Għaddiet ġimgħa oħra u l-krizi finanzjarja tal-Greċja baqgħet fuq quddiem nett fl-aħbarijiet. Għal min jaf kemm-il darba sa issa, intqal li l-Greċja riesqa lejn il-punt fejn se jkollha tħalli z-zona tal-ewro jekk ma tiftiehemx mal-kredituri tagħha. Din id-darba imma l-affarijiet donnhom irromblaw bil-kbir lejn deċizjoni aħħarija.
B’sorpriza ta’ ħafna, l-Prim Ministru Grieg tal-partit Siriza Alexis Tsipras rebaħ ir-referendum li sejjaħ dwar jekk il-Griegi għandhomx jaċċettaw il-proposti Ewropej dwar kif għandha tiġi ttrattata l-problema tad-djun li l-pajjiz hu mgħobbi bihom. Tsipras innifsu ħeġġeġ għall-vot tal-le. It-tbassir kien li sa tmiem il-jum tal-vot, se jkollu jirrizenja. Minflok il-le rebaħ b’aktar minn sittin fil-mija tal-voti mixħuta.
Minnufih, Tsipras ħabbar li dan kien ifisser li l-Griegi ċaħdu l-mizuri li riedu jimponu fuqhom l-Ewropej waqt li riedu jzommu lil pajjizhom fiz-zona ewro. Kontra qalbhom il-pajjizi tal-ewro kellhom jerġgħu jitkellmu ma’ Tsipras. Insistew miegħu biex jgħidilhom ezattament x’ried. Qabel infetħu d-diskussjonijiet ġodda, irrizenja l-ministru Grieg Veroufakis, mid-dehra bħala ġest lejn il-ministri ”sħabu” Ewropej, li matul l-aħħar xhur iddarrsu sew bil-mod kif ġab ruħu magħhom, jew hekk qalu.

***

MIN IVVOTA LE?

Sadattant, kienet ħaġa interessanti tinnota liema Griegi kienu li vvotaw iva u liema le. Jirrizulta li kienu l-ħaddiema, ċittadini mill-klassi medja bi dħul relattivament baxx, in-nies qgħeda, r-raħħala fil-kampanja u l-gzejjer Griegi li għazlu l-le. Marru għall-iva, l-aktar dawk is-saffi tas-soċjetà Griega bi dħul medju medju għal għoli, professjonisti u managers. L-aqwa rizultati tal-iva kienu f’inħawi t-”tajba” ta’ Ateni u Tessalonika. Iz-zgħazagħ u l-anzjani f’maġġoranza qawwija ivvotaw le.
Dan xejn ma jawgura tajjeb għall-partiti tal-oppozizzjoni ”moderata”. Huma – jiġifieri l-partit tad-demokrazija l-ġdida li sa Diċembru kien fil-gvern, lemini, il-PASOK soċjalista, u l-partit imsejjaħ ”Tax-Xmara”, To Potami, xellugi moderat – kienu kollha ħeġġu favur il-vot tal-iva. Jidher sew li l-aqwa sostenituri tagħhom fl-elettorat abbandunawhom. Minnufih il-kap tal-oppozizzjoni, l-eks-Prim Ministru Samaris irrizenja.
L-għada tar-referendum Tsipras laqqa’ lill-kapijiet tal-partiti, ħlief dak tal-lemin estrem, biex jinformahom kif kien se jipproċedi. Kollha ħlief il-komunisti, tawh l-appoġġ tagħhom fin-negozjati, li Tsipras qal se jkunu aktar faċli wara r-referendum, biex tinstab soluzzjoni li zzomm lill-Greċja fiz-zona tal-ewro.
Min-naħa tagħhom, l-Ewropej saħqu li għalihom xejn ma kien inbidel. Ma kienu se jaċċettaw l-ebda triq li biha l-Greċja tingħata aktar biljuni ta’ ewro mingħajr impenn sod tagħha biex iddaħħal riformi fit-tmexxija tagħha u twettaqhom.

***

L-EWROPEJ SE JINQASMU?

