Kieku l-ekonomija Ewropea ħadet rankatura qawwija fl-aħħar snin, kieku ħafna mid-dilemmi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea bħalissa kienu jkunu wisq anqas akuti. Imma l-verità hi li bħala blokk ekonomiku, l-Unjoni rkuprat tard mill-kriżi tal-2008. It-titjib li seħħ kien dgħajjef imqabbel ngħidu aħna ma’ tal-Istati Uniti. Dan ma jfissirx li uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni, bħall-Ġermanja, ma għamlux passi kbar ’il quddiem. Biss meta tqis kollox ma’ kollox, il-piż ta’ pajjiżi bħall-Italja, Franza u sa ftit taż-żmien ilu Spanja, żamm lura l-ġirja tal-mutur ekonomiku Ewropew.
Sal-lum, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku, imqabbla mal-aqwa snin tal-Ewropa hi dgħajfa; u fil-fatt aktar dgħajfa fiż-żona tal-ewro milli għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Ir-rata tal-qgħad baqgħet għolja minkejja li tista’ tgħid l-ebda pajjiż Ewropew – ħlief il-Greċja u Ċipru – m’għadu mitqies li jinsab f’riċessjoni. Il-volum ta’ investimenti hu mitqies bħala xejn sodisfaċenti.
Min-naħa l-oħra, tant trażżan l-għoli tal-prezzijiet li bil-maqlub ta’ qabel, il-mira tad-diriġenti ekonomiċi sar dak li jħajru l-inflazzjoni. Għax jekk il-prezzijiet jibqgħu ċassi żżejjed u ma jogħlewx, hu aktar diffiċli biex l-investimenti jitkattru.
Sa ftit ilu, l-fehma ġenerali kienet li jekk il-gvernijiet jirnexxielhom iġibu l-baġits tagħhom taħt kontroll u jibbilanċjaw in-nefqa mad-dħul li jkollhom, tidħol malajr klima ta’ fiduċja u s-settur privat jitlaq mill-ġdid biex jinvesti u joħloq l-impjiegi. Mir-riżultati miksuba fid-diversi pajjiżi, diffiċli tgħid li din ir-riċetta rnexxiet. Fl-istess ħin, bl-esperjenza lil hemm u lil hawn, fuq kollox fil-Ġermanja u dan l-aħħar fi Spanja, lanqas tista’ tgħid li r-riċetta ġiet skreditata.

MINN PAJJIŻ GĦALL-IEĦOR

Fi Spanja il-gvern lemini tal-Prim Ministru Rajoy ippersista filli b’politika ta’ issikkar taċ-ċinturin, żamm il-banek li kienu qed jegħrqu fil-wiċċ u naqqas ħafna mid-defiċit li kien qed iġorr il-budget tal-gvern. Illum jidher li l-ekonomija Spanjola qed tirranka u l-impjiegi reġgħu bdew jiżdiedu. Dan ma jfissirx li m’għadx hemm dwejjaq soċjali kbar fil-pajjiż. Filfatt, hu mistenni li wara li jsiru l-elezzjonijiet ġenerali, l-ebda partit mhu se jkun kapaċi jmexxi bla ma jidħol f’koalizzjoni.
L-istess ħaġa tista’ tingħad għall-Irlanda. Ftit tas-snin ilu, l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż kienu qed jikkollassaw. Dan ġie evitat bi pjan ta’ salvataġġ finanzjarju mill-pajjiżi taż-żona ewro li ssarraf fi tbatijiet soċjali kbar għall-poplu. Illum il-finanzi tal-pajjiż reġgħu f’tagħhom u l-ekonomija qed tikber b’rata tajba għal tajba ħafna. Imma l-qgħad baqa’ għoli.
Sadattant, Franza u l-Italja għadhom jinħassu bħala ekonomikament marradija. L-isforzi tal-gvern Franċiż biex jimmodera d-defiċit tiegħu mhux qed jirnexxu u l-ekonomija Franċiża, meta ma tkunx f’riċessjoni, tibqa’ staġnata. Fl-Italja, minkejja l-isforzi kbar li telaq bihom il-gvern ta’ Matteo Renzi, it-tkabbir ekonomiku mixtieq, ittardja. Qed iqumu problemi fit-twettiq ta’ miżuri maħsuba biex jikkontrollaw l-ispiża publika waqt li s-settur privat qed isibha bi tqila jwettaq l-investimenti mistennija minnu.
B’kuntrast ma’ dan, hemm l-esperjenza tar-Renju Unit. Dan baqa’ barra miż-żona ewro u sa ftit ilu kien immexxi minn koalizzjoni lemin-ċentru. Issa għandu gvern lemini, konservattiv. L-ekonomija Ingliża fl-aħħar snin bdiet tikber b’rata sostanzjali u ħolqot impjiegi ġodda. Il-gvern wettaq miżuri ta’ awsterità li ma rnexxewx, fis-sens li l-ħofra finanzjarja minflok naqset, kompliet tiżdied. Id-defiċit Ingliż bħala persentaġġ tal-ekonomija kollha kemm hi, bħalissa jinsab fost l-ogħla fl-Ewropa. Il-gvern ta’ David Cameron qed jisħaq li se jagħmel minn kollox biex jikkoreġi dil-problema imma żgur li ma jridx li b’hekk iżarma t-tkabbir ekonomiku li ġie sostnut fl-imgħoddi riċenti.

