It-TTIP hu l-ftehim li kien qed jiġi negozjat fl-aħħar snin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex joħolqu bejniethom suq wieħed mingħajr barrieri kummerċjali, fejn jitħaddmu l-istess regoli dwar kif jitmexxew is-swieq u l-investimenti. Jekk il-ftehim iseħħ, is-suq ta’ bejn iż-żewġ naħat se jkun l-akbar wieħed fid-dinja.
It-tuffieħa hi dik tal-kumpanija Amerikana Apple, waħda mill-akbar ġganti tal-informatika, bi prezenza qawwija fl-Ewropa bħal fil-kontinenti l-oħra. Ilha s-snin tiġi mixlija li mhijiex tħallas it-taxxi dovuti minnha. Fl-aħħar b’deċizjoni tal-Kummissjoni Ewropea Apple se jkollha tħallas multa enormi bħala kumpens għat-taxxi li matul is-snin kif jintqal, evitat li tħallas, għax kienet ibbazat l-uffiċċju ewlieni Ewropew tagħha fl-Irlanda.
It-tnejn huma suġġetti li f’daqqa ħadu profil qawwi fl-Ewropa. Ma tfewx il-kontroversji li għadhom għaddejja dwar Brexit, l-immigrazzjoni u t-terroriżmu fost oħrajn, imma ħolqu fermenti ġodda.

SUQ WIEĦED MAL-AMERIKA

Il-prospett li l-Ewropa tagħmel suq wieħed mal-Amerika ta’ Fuq xegħel l-immaġinazzjoni ta’ ħafna, l-aktar esperti ekonomiċi u mexxejja tal-impriżi multinazzjonali l-kbar. Li fuq dan is-suq enormi magħqud, ikun hemm l-istess regoli u modi ta’ tmexxija kellu jfisser li l-kummerċ u l-investimenti jistgħu jikbru qatigħ, għax ma jkollhomx iġorru l-ispiża li joqogħdu jaddattaw kull ma jagħmlu u jbighu għar-regolamenti differenti ta’ kull spazju nazzjonali jew kontinentali differenti.
Jekk jiżviluppaw prodott jew servizz fi Franza ngħidu aħna, hu se jkun jista’ jinbiegħ minnufih kullimkien fl-Ewropa u kullimkien fl-Istati Uniti. U bil-maqlub, għal kull servizz jew prodott maħdum f’xi waħda mill-ibliet Amerikani meta jiġi biex jinbiegħ fl-Ewropa. Dan kellu jnaqqas l-ispejjeż meta dak li qed jinħadem f’kontinent, jitwassal sax-xerrej fil-kontinent l-ieħor. Allura l-bejgħ jiżdied, ix-xoghol għall-ħaddiema li qed jipproduċu jiżdied, l-istess il-qligħ u l-kondizzjonijiet tal-ħajja għal kulħadd jitjiebu.
Dik talanqas hi t-teorija. Fil-verità biex titwaqqaf żona kbira bħal din li tħasslet bit-TTIP, kellhom jingħelbu ħafna dififkultajiet… u baqgħu ħafna oħrajn x’jingħelbu. Per eżempju min-naħa tal-Ewropa tqanqlu reżistenzi: kontra li s-swieq tal-prodotti tal-biedja jinfetħu għal kollox għall-importazzjoni Amerikana; dwar il-livelli ta’ protezzjoni għall-konsumatur; dwar kemm hi ħaġa prudenti li tagħti lill-Amerikani d-dritt li jikkompetu fuq bażi ugwali mal-Ewropej għax-xiri tal-gvernijiet, meta l-Amerikani ma jridux jagħtu l-istess dritt lill-Ewropej f’pajjiżhom; dwar kemm se jintilfu impjiegi fl-Ewropa b’riżultat tal-wasla ta’ prodotti Amerikani irħas minn dawk li jinħadmu hemm… u oġġezzjonijiet oħra.
Fl-Istati Uniti, ir-reżistenzi daru madwar l-istess biżgħat, fuq kollox li jintilfu l-impjegi Amerikani għax il-bejgħ tagħhom jixxejjen b’importazzjoni rħisa mill-Ewropa, kif jingħad li ġara wara ftehim ta’ kummerċ ħieles li l-Istati Uniti kkonkludew mal-Messiku.