Saru laqgħat mal-ministru tal-finanzi ġdid Grieg, u wara fl-ogħla livell tal-mexxejja Ewropej ma’ Tsipras li donnhom servew biex iressqu l-krizi lejn il-final tagħha fl-aħħar. L-Ewropej stqarrew li ma kienu ġew prezentati b’xejn serju min-naħa Griega, u li jekk fi zmien jumejn ma jirċevux il-proposti konkreti tal-gvern Grieg, se jħallu lill-Greċja tfalli u b’hekk ikollha toħroġ mill-ewro. Waqt li ngħata dan l-ultimatum, is-sistema finanzjarja fil-Greċja kienet qed teħel minn kullimkien—banek bil-fondi tagħhom jiskulaw ‘il barra, u esportaturi u linji tal-ajru jirrifjutaw li jaħdmu mal-Greċja jekk ma jitħallsux minnufih bi flus kontanti.
Meta quddiem il-Parlament Ewropew kellha ssir diskussjoni dwar l-aħħar Kunsill Ewropew ġie miftiehem malajr li jkun mistieden ukoll għal-laqgħa l-Prim Ministru Tsipras. Kienet laqgħa interessanti mimlija teatrin. Fiha Tsipras stqarr li l-gvern tiegħu kien se jitlob pjan ġdid ta’ salvataġġ għal pajjiżu, mingħand il-fond Ewropew imsejjaħ il-Mekkaniżmu għall-Istabbiltà Ewropea li twaaqaf sentejn ilu miż-żona tal-ewro biex jilqa’ għal theddida kbira lill-istabbiltà finanzjarja taż-żona. Is-salvataġġ mitlub did-darba jkun għal tliet snin. Tsipras stqarr ukoll li waqt li se jkun qiegħed jaċċetta li jdaħħal bidliet drastiċi fit-tmexxija ta’ pajjiżu, kien għadu qed jistenna tnaqqis fid-dejn li mgħobbija bih il-Greċja, u li skont hu, mhuwiex sostenibbli.
Il-pajjiżi Ewropej effettivament għad jistgħu jinqasmu fuq din il-kwistjoni. Hemm numru sostanzjali minnhom, bħall-Finlandja biex ma nsemmux lil Malta, li ma jridux li d-dejn Grieg jitqasqas għax b’hekk qed jaċċettaw li jitilfu l-flus li sellfu lill-Greċja fil-passat. Oħrajn, fuq quddiem nett Franza, jidhru li issa saru anqas iebsa fuq dal-punt waqt li jistennew dettalji konkreti mingħand in-naħa Griega dwar x’riformi — jekk jistgħu jissejħu hekk, se jdaħħlu f’pajjiżhom. Triq ‘il quddiem fuq dal-punt tista’ tkun li jitwal bil-goff iz-zmien li fih il-Greċja tkun mistennija tħallas lura d-djun enormi tagħha.
Filfatt, misterju fl-aħħar ġimagħtejn, jekk mhux minn qabel, hu x’nebbaħ it-tattiċi ta’ negozjati tal-gvern Grieg? Għaliex baqa’ sal-aħħar vag jew kontradittorju dwar xinhuma t-talbiet u l-kontraproposti tiegħu?

***

SOLUZZJONI?

Hemm ċans ta’ xi soluzzjoni għal din il-kriżi li twalet iżżejjed?
Ma narax li jista’ jkun hemm soluzzjoni finanzjarja dejjiema, jekk il-Greċja se tibqa’ mgħobbija bid-djun tagħha tal-lum. Anki l-Fond Monetarju Internazzjonali reġa’ semma dil-ħaġa dil-ġimgħa. Kull ma jista’ jiġri bil-piżijiet finanzjarji li jinsabu fuq il-Greċja jkun li taparsi jkunu sabu soluzzjoni għall-problemi tal-lum u l-kriżi terġa tiskoppja f’sentejn jew tlieta oħra, waqt li l-poplu Griegi ikun baqa’ għaddej b’sagrifiċċji ta’ xejn.
Fil-każ, l-aħjar soluzzjoni għall-Greċja f’dawn iċ-ċirkostanzi tkun li tiddikjara ruħha falluta, toħroġ miz-zona tal-ewro u terġa’ tibda kollox mill-ġdid. Il-Griegi jgħaddu minn żmien ta’ tbatija imma fl-aħħar talanqas ikollhom tama kbira ta’ fejqan.
L-Ewropej ma togħġobhomx din it-triq għax tkun qed tikser pedament fondamentali taż-żona ewro, li s-sħubija fiha hi irreversibbli. Imma anki huma ma jistgħux jistennew li se tinstab soluzzjoni li tkun kwadra u tonda fl-istess ħin. Jekk tassew iridu li l-Greċja tibqa’ membru taż-żona ewro u li l-kriżijiet tagħha jinħallu darba għal dejjem, iridu jaċċettaw li m’hemmx triq oħra, minn ġebla ma tistax tagħsar il-ħalib: iridu jqaċċtu s-self li għamlu lill-Greċja waqt li jaraw li din iddaħħal programm ta’ riformi bis-sens li ma jkomplix jgħaffeġ liċ-ċittadini Griegi l-aktar żvantaġġjati.
Dan qed jinkiteb qabel se tkun ingħatat l-aħħar daqqa, pozittiva jew negattiva, f’din is-saga li twalet wisq… jekk tassew se tingħata… Kollox jiddependi mill-proposti tal-gvern Grieg u minn kif dawn jintlaqgħu mill-mexxejja Ewropej.

Facebook Comments

Post a comment