SERVIZZI U TAMIET

Lil hinn mill-esperjenzi tal-pajjiżi differenti hemm problemi li donnhom ħadu xejra li tiddistingwi lill-Ewropa mill-bqija. Fuq quddiem nett, l-ekonomija Ewropea nbidlet bil-kbir fl-aħħar deċennji biex saret tiddependi ħafna mis-servizzi. Jista’ jkun li b’hekk, naqqset sew il-varjetà ta’ attivitajiet produttivi li ekonomija tista’ tistrieħ fuqhom. Waqt li ċerti linji industrijali bil-mod il-mod għebu, ma daħlux minflokhom biżżejjed attivitajiet industrijali ġodda ħalli jikkumpensaw għat-telfa tagħhom.
Barra minn hekk, l-Ewropa saret dipendenti aktar minn qabel fuq materja prima u anki prodotti industrijali nofshom maħduma, li timporta minn barra. Dan irendiha aktar vulnerabbli għal skarsezzi, ċaqliq fil-prezzijiet u inċertezzi oħra. Xejn ma juri dan aħjar mill-isfida li qed taffaċċja l-Ewropa fl-użu tal-enerġija. L-abbandun tal-faħam bħala sors ta’ enerġija twettaq għal raġunijiet ekonomiċi u ambjentali. L-użu tal-enerġija nukleari tnaqqas bil-kbir għal raġunijiet ta’ sigurtà. Fil-qasam tal-enerġija, l-inċertezzi għall-Ewropa kibru mhux naqsu.
Is-sinjal qisu qed jingħata li fil-qafas tal-globalizzazzjoni, ekonomikament l-Ewropa qed taqa’ lura. Mhux jirnexxielha tkampa. It-tama hi li b’aktar investimenti, barra milli jinħoloq ix-xogħol, dil-ħaġa tingħeleb. Id-diriġenti Ewropej jirrikonoxxu li jekk il-kontinent tagħhom mhux se jlaħħaq mal-isfidi tal-globalizzazzjoni, ma jistax jirkupra.
Minn hawn allura li qed tiżviluppa strateġija li fost oħrajn, tistrieħ fuq żewġ pilastri: l-ewwel, it-twettiq ta’ politika komuni fl-enerġija, li tipprovdi għal sorsi ta’ enerġija (gass, żejt) siguri bi prezz kompetittiv; u t-tieni konċentrament qawwi fuq it-teknoloġiji diġitali (tal-kompjuter) fl-użi kollha tagħhom. Hu mitqies li la l-pajjiżi Ewropej jistrieħu daqstant fuq is-servizzi, it-teknoloġiji diġitali għandhom iservu ta’ għodda qawwija u naturali għal żvilupp ekonomiku aktar sod.
Fix-xhur li ġejjin, se nkunu qd nisimgħu ħafna aktar dwar investimenti, enerġija u x-xjenzi tal-kompjuter, hekk kif l-Ewropa tara kif se ssaħħaħ il-magna ekonomika tagħha ħalli ma tibqax taqa’ lura.

Facebook Comments

Post a comment