DUBJI U RIZERVI
Fis-sentejn tlieta li matulhom inzammu negozjati bejn iż-żewġ naħat, ir-reżistenzi kibru mhux naqsu. Madankollu, il-gvernijiet ewlenin fl-istorja – l-aktar tal-amministrazzjoni Obama f’Washington, tar-Renju Unit, tal-Ġermanja u ta’ uhud mill-pajjiżi Skandinavi, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea – baqgħu jimbottaw favur il-ftehim. Bil-Brexit, din ir-rankatura qalgħet daqqa. Imma li ġara wkoll matul iz-zmien, kien li numru ta’ persuni u partiti politiċi influwenti bdew pubblikament jitbiegħdu mill-ftehim u anki fl-aħħar jieħdu pożizzjoni kontrih, kif diġà kienu għamlu ħafna unjins tal-ħaddiema.
Dan ma ġarax biss fl-Ewropa imma wkoll fl-Istati Uniti. Iz-zewġ kandidati għall-Presidenza Amerikana Hillary Clinton u Donald Trump ċaħdu l-impenn għat-twettiq tat-TTIP. Issa kienet Clinton innifisha li tat bidu għan-negozjati meta kienet Segretarju tal-Istat Amerikan għall-affarijiet barranin.
Fl-Ewropa bdew jaħkmu wkoll tensjonijiet politiċi li ilhom telgħin. Fi Franza, fejn ilha titqanqal kritika għal kif qed jizviluppaw in-negozjati mal-Amerikani, fl-aħħar minn fuq nett ġie konfermat li t-TTIP ma jistax jitkompla. Qalha l-Prim Ministru Vals u rrepetiha l-President Hollande. Is-soċjalisti Franċizi ma jistgħux jissograw li jitilfu aktar voti hekk kif qed toqrob l-elezzjoni presidenzjali.
Imma t-TTIP ħoloq firda fi ħdan il-koalizzjoni ta’ gvern fil-Ġermanja. Waqt li l-kanċellier Merkel għadha trid li n-negozjati jitwasslu sal-aħħar, bl-aktar mod pubbliku il-viċi kanċellier soċjalista Gabriel ħareġ jistqarr li t-TTIP hu moribond. In parti kien qed jirkeb ir-riħ politiku li qed idawwar l-opinjoni publika kontra Merkel. Biss, fost is-soċjalisti Ġermaniżi d-dwejjaq bit-TTIP ilu jikber.
Għadha favur tiegħu l-Kummissjoni Ewropea, li tisħaq kif hi għadha b’mandat validu mogħti lilha mill-pajjiżi membri biex tmexxi n-negozjati sal-aħħar. U ħareġ favur ukoll il-gvern Taljan, bl-istqarrija li n-negozjati għandhom jitmexxew ’il quddiem u jiġu ġudikati fuq ir-riżultati li jaslu għalihom.

***

MHUX IT-TUFFIEĦA TAL-GĦEDEN

Minn żmien il-Luxleaks lil hawn, it-tgergir bil-mod kif il-kumpaniji multinazzjonali l-kbar baqgħu jevitaw il-ħlasijiet tat-taxxa dovuti minnhom ma qatax. Id-direttorat tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ma qatax l-anqas jara kif jista’ jġagħal lill-multinazzjonali jibdlu l-operat tagħhom. Investigahom bil-kbir ħalli jara jekk bl-arranġamenti ta’ taxxa li jagħmlu ma’ pajjiżi differenti, kinux qed jingħataw u jieħdu vantaġġi li ħaddieħor ma kellux.
Fil-każ tal-kumpanija Apple id-deċiżjoni kienet li Apple għandha tħallas “lura” tlettax-il biljun ewro f’taxxi li evitat matul mal-għaxar snin, u zzid ma’ dis-somma l-imgħaxijiet fuqha li se jlaħħqu ftit biljuni oħra. L-Apple irnexxielha tizgiċċa mill-ħlasijiet dovuti permezz ta’ arranġamenti dwar taxxa li għamlet mal-Irlanda. Il-multa għandha tinġabar mill-Irlanda nnfisiha, imma pajjiżi oħra li jqisu li t-taxxa li ġiet evitata kienet f’parti minnha dovuta fuq bejgħ u profitti li saru f’pajjiżhom, jkollhom dritt li jitolbu li jirċievu din il-parti.
Id-deċiżjoni qajmet għagħa. L-Istati Uniti kkritikaw dan it-trattament ta’ waħda mill-aqwa kumpaniji Amerikani. Il-gvern tal-Irlanda, li ilha tiġi kritikata li saret l-Għeden ta’ min irid jevita t-taxxa, qal li se jappella quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Sostna li l-Kummissjoni Ewropea ma kellha l-ebda dritt tindaħal fit-tmexxija tat-tassazzjoni interna tal-pajjiż, materja li għadha riżervata għall-kontroll tal-pajjiżi membri tal-Unjoni. Il-kumpanija Apple ukoll se tappella. Qed tgħid li l-investigazzjoni li għamlet il-Kummissjoni Ewropea hi vvizzjata fuq numru ta’ punti u mimlija żbalji legali, fattwali u tekniċi.
Din l-istorja mhijiex se tintemm mil-lum għal għada. Wieħed jistenna li min- naħa tal-Kummissjoni se jibqgħu jiżdiedu l-isforzi biex jiġu mrażżna l-isforzi ta’ kumpaniji u individwi biex iħallsu anqas taxxa milli dovuta. Forsi bħalissa fost iċ-ċittadini Ewropej minn kull naħa tal-ispektrum politiku, din hi l-aktar inizjattiva popolari tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien fejn kienet qed titlef sew mill-istima popolari.

Facebook Comments

Post a comment