Fi Brussell ir-rizultat xokk tal-elezzjoni fil-Gran Brittanja issemma bla waqfien f’ħafna mid-diskussjonijiet uffiċjali jew le. Forsi l-kampanja elettorali Ingliża nnifisha ftit ingħatat attenzjoni. Kulħadd serraħ rasu li l-Inglizi kienu se jikkuntentaw bi gvern ta’ koalizzjoni. Allura t-tmexxija politika tagħhom se tqarreb lejn dik segwita fil-kontinent Ewropew. Wara li ġara l-maqlub, is-sentiment ta’ xokk mexa fuq zewġ binarji.
Min-naħa tas-soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew qamu mistoqsijiet li ilhom jinkwetaw il-grupp: dwar ir-rwol politiku tas-soċjalizmu demokratiku u x’jista’ jkun il-futur tiegħu. Fuq linja aktar wiesgħa, kulħadd kellu jaċċetta li issa t-talba tal-Ingilterra biex tirrinegozja l-pozizzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea ħadet rankatura li ma tistax titwaqqaf.
Minnufih qamet spekulazzjoni ġdida dwar x’jista’ jsir. Il-mexxej tal-grupp tal-popolari fil-Parlament Ewropew Weber semma l-possibbiltà ta’ ri-negozjar wiesgħa tat-trattati li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea. Dan biex iwassal għall-ħolqien ta’ zewġ tipi ta’ membri: grupp tal-qalba li jaċċetta r-regolamenti dwar l-aspetti kollha tal-Unjoni inkluzi dawk taz-zona tal-ewro; u grupp ieħor li jaċċetta u jmexxi mizuri aktar dejqa, waqt li jkollu l-istatus ta’ grupp assoċjat ma’ dawk tal-qalba. Il-proposti ta’ Weber komplew iħawdu l-borma.

LEJN REFERENDUM

Sadattant jidher li l-gvern konservattiv ġdid Ingliz ta’ Cameron iddeċieda li jħarrek il-pass ta’ kif se jittratta mal-Unjoni u anki li jekk possibbli iġib ’il quddiem id-data tar-referendum. Sakemm in-negozjati jibdew u sakemm ikunu għaddejja mistennija li tizdied ċerta instabbiltà politika fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-biża’ hu li tista’ taffettwa oqsma wiesgħa fit-tmexxija tagħha, anki fejn ir-Renju Unit jidher li m’għandu l-ebda sehem – bħal fl-izvilupp taz-zona tal-ewro.

IL-GREĊJA

Sadattant ukoll, baqgħet ittektek il-problema tal-Greċja. Min-naħa, il-gvern Grieg baqa’ jinsisti li għalkemm lest idaħħal ir-riformi, mhux lest jikser ċerti wegħdi soċjali li għamel fil-kampanja elettorali Griega. Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Fond Monetarju Internazzjonali l-istennija kienet li b’mod tassattiv il-Greċja tikkommetti ruħha li se twettaq mizuri li jkomplu mal-bidliet li kien aċċetta li jwettaq l-gvern ta’ qabel is-Siriza. Jekk le, il-fondi li kellu bzonn il-gvern Grieg biex ikompli jiffunzjona ma kinux se jinħarġu. U ma nħarġux.
Zdiedu r-rapporti dwar kif il-Griegi kienu se jispiċċaw bla flus biex iħallsu lill-Fond Monetarju Internazzjonali tal-imgħax li kienu dovuti lill-Fond ta’ self li ħarġilhom fis-snin li għaddew. B’xi mod il-flus instabu imma daqt se jkun hemm bzonnijiet oħra. Mill-Ġermanja, l-midja rrapportaw kif il-gvern Grieg kien appik li jfalli.
Meta ltaqa’ l-grupp tal-ewro – magħmul mill-ministri tal-finanzi taz-zona – dawn raw kif iferrgħu l-balzmu. Stqarrew li kien qed isir progress fin-negozjati mal-Greċja u li l-klima bejniethom kienet inbidlet waqt l-aħħar diskussjonijiet li saru. Minn wara l-kwinti madankollu, baqa’ jintqal li l-pożizzjonijiet taz-zewġ naħat kienu mbiegħda sew. L-insistenza tal-gvern Grieg biex jerġa’ jdaħħal mal-gvern numru sostanzjali ta’ ħaddiema li kienu tkeċċew u li ma jridx jinnegozja dwar bidla fl-istrutturi tal-pensjonijiet Griegi se jibqgħu joħolqu diffikultajiet kbar. Il-falliment tal-Greċja għadu xi ħaġa li tista’ sseħħ f’qasir zmien.

