Fis-snin ta’ wara r-riċessjoni tas-sena 2008, seħħet żieda fl-appoġġ elettorali fl-Ewropa għal partiti nazzjonalisti u/jew populisti. Ħadu u żammew voti kemm mix-xellug u kemm mil-lemin. Dan it-tkabbir tagħhom għadu għaddej sal-lum. Qed jinkwieta qatigħ lill-mexxejja tal-partiti “moderati” ta’ xellug u lemin, kif ukoll lill-partiti “ċentristi”.
Il-partiti nazzjonalisti qed ixandru l-messaġġ li l-politika għandha tpoġġi fuq quddiem nett l-interessi nazzjonali u mhux tiftaħ il-bibien biex f’pajjiżhom stess iċ-ċittadini jħossu li qed jinqdew ħażin, jew anzi agħar minn barranin fosthom. B’mod naturali, minn din il-pożizzjoni, setgħu jikkritikaw bl-aħrax il-politika tal-Unjoni Ewropea li tipprova tissettja regolamenti li jgħoddu għall-pajjiżi kollha bl-istess mod.
Setgħu jakkużaw liż-żona tal-ewro li qed isservi ta’ xkiel qawwi għall-iżvilupp tan-nazzjon. Minn din l-akkuża, ħareġ effett stramb. Fejn il-pajjiż sejjer tajjeb, il-populisti/nazzjonalisti jikkritikaw lill-ewro għax qed iservi biex huma jkollhom jissussidjaw lill-pajjiżi “għażżenin” u “ħalja” li kull ma jagħmlu hu li jiġimgħu d-djun. Fejn il-pajjiż sejjer ħażin, il-kritika populista/nazzjonalista hi li minħabba fl-ewro ntilfu l-impjiegi u l-investimenti, waqt li l-għoli tal-ħajja rranka.

X’INHI D-DIFFERENZA?

Kif setgħu, dawk li jqisu ruħhom bħala pro-Ewropej, jilqgħu l-aħjar għall-avvanz tan-nazzjonaliżmu? L-istrateġija tal-President Macron fi Franza kienet li joħroġ bil-qawwi b’politika ċara favur it-tisħiħ tal-Ewropa. Skont hu, biex tingħeleb l-isfida tan-nazzjonaliżmu, trid taffaċċjaha f’konfront. Hu minnu li din l-istrateġija rnexxiet fl-elezzjoni presidenzjali Franċiża li hu rebaħ. Imma f’elezzjonijiet li seħħew wara, fl-Ungerija, fis-Slovenja, fir-repubblika Ċeka, fl-Italja, fl-Awstrija, biex ma nsemmux il-Ġermanja, il-populisti/nazzjonalisti komplew tejbu sew il-pożizzjoni tagħhom. Il-biża’ kiber li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej, huma se jerġgħu jissaħħu.
Problema tal-partiti pro-Ewropej kienet u għadha li l-akkuża li ssirilhom, qed titwemmen dejjem aktar. Din hi li ma jimportahomx minn pajjiżhom u nieshom, imma jimportahom l-aktar minn xi Ewropa magħquda, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu dejjem aktar bogħod mill-popli. U mhux biss aktar bogħod: imma jittieħdu wkoll skont kalkoli li xejn ma jirriflettu dak li n-nies qed iġarrbu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. F’das-sens, il-kriżi tal-immigrazzjoni serviet ta’ żejt jagħli mitfugħ fuq in-nirien.
Fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tal-Unjoni, Jean Claude Juncker ipprova jirrispondi għall-akkuża: “…Fuq kollox, nixtieq li aħna niċħdu in-nazzjonaliżmu waqt li nħaddnu patrijottiżmu li jagħraf tajjeb l-affarijiet. Qatt ma għandna ninsew li l-patrijottiżmu tas-seklu wieħed u għoxrin jieħu żewġ forom: dik Ewropea u dik nazzjonali, fejn forma waħda ma teskludix lill-oħra.”
Kompla: “Kif qal il-filosfu Franċiż Blaise Pascal – Jien jogħġbuni il-ħwejjeġ li jistgħu jinżammu flimkien. Biex tkun tista’ żżomm fuq żewġ saqajn, l-Ewropa trid timxi ’l quddiem bħala binja waħda. Jekk int tkun tħobb l-Ewropa, tkun tħobb in-nazzjonijiet tagħha. Jekk tkun tħobb lin-nazzjon tiegħek, tkun tħobb lill-Ewropa. Il-patrijottiżmu hu virtu. In-nazzjonaliżmu bla rażan jispiċċa mgħarraq fil-velenu u fil-qerq.”

