Ewropea. Jekk tibqa’ bla gvern stabbli, kif jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet serji fiż-żona tal-ewro u f’oqsma oħra, meta l-gvern tagħha jkun għadu mdendel?

IL-KUMMISSJONI JUNCKER
Kwistjoni li tissemma f’dan kollu għandha x’taqsam mar-rwol tal-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Jean Claude Juncker. Dan kien wiegħed li l-Kummissjoni “tiegħu” mhijiex se tieħu biss rwol tekniku, imma wkoll wieħed politiku. Ipprova jimxi skont din il-linja. Wara kollox għamel snin twal Prim Ministru tal-Lussemburgu u kien aġent ewlieni fil-ġrajjiet Ewropej għal ħafna snin.
Il-Kummissjoni rnexxielha bid-direzzjoni tiegħu tagħmel impatt?
Il-kritika hi li minkejja l-isforzi ta’ Juncker, il-Kummissjoni baqgħet wisq reattiva – tirrispondi għal dak li jkun għaddej, mhux tiftaħ toroq ġodda. Ma rnexxilhiex tiġbed biżżejjed appoġġ politiku warajha mill-mexxejja tal-istati membri, anke jekk maġġoranza fosthom kienet ixxaqleb lejn il-“familja” politika ta’ Juncker.
Ukoll, biex tgħaxxaqha, il-fehma ta’ Juncker li l-Kummissjoni kellha tkun “politika” aktar ħarrax il-fehma kuntrarja ta’ dawk li kienu jmexxu f’ċerti pajjiżi tal-lvant. Qiesu li l-Kummissjoni riedet timponi fuqhom. Apparti milli f’ħin jew ieħor, darrset lil xi mexxejja tal-punent.

***

L-Unjoni Ewropea tinsab f’qagħda komplikata. Il-mexxejja tagħha jafu li jridu jaqblu bejniethom fuq passi ġodda ’l quddiem. Jafu wkoll li dal-ftehim mhux se jkun faċli – mhux billi l-Ġermanja u Franza jaslu għal xi ftehim bejniethom.
Sa sena u nofs oħra, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jridu jkunu nbidlu biex jaħdmu b’mandat ġdid wara l-elezzjonijiet Ewropej. Sa dak iż-żmien se jkunu waslu għal xi deċiżjonijiet siewja?
Il-qagħda hi komplikata, veru. Imma talanqas ma għandha xejn x’taqsam mal-kriżijiet tal-aħħar għaxar snin. L-ekonomija Ewropea issa telqet sew u r-rata li biha qed tikber hi inkuraġġanti ħafna. Mhijiex ħaġa ċara x’se jkun l-impatt politiku ta’ dan it-titjib.

Facebook Comments

Post a comment