​​Fis-sena u tliet xhur li għaddew mill-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew u fil-kważi sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Ewropea taħt Jean Claude Juncker, issaħħu u ħarġu aktar fiċ-ċar l-isfidi quddiem l-Unjoni Ewropea. Ma seħħet l-ebda sorpriża, ma tqanqlet l-ebda sfida ġdida. L-isfidi kienu diġà magħrufa sew; matul ix-xhur li għaddew saru sforzi biex jiġu trattati b’urġenza akbar. Mhix ħaġa ċara li dan sar b’xi suċċess. Talanqas imma qam għarfien akbar li jekk mhux se jinstabu soluzzjonijiet sodi, l-Unjoni Ewropea se jkollha tilqa’ għal żviluppi perikolużi li jheddu l-pedamenti li fuqhom hi mibnija.
​​Xieraq f’li ġej, li nagħtuhom ħarsa.

TKABBIR EKONOMIKU

​​L-aqwa sfida tibqa’ dik tat-tkabbir ekonomiku. Jingħad x’jingħad dwar il-kisbiet tal-għaqda Ewropea, l-akbar vantaġġ li ġabet l-Unjoni Ewropea kienet li għal snin twal dehret li fi ħdanha, l-ekonomiji nazzjonali kienu ħadu r-ruħ, baqgħu jikbru u pprovdew xogħol u profitti għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. F’din il-klima ta’ prosperità, kienet saret ħaġa aktar faċli li politikament tappella għal għaqda akbar bil-mira li l-impjiegi u n-negozji jkomplu jitkattru.
​​Issa sa minn qabel il-kriżi finanzjajrja tas-sena 2008, ir-rati ta’ tkabbir tal-ekonomiji Ewropej kienu bdew imajnaw. Ma majnawx tant li ħolqu tħassib dwar il-futur imma n-nifs tat-tkabbir ekonomiku kien qed isir aktar iebes. Wara l-kriżi, l-ekonomiji daħlu f’perijodu li għadu ma ntemmx ta’ riċessjoni u staġnar. L-investimenti naqsu, il-qgħad kiber bil-qawwi. L-Ewropa tilfet il-lostru tagħha ta’ kontinent ifawwar bil-prosperità.
​​Biex tagħqad, is-soluzzjonijiet proposti ħalli l-Unjoni Ewropea toħroġ mill-problema kienu jinvolvu ħafna ssikkar taċ-ċinturin: fuq id-dħul tal-famiji u fuq servizzi soċjali. Imma xorta waħda, l-istaġnar ma nħallx. Politikament dan għen lil partiti politiċi li mil-lemin jew mix-xellug dejjem kienu kritiċi tal-proġett Ewropew biex jissaħħu fost l-elettorati nazzjonali. Jekk għal li ġej, l-istaġnar ma jingħelibx, l-istess partiti se jkomplu jżidu fil-popolarità tagħhom.
​​Sal-lum, l-argument twassal għall-punt li biex l-ekonomiji jirrankaw, barra mill-awsterità u t-tħejjija ta’ baġits tal-gvernijiet li jkunu bla defiċit, hemm bżonn li jitmexxa sforz ġdid favur aktar investimenti. Il-pjan tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker biex jitwaqqaf fond kbir għall-investiment hu maħsub appuntu biex iwieżen inizjattivi ġodda. Għadha miftuħa l-mistoqsija dwar jekk il-fond Juncker hux se jkun għodda effettiva biex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż tal-istaġnar ekonomiku Ewropew.

ĦARSIEN TAŻ-ŻONA EWRO

​​Il-kriżi Griega reġgħet poġġiet fuq ’il quddiem tal-aġenda l-kwistjoni dwar kif it-tmexxija taż-żona ewro titsta’ tittejjeb. Fis-sew, din il-kwistjoni qatt ma kienet inħallet. Kulħadd kien jaf li baqgħet priorità għall-pajjiżi li jużaw l-ewro bħala munita għax kollha jagħrfu li l-mod kif iż-żona ewro hi mibnija xejn mhu samm. Hemm bżonn li jissaħħu l-metodi li bihom iż-żona tal-ewro titmexxa. Dan jista’ jiġri l-aktar billi tidħol aktar għaqda ekonomika bejn il-pajjiżi membri. Madankollu, ftit hemm ħeġġa biex dil-ħaġa tiġri għax il-gvernijiet ma jridux iċedu aktar mill-poteri sovrani tagħhom.
​​Jista’ jiġri li bħas-soltu Franza u l-Ġermanja jiftehmu bejniethom l-ewwel, u mbagħad iwasslu lill-oħrajn biex isegwuhom. Filfatt diġà fl-aħħar ġimgħat saru kuntatti estensivi bejn uffiċjali Franċiżi u Ġermaniżi fuq is-suġġett tal-governanza tal-ewro. Biss, wara l-kriżi Griega, mhux ċar din id-darba kemm il-membri l-oħra tal-ewro se jkunu lesti jbaxxu rashom quddiem il-linja Franko-Ġermaniża