REALTÀ
Ħafna drabi tul l-istorja Ewropea saret din id-distinzjoni bejn il-patrijottiżmu u n-nazzjonaliżmu. Pereżempju, ġieli kien jagħmilha Giuseppe Mazzini, mitqies bħala eroj fl-Italja għall-ġlieda li mexxa tul ħajtu biex dak il-pajjiż jingħaqad. Il-patrijottiżmu jissielet biex il-poplu jikseb id-drittijiet tiegħu f’qafas nazzjonali, waqt li jirrikonoxxi li popli oħra għandhom l-istess dritt. Lest jidħol għal koperazzjoni sħiħa mal-pattrijotti ta’ pajjiżi oħra li jkunu kisbu għal pajjiżhom, l-għaqda u l-ħelsien. Mentri n-nazzjonaliżmu jpoġġi fuq quddiem nett l-interess ta’ poplu wieħed u jikkombatti bla waqfien u bla kompromess biex jikseb dak li jqis bħala l-interess tan-nazzjon tiegħu.
Personalment, dejjem rajt din id-differenza ftit artifiċjali. Lest ngħid li jien patrijott u nazzjonalist (mhux f’sens PN, żgur!) u dejjem qbilt mal-għajta ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox. Imma dan ma jfissirx li ma narax u ma rajtx is-siwi li l-ġnus Ewropej – skont xinhuma l-bżonnijiet u l-interessi tagħhom – jissieħbu flimkien, f’koperazzjoni bejniethom; jew f’għaqda sħiħa – għal dawk li xtaqu u jaqblilhom hekk. Hi ovvja mbagħad li nazzjonaliżmu riġidu li jorbot ħafna mis-saħħa tiegħu madwar konfrontazzjoni mal-barrani malajr jista’ jwassal għal gwerra.
Veru li n-nazzjonaliżmu welled lil mostri bħal Hitler. Imma biex jiġġeldulhom sabu lil nazzjonalisti oħra, bħal Churchill u de Gaulle. Il-biċċa l-kbira tan-nazzjonalisti u l-patrijotti fl-Ewropa emmnu fil-poplu ta’ pajjiżhom, imma kienu konxji wkoll tar-realtà Ewropea li kienu parti minnha. Fosthom insibu xellugin soċjalisti u nies tal-lemin, konservattivi u liberali.
Min-naħa l-oħra tibqa’ l-problema li bħala realtà, u mhux bħala xi invenzjoni tal-propaganda populista, miljuni ta’ Ewropej minn ġnus differenti, qed iħossuhom imbiegħda għal kollox mill-argumenti u l-pożizzjonijiet ta’ dawk li qed imexxu l-għaqda Ewropea. Dawn il-miljuni jaraw dil-ħidma ta’ għaqda bħala li mhijiex qed tiġbed aktar lejn l-interessi tagħhom u ta’ familthom.
Ir-raġuni għaliex qamu dawn is-sentimenti jmorru lil hinn mill-attrazzjoni li jistgħu jkollhom il-populiżmu u n-nazzjonaliżmu “estrem”, għalkemm dawn iż-żewġ movimenti jirkbu fuq id-dwejjaq li jaraw madwarhom. Id-diżillużjoni li ttektek fost il-popli Ewropej ġejja wkoll mill-politika ta’ tmexxija fl-ekonomija li l-Unjoni Ewropea ħaddnet, mhux l-anqas fl-aħħar snin.

