Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa pozizzjoni għaqlija fir-rigward tar-referendum ta’ April li se jsir dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Ir-referendum ma ntalabx mill-partiti politiċi imma minn gruppi ta’ pressjoni fis-soċjetà ċivili. Jekk fhimt tajjeb, il-gvern se jibqa’ newtrali u l-istess il-Partit Laburista. Sadattant kulħadd fil-gvern u l-partit se jkun jista’ jieħu privatament u publikament il-pożizzjoni tiegħu. Kif għamel l-istess Prim Ministru li se jżomm konsistenti mal-fehmiet li fisser fl-imgħoddi u se jivvota favur li l-liġijiet jibqgħu kif inhuma.
Jien ma narax ir-referenda bħala xi ħaġa tajba (sakemm ma jkunx hemm forsi regolamenti stretti dwar kif jitmexxew u dwar kif jitwettqu d-deċizjonijiet meħuda). Imma la r-referendum abrogattiv jinsab fil-liġijiet ta’ Malta b’mod tassattiv, it-talba li saret għal wieħed trid tiġi rispettata.
Personalment, apparti mill-fehma tiegħi dwar ir-referenda, ma naqbilx mal-proposta li qed issir. Qed tipprova timmobilizza maġġoranza kontra d-drawwiet/drittijiet tradizzjonali (għidilhom li trid) ta’ minoranza. L-abbużi li jwettqu uħud fost din il-minoranza jridu jiġu mrażżna għal kollox; imma li ċċaħħad lill-membri kollha tal-minoranza mill-passatemp tagħhom ma narahiex proposta raġonevoli.

***

PRESIDENZA TALJANA

Ftit sar progress fl-affarijiet Ewropej fl-aħħar sitt xhur tul il-Presidenza Taljana tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Taljan ġie jirrapporta dwarha fil-Parlament Ewropew.
Ma tantx tista’ tlum lill-Italja li l-affarijiet iċċassaw: kien hemm bidla sħiħa fil-Kummissjoni Ewropea li ħadet ix-xhur. Matulha r-rankatura tad-deċizjonijiet eżekuttivi bilfors tqalet.
Bħas-soltu, Matteo Renzi telaq għal diskors “politiku” fejn spikkat retorika “sabiħa” dwar l-Ewropa u l-valuri tagħha. Għenet f’dan, it-trawma li għadha qed tinħass dwar l-attakki terroristiċi f’Pariġi. U Renzi għandu sens tajjeb tar-retorika. Ħafna ma ndunawx li r-rapport tiegħu ftit kellu kontenut konkret.

***

WOLINSKI

Ili nsegwi lill-karikaturist Georges Wolinski mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor. Id-disinnji tiegħu, dejjem punġenti, kienu diġà f’dawk is-snin jikkristallizzaw id-dwejjaq taż-żgħażagħ (u nies akbar fl-età wara kollox) xellugin bil-mod kif kienet żviluppat Franza taħt it-tmexxija ta’ de Gaulle u wara, taħt presidenti oħra tal-lemin. Kemm fit-tpinġijiet tiegħu u kemm fil-kliem li jmorru magħhom, Wolinski kellu ħabta jagħtik kumment li jqanqal mill-qiegħ.
Matul is-snin, bqajt niftakar l-aktar, sensiela ta’ karikaturi tiegħu li kienet issammar l-attitudni “progressiva” kontra l-istaġnar politiku u kulturali. Kollha kellhom is-slogan li kien jgħid: Je ne veux pas mourir idiot: Jien ma