IMMIGRAZZJONI

​​Sadattant waqt li l-ekonomija Ewropea baqgħet staġnata, xorta baqgħet tiġbed bil-kbir lejha lil għexieren ta’ eluf ta’ immigranti, bejn nies li qed ifittxu ażil politiku mill-gwerer tal-Lavant Nofshani, bejn Afrikani li qed ifittxu x-xogħol fl-Ewropa. It-tensjonijiet dwar l-immigrazzjoni baqgħu jiżdiedu kemm dwar fejn se jispiċċaw dawn l-immigranti, u kemm għax daċ-ċaqliq ta’ persuni qed iqajjem reazzjoni politika qawwija fost l-elettorati. Sadattant ukoll, qed jiżdiedu l-ispejjeż biex il-pajjiżi Ewropej ikunu jistgħu jilqgħu għall-mewġ ta’ immigrazzjoni riesqa, fuq bażi umanitarja u fuq bażi ta’ sigurtà.
​​B’xorti ħażina, ma teżisti l-ebda soluzzjoni faċli għal din il-problema. Se tkompli tikber. L-Ewropej jinsabu maqbuda bejn ir-retorika ta’ appoġġ umanitarju għall-immigranti resqin bil-gzuz lejn l-Ewropa, u r-realtà li l-gvernijiet nazzjonali u l-popli mhumiex lesti jġorru l-piżijiet finanzjarji u soċjali li dan l-influss ta’ nies iġib miegħu. L-istorja se tkompli.

RELAZZJONIJIET MAR-RUSSJA

​​Li l-Unjoni Ewropea tkun f’sitwazzjoni ta’ konfront dejjiemi mar-Russja mhu fl-interess ta’ ħadd. Lanqas jagħmel sens ġeo-strateġiku għax ir-Russja tifforma parti mill-Ewropa. Minkejja dan, fl-aħħar żminijiet, iż-żewġ naħat spiċċaw iberrqu lejn xulxin, b’dannu lit-tnejn. Hu fl-interess tal-Ewropa u tar-Russja li dan it-tilwim – primarjament dwar l-Ukrajna imma hemm kawżi oħra – ma jitħalliex jibqa’ għaddej u li jinstab mod raġonevoli kif ir-relazzjonijiet UE – Russja jitpoġġew fuq boxxla li tkun adatta u ta’ ġid għall-interessi differenti tagħhom.

IR-RENJU UNIT

​​U fl-aħħar, l-Unjoni Ewropea se jkollha wkoll taffaċċja l-isfida politika ssettjata mir-Renju Unit. Dan se jara kif jinnegozja kondizzjonijiet differenti għas-sħubija tiegħu fl-Unjoni u fuq il-bażi ta’ x’jiddobba, ipoġġi quddiem il-poplu Ingliż f’referendum il-mistoqsija jekk jixtieqx jibqa’ membru tal-Unjoni jew le. Id-diffikoltà fil-biċċa hi li l-istess proċess ta’ negozjati mar-Renju Unit jista’ jiftaħ kwistjonijiet li jaffettwaw lill-pajjiżi l-oħra membri. Ħafna arranġamenti ta’ sħubija ta’ pajjiżi differenti jkunu saru fuq kondizzjonijiet li jkunu partikolari għalihom. Bidla fiċ-ċirkostanzi tas-sħubija Brittanika, jista’ jkollha impatt fuq il-ftehimiet tagħhom.
​​Minn naħa, kulħadd irid li r-Renju Unit jibqa’ membru u kulħadd ukoll ma jridx li dan isir akkost ta’ kollox.
​​Fejn u kif se tinġibed il-linja?

***

​​L-isfidi quddiem l-Ewropa huma kbar ħafna. Hi ħaġa dubjuża kemm qed jintlaqgħu tajjeb. Hu fl-interess ta’ kulħadd li l-Ewropa ma togħtorx quddiemhom. Biss kieku l-Unjoni Ewropea jirnexxielha ssolvi l-problema ta’ kif se terġa’ ttellaq bil-kbir ir-ritmu ekonomiku tagħha, ħafna mill-urġenza tal-isfidi quddiemha tittaffa.

Facebook Comments

Post a comment