IL-LIBERALIŻMU
Speċjalment fiż-żona tal-ewro, il-liberaliżmu kien renjanti. Dan jippriedka t-tolleranza u l-libertajiet ċivili, waqt li jsostni l-ħtieġa tas-suq ħieles biex min jixtri, jkun jista’ jakkwista dak li jixtieq bl-irħas prezz u bl-aqwa kwalità. F’hekk, il-liberaliżmu kien tal-akbar siwi fl-iżvilupp tal-Ewropa. Biss it-tendenzi “estremi” tiegħu poġġew lill-bniedem għall-ħniena tas-suq. B’mod jew ieħor fl-imgħoddi, mil-lemin jew mix-xellug fl-Ewropa, dawn it-tendenzi tal-liberaliżmu trażżnu. Il-gvernijiet assiguraw ħarsien soċjali xieraq.
Tul l-aħħar għoxrin sena u aktar, dan il-brejk fuq is-suq ħieles iddgħajjef. Min-naħa, il-globalizzazzjoni fetħet beraħ il-kompetizzjoni bejn id-ditti. Quddiemha, ir-rieda u l-ħila tal-istati biex jiddefendu liċ-ċittadini naqsu. Imbagħad bil-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-konsegwenzi tagħha, komplew jingħafsu regoli ta’ tmexxija fl-Ewropa li daħħlu inċertezzi u piżijiet ġodda fost miljuni ta’ ċittadini.
Il-partiti “moderati” tax-xellug u tal-lemin dehru li qed jaqblu mal-politika ta’ “awsterità”, li qed iħaddnuha u anki jmexxuha. Kien minn hawn li l-elettorati bdew ifittxu ħajt ta’ kenn politiku ieħor. Il-kriżi tal-immigrazzjoni kabbret din iċ-ċaqliqa. In-nazzjonaliżmu u l-populiżmu tal-lum qed jirriflettu dwejjaq reali. Mhux se jogħsfru billi min imexxihom jiġi iżolat. Jekk il-partiti l-oħra ma joqogħdux attenti, bħal Hitler fil-Ġermanja tas-snin tletin tas-seklu l-ieħor, il-populisti u n-nazzjonalisti estremi għad jistgħu jispiċċaw b’maġġoranza fil-parlamenti nazzjonali.
Il-partiti tradizzjonali tax-xellug u l-lemin irid ikollhom risposta serja għad-dwejjaq li qam, mhux jibqgħu jidhru li jaħtu huma għalih. Hu minnu li l-argumenti li qed jużaw mhumiex foloz. Pereżempju, hu minnu – kif isostnu l-“moderati” – li ċerti sfidi li qed iqumu quddiem is-soċjetajiet kullimkien fid-dinja, ma jistgħux jingħelbu fuq bażi nazzjonali biss. Pereżempju, hu minnu wkoll li ħafna mill-populisti mhumiex joffru soluzzjonijiet għall-problemi imma qed iqanqlu l-aktar denunzji ta’ li jinsab għaddej. Kif qed jidher fl-Italja, meta jiġu biex imexxu alternattivi oħra, qed jitgerfxu bil-kbir.
Imma dawn l-argumenti mhumiex se jwasslu wisq bogħod. Il-popli Ewropej iridu ħarsien. Aktar u aktar minnhom qed juru li lesti jappoġġjaw lil min jifhem dil-ħaġa u jwegħedhom seħan il-moħħ dwarha. F’dal-qafas nemmen jien, id-distinzjoni bejn patrijottiżmu u nazzjonaliżmu ma tantx se jirnexxielha tibdel il-fruntieri tal-kontroversja.

Facebook Comments

Post a comment