Fl-aħħar ġimgħat smajna ħafna dwar il-kampanja Maltija. Kemm dawk ta’ favur u dawk ta’ kontra l-kaċċa qablu dwar il-ħtieġa li ngħożżu u nħarsu l-kampanja.

Il-problema hi li minkejja dan il-kunsens, fil-prattika ma jiġix rispettat la mill-membri ta’ naħa u lanqas tal-oħra. Għax jekk hemm xi ħaġa li għakkset il-kampanja, din hi l-bini li baqa’ tiela’ biex jieħu post l-għelieqi. Meta tiġi biex tibni jew tkabbar binja int, ikollok liema delizzju jkollok, malajr tinsa l-ħtieġa li nħarsu s-sbuħija naturali tal-gżejjer tagħna.

Effettivament, l-aqwa lmenti kontra aktar bini ġdid fil-kampanja Maltija jagħmluhom dawk li snin ilu, irnexxielhom itellgħu l-binja tagħhom f’oqsma ta’ kampanja verġni jew b’dehriet spettakolari. Illum xejn ma jridu li ż-żona fejn laħqu bnew tispiċċa mdawra bil-bjut ta’ min jiġi jibni warajhom.

***

Sindromu

Hemm numru ta’ mard li għadu bla tifsira, wisq anqas kura. Ta’ spiss mard hekk lanqas jissejjaħ mard imma ”sindromu” – ġabra ta’ problemi fiżiċi li jdgħajfu s-sistemi li bihom ġisimna jiffunzjona. Joħolqu diffikultajiet kbar għal min ibati minnhom.

Iltqajt ma’ każ hekk din il-ġimgħa, ta’ persuna li jaqbadha wġigħ kbir fil-għadam hekk li ma tistax tkompli taħdem jew tgħix bil-kwiet. Ma’ dan jiġu sintomi oħra bħal għeja kronika u disturbi ta’ nervi. Dan is-sindromu partikolari jismu fibromyalgia. Bih, il-ħajja stess tieħu lanja daqqa ta’ dwejjaq, daqqa ta’ biża’; dwejjaq meta l-uġigħ jagħmel tiegħu; biża’ meta jbatti waqt li tistennieh jerġa’ jfiġġ.

Barra mid-diffikultajiet dwar kif jista’ jsib mistrieħ mill-konsegwenzi tas-sindromu, il-pazjent ikun irid jaffaċċja konsegwenzi ekonomiċi għax jispiċċa qiegħed.

Peress li fortunatament is-sindromu jaffettwa numru żgħir ta’ nies, sfortunatament il-kuxjenza dwar il-problemi diffiċli li joħloq mhijiex qawwija biżżejjed. Jeħtieġ li jikber l-għarfien dwar kundizzjonijiet mediċi ta’ dat-tip.

***

Clinton

L-aħbar li Hilary Clinton se toħroġ kandidat għall-presidenza Amerikana kienet ilha mistennija. Hi għandha l-vantaġġ li isimha diġà hu magħruf sew. Ftit jistgħu jinnegaw il-ħila tagħha. Il-karriera u l-fehmiet tagħha jorbtu mal-valuri essenzjali tal-Partit Demokratiku Amerikan, fejn dejjem inżamm rikonoxximent li l-bżonnijiet tal-ħaddiema u taż-żgħar għandhom jingħataw attenzjoni. Hemm bżonn min jibqa’ jasserixxi dawn il-valuri f’pajjiż fejn l-interessi tal-kapital u tas-sinjuruni ħafna drabi jitpoġġew fuq quddiem nett, f’isem il-prijorità li għandha tingħata lill-inizjattiva privata.

Punt kurjuż fin-nomina ta’ Clinton se jkun li fi żmien meta t-tmexxija politika ta’ ħafna pajjiżi donnha daret lejn iż-żgħażagħ, hi se tkun kandidata anzjana sew. Wara kollox, anke Ronald Reagan hekk kien, imma tletin sena ilu.

Facebook Comments

Post a comment