KWOTI TA’ IMMIGRANTI?

Il-Kummissjoni Ewropea wegħdet li se tħejji rapport tagħha bi proposti dwar kif għandha tiġi ffaċċjata l-kriżi tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Iċċirkolaw xnigħat minn qabel dwar kif il-proposti se jkunu radikali. Fil-fatt fosthom hemm proposta biex l-Unjoni Ewropea tqassam bejn il-membri tagħha r-refuġjati li diġà daħlu. Dat-tqassim isir bi kwoti kkalkulati skont il-kobor tal-pajjiż, kemm hu ekonomikament qawwi u d-daqs tal-popolazzjoni tiegħu, fost fatturi oħra.
Il-pjan tal-Kummissjoni jirrapreżenta pass kbir ‘il quddiem, imqabbel mal-proposti — jew in-nuqqas tagħhom — li kienu jsiru qabel. L-istennija kienet li l-pjan se jsib reżistenza fost l-istati membri li ilhom jirrifjutaw li jaċċettaw arranġament li bih il-piżijiet tal-immigrazzjoni jitqassmu b’xi mod fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Biex tasal għal dan il-pass, il-Kummissjoni qed tistrieħ fuq artiklu tat-trattati tal-Unjoni li rari ntuża qabel b’dal-mod. Jipperemettilha quddiem “kriżi” li tagħmel il-proposti tagħha u tinsisti li jitwettqu.

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Dak li jissejjaħ is-“semestru” Ewropew issa wasal fl-istadju fejn il-Kummissjoni Ewropea toħroġ ir-rakkkomandazzjonijiet tagħha lill-gvernijiet dwar kif għandhom imexxu l-ekonomiji tagħhhom. Is-semestru hu numru ta’ xhur — minn tmiem il-ħarifa sal-bidu tas-sajf ta’ wara — li matulhom jinġabru u jiġu ppubblikati r-rizultati ekonomiċi ta’ kull pajjiż, issir diskussjoni dwarhom fil-Parlament Ewropew, fil-Kummissjoni u fil-Kunsill Ewropej — u jsir tbassir dwar il-futur tal-istess ekonomiji. Imbagħad il-Kummissjoni tippubblika r-rakkomandazzjonijiet tagħha — qabel il-Kunsill jiddeċiedi dwarhom. Ninsabu f’dal-punt.
Għalkemm jissejħu “rakkomandazzjonijiet” l-istati membri huma mistennija li iħaddmuhom bla tnikkir. Ftit jagħmlu hekk. Xi sena ilu, kien stmat li anqas minn 15 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet twettqu. Qed jintqal li diċ-ċifra tjiebet fl-aħħar sena għal kważi n-nofs.
Il-problema hi li r-rakkomandazzjonjiet tal-Kummisjoni Ewropea — is-CSRs, kif jissejħu fil-lingwaġġ burokratiku tal-Unjoni Ewropea — huma milqugħa bi bruda mill-gvernijiet, b’indifferenza mill-parlamentari nazzjonali u b’nuqqas ta’ impenn mill-amministrazzjonijiet publiċi tal-istati differenti. Ħadd minnhom ma jogħġbu dak li jqis bħala l-indħil ta’ Bruxelles fl-affarijiet nazzjonali.
Problema oħra marbuta ma’ dan kollu titqanqal minn mistoqsija li għaliha m’hemmx tweġiba: ir-rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet dwar kif jidderieġu l-ekonomija ta’ pajjiżhom qed jintgħamlu fl-interess ta’ min? Tal-pajjiż konċernat? Jew taż-żona tal-ewro kollha kemm hi?

Facebook Comments

Post a comment