Smajna, qed nisimgħu u se nibqgħu nisimgħu ħafna dwar il-presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, li bdiet ġimgħa ilu u titkompla sa tmiem Ġunju. Anki għal min ftit jimportah mill-politika saret ħaġa ċara li din hi ġrajja li qed titqies bħala waħda importanti għall-pajjiż minn politiċi, uffiċjali publiċi, ġurnalisti, insomma minn kważi kull min jinteressa ruħu fil-ħajja nazzjonali. It-tħejjijiet għal dan iż-żmien ilhom isiru s-snin.
Madankollu nieħu l-impressjoni li ftit nies qed jifhmu tassew fhiex se jkunu jikkonsistu l-ħidmiet li Malta se tkun daħlet għalihom b’dil-Presidenza. Jissemmew laqgħat bejn ministri Ewropej u Kummissarji li fihom Malta tkun qed “tippresiedi”. Se jkun hemm ħafna żjajjar minn uffiċjali u ministri li minnhom suppost li jgawdu mhux ħażin tal-lukandi u anke l-ekonomija tagħna. Ħafna jafu wkoll, b’mod ġenerali, li se jkun żmien ta’ diffikultajiet mhux żgħar għall-Ewropa, bil-Brexit, bl-immigrazzjoni, bit-terroriżmu, bil-wasla fuq ix-xena internazzjonali tal-President Trump u problemi oħrajn, li anki f’dil-paġna ddiskutejnihom.
Imma lil hinn minn hekk, fhiex tassew il-Presidenza tal-Unjoni Ewrope se tkun qed timpenja lill-uffiċjali u ministri Maltin?
L-Unjoni Ewropea hi għaqda bejn tmienja u għoxrin, daqt sebgħa u għoxrin, pajjiż li tistrieħ fuq tliet kolonni: il-Kummissjoni, li sservi ta’ “gvern” għall-Unjoni dwar materji li fuqhom sar il-ftehim ta’ għaqda; il-Kunsill tal-Ministri u l-Kunsill Ewropew li jiddeċiedu f’isem il-gvernijiet fuq affarijiet pendenti, fuq problemi li jinqalgħu u fuq materji ġodda mressqa għall-ftehim; u l-Parlament Ewropew, elett mill-popli tal-istati membri, li għandu poteri biex jissorvelja dak li jkun għaddej, u li f’ċerti każi, dwar uħud mill-ftehimiet li jintlaħqu, irid ukoll jagħti l-kunsens tiegħu, inkella dawn ma jitwettqux.

FIL-KUNSILL

Sakemm tmienja w għoxrin pajjiż jiftehmu bejniethom, aktar u aktar meta fin-nofs ikunu jridu jgħidu tagħhom il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, bilfors li jridu jsiru ħafna diskussjonijiet dwar it-tifsira u l-konsegwenzi ta’ x’qed jiġi propost. Il-materji infushom ikunu ta’ spiss tekniċi, varjati u komplikati. Ma jolqtux lil kulħadd fil-kontinent tal-Ewropa bl-istess mod. Il-firxa tas-suġġetti li jqumu għad-deċiżjoni tinkludi biedja u sajd, enerġija, ambjent, trasport tal-baħar u tal-art, industrija, saħħa, edukazzjoni, sigurtà, politika ekonomika… u l-lista tkompli.
Ħafna mid-diskussjonijiet tal-bidu jinżammu f’laqgħat ta’ esperti mill-pajjiżi, uffiċjali publiċi u rappreżentanti ta’ għaqdiet privati. Dawn jistħarrġu flimkien xinhuma l-proposti li qed iqumu u jaraw xinhu li jogħobhom, xinhu li le. Laqgħat u diskussjonijiet jissejħu mill-Kummissjoni, jew mill-Presidenza tal-Kunsill, sakemm jibda jinsilet abbozz ta’ proposta li tista’ twassal għal xi qbil bejn il-gvernijiet u l-Kummissjoni.
Il-laqgħat issa jkunu qed isiru flimkien mal-Kummissjoni, bejn uffiċjali mill-ministeri nazzjonali involuti, kif ukoll diplomatiċi tal-pajjiżi, ħafna minnhom ibbażati fi Brussell. L-istess proċess ikun qed jiġri fl-istess żmien bl-istess manjiera, dwar numru ta’ proposti minn oqsma differenti. L-aktar suġġetti li matul is-sena, jibqgħu għaddejjin trattativi dwarhom huma l-biedja, l-istendards industrijali u kompetittivi, il-kummerċ, u dan l-aħħar is-sigurtà, l-immigrazzjoni u proposti kontra l-evażjoni tat-taxxa minn kumpaniji u ċittadini.
Biex jorganizzaw dawn il-laqgħat, imexxuhom ’il quddiem, jissuġġerixxu l-aġendi tagħhom u jiżguraw li jseħħu, jidħlu r-rappreżentanti tal-pajjiż li għandu l-Presidenza f’idu. Huma jaraw jistgħux ilestu t-triq lejn xi ftehim fil-livelli differenti tal-laqgħat għaddejja, billi jressqu suġġerimenti dwar qbil bejn kulħadd. Għal pajjiż żgħir bħal tagħna li fi żminijiet normali, ma jistax isegwi x-xogħol tekniku kollu li jkun għaddej, din tirrapreżenta sfida kbira ta’ organizzazzjoni u tħejjija. Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun ittesjtata bil-qawwi.

MAL-KUMMISSJONI

Fl-istess żmien, funzjonarji oħra Maltin ikunu jridun jikkordinaw mal-Kummissjoni Ewropea kif se jitħaddem ix-xogħol ta’ diskussjoni u qbil bejn stati membri fuq proposti ewlenin li l-Kummissjoni tkun ħerqana li tmexxi ’l quddiem. Matul l-aħħar snin, taħt il-Kummissjoni Juncker, in-numru ta’ proposti hekk naqsu sew. Xorta hemm minnhom li jirrekjedu ħidma teknika kontinwa.
Dan biex ma nsemmux id-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp taż-żona ewro, fejn il-Presidenza tal-Unjoni hi involuta ħafna anqas. Hawn imexxi l-president tal-grupp tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona, bġalissa l-Olandiż Djisselbloom li mbagħad jgħaddi d-deċiżjonijiet tiegħu lill-Kunsill tal-Ministri (presedut mill-Ministru tal-Finanzi Malti f’dawn is-sitt xhur). Hawn, mill-ġdid, terġa’ tinvolvi ruħha l-presidenza.
Ġeneralment, li jiġri hu li l-uffiċjali tal-Kummissjoni jkunu aktar “moħħhom hemm” fuq suġġetti li jitilgħu għad-diskussjoni. Din ħaġa naturali, peress li xogħolhom ikun qed jitwettaq minn Brussell, fi Brussell “għal” Brussell. Waqt li l-uffiċjali tal-pajjiżi li jinsabu fil-presidenza jkollhom talanqas żewġ miri oħra: dak li jisimgħu u jissodisfaw kemm jistgħu x-xewqat tal-pajjiżi l-oħra membri; u dak, xejn anqas importanti, li jissodisfaw l-esiġenzi tal-gvern nazzjonali tagħhom stess.
Barra minn hekk, tkun għaddejja l-ħin kollu tensjoni bejn l-uffiċjali tal-pajjiż membru li jinsab fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u l-uffiċjali tal-Kummissjoni. Ħafna minn tal-aħħar jidhrilhom li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex iqisu xinhuma l-affarijiet li għandhom jitpoġġew fuq l-aġenda tal-Unjoni – jew liem’minnhom għandhom jingħataw spinta qabel oħrajn. Dwar hekk, huma u l-uffiċjali tal-pajjiż membru fil-Presidenza mhux dejjem jaraw għajn ma’ għajn.
Fil-każ ta’ Malta tista’ tqum komplikazzjoni akbar. Ħafna mill-uffiċjali tal-Kummissjoni iqisu li Malta hi ċkejkna wisq biex tista’ tmexxi tajjeb il-ħidma tal-Presidenza. Skont huma, m’għandhiex riżorsi umani u tekniċi biżżejjed. Allura fl-aħħar sentejn, għamlu diversi attentati biex jieħdu f’idejhom parti mit-tmexxija tal-Presidenza. Bir-raġun u sew għamlu, l-uffiċjali Maltin irreżistew dil-ħaġa. Sostnew li se jkunu huma li jinkarigaw ruħhom milli għandu jsir. Wieħed jistenna li dit-tensjoni tibqa’ tinħass matul il-presidenza Maltija, anke jekk ma tantx tissemma fil-miftuħ.

MAL-PARLAMENT

Ma jistax jonqos li ukoll fir-relazzjonijiet li l-Presidenza Maltija se tmexxi mal-Parlament Ewropew jidħlu komplikazzjonijiet ta’ ħidma kemm tekniċi, kemm politiċi. L-akbar skolli jinqalgħu meta xi biċċa minn liġi Ewropea ġdida, biex tgħaddi u tidħol fis-seħħ, tkun trid l-approvazzjoni tal-Kunsill, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament. Hawn, fuq livell tekniku, bejn esperti u diplomatiċi, u fuq livell politiku, bejn ministri jew l-uffiċjali tagħhom u membri tal-Parlament Ewropew, jinżammu laqgħat imsejħa “trilogi”. Matulhom, kull min hu involut jipprova jsib kompromess li jista’ jissodisfa lil kulħadd.
F’dat-tip ta’ laqgħa, kollox jista’ jmur żmerċ u kollox jista’ jissolva. Hu minnu li jekk l-interessi tal-pajjiżi l-kbar, fuq quddiem nett il-Ġermanja, ikunu mħarsa, it-triq għal soluzzjoni bejn il-qagħdiet kuntrastanti, tista’ tinstab malajr. Mhux dejjem jiġri hekk madankollu. Pajjiż wieħed jew tnejn, kif ukoll ġieli l-Parlament Ewropew innifsu, jibqgħu jtellgħu oġġezzjonijiet li jwaħħlu kollox.
Issa hu fl-interess tal-pajjiż li jinsab fil-Presidenza li jara kif isewwi l-affarijiet… sakemm it-tiswija ma tmurx kontra l-istess interessi nazzjonali tiegħu. Meta allura b’mod diskret, jaqbillu jara kif iżomm il-biċċa kollha mdendla, akkost li jaqlagħha fi kritika mill-Parlament Ewropew… jew minn sorsi fil-Kummissjoni Ewropa li jibdew jisparlaw b’mod anonimu lill-gazzetti u midja oħra… jew b’modi oħra ta’ kif issir pressjoni fit-taqlib politiku u burokratiku li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

***

Illum semmejna l-aktar, uħud mill-isfidi prattiċi u mill-barumbari li fihom se tiżvolġi l-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. Se jkunu parti mill-ħajja tal-funzjonarji u politiċi Maltin li jittrattaw mill-qrib materji Ewropej fi żmien delikat ħafna għall-Ewropa.

Facebook Comments

Post a comment