Ir-rata tal-kambju tal-ewro fis-swieq internazzjonali tal-muniti hi baxxa bħalma kważi qatt ma kienet qabel. B’xorti tajba, dan ġie fl-istess żmien li l-prezz taż-żejt niżel bil-kbir: allura minkejja li l-valur tal-ewro hu baxx, il-fjuwil fl-Ewropa ma kellux għalfejn iżid fil-prezz, diġà baxx, tiegħu.

Parti mill-kawża għall-”waqgħa” tal-ewro hi l-programm ta’ ”quantitative easing” li qed imexxi l-Bank Ċentrali Ewropew. Qed jixtri mis-swieq finanzjarji mas-sittin biljun ewro fix-xahar ta’ ċedoli ta’ self tal-gvernijiet membri taż-żona ewro. Dan wassal biex żdied bil-kbir il-volum ta’ ewros li qed jiġru ”fl-idejn”. B’hekk hu mistenni li impriżi żgħar u kbar jinvestu aktar u jimpjegaw aktar nies.

Għax l-ewro raħas daqstant, prodotti maħduma fiż-żona ewro u esportati barra minnha suppost li jiġu irħas għal min se jixtrihom u għalhekk il-bejgħ tagħhom jiżdied. Dan għandu jwassal għas-sostenn u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa.

Mhux ta’ b’xejn li l-prospetti ekonomiċi Ewropej dan l-aħħar qed jidhru aktar imbissma minn ftit ilu.

***

Bniet

L-istorja orribbli tal-mitejn tfajla jew aktar maħtufa mill-għaqda fundamentalista tal-Boko Ħaram fin-Niġerja ilha aktar minn sena għaddejja. Hi waħda mill-atroċitajiet li qed jitwettqu aktar spiss fl-aħħar żmien. Donnu m’hemm l-ebda mod fattibbli kif il-komunità internazzjonali tista’ tingħaqad biex tieħu miżuri li jippruvaw jilqgħu għal ħidmiet inaċċettabbli bħal dawn.

Ħaġa hekk tkun tirrikjedi l-ħolqien ta’ forza militari transkontinentali bil-qawwa li tintervjeni b’mod effettiv. La jeżisti l-qafas legali u lanqas l-infrastruttura militari biex titwettaq soluzzjoni bħal din, li fil-qagħda attwali tinħass biss bħala eżerċizzju ta’ fantaxjenza.

Sadattant atroċitajiet li bl-ebda mod ma jistgħu jiġu ġustifikati se jibqgħu jitwettqu b’żebliħ tal-prinċipji li suppost huma komuni għal kulħadd, dwar x’jagħmel l-umanità dak li hi.

***

Tmexxija elettorali

Dejjem kont nistagħġeb kif it-tmexxija teknika tal-elezzjonjijiet f’Malta baqgħet daqshekk primittiva: komplikata, tieħu wisq żmien, toħloq wisq tensjoni żejda. Bl-użu tat-teknoloġija moderna – jidhirli – stajna ilu ħafna ssimplifikajna l-proċess.

Ħabib tiegħi tani raġuni stramba għaliex dan baqa’ ma sarx. Hu wieħed minn dawk li jkunu fis-swali fejn jingħaddu l-voti. Skont hu, l-atmosfera li tiżviluppa hemm matul is-sigħat tal-għadd tal-voti hi waħda mill-aktar perjodi eċċitanti tal-ħajja pubblika. Tiġbor matulha nies li jiltaqgħu minn elezzjoni għal oħra, li jsiru ħbieb u li l-eċċitament li jgħaddu minnu flimkien ma jibdluh ma’ xejn.

Ma rridx nemmen li din hi raġuni ewlenija għaliex il-proċess elettorali baqa’ daqstant lura: imma fil-fatt iltqajt ma’ wħud minn dawk li jsegwuh mill-qrib li jargumentaw kif mhux possibbli li tissimplifikah!

Facebook Comments

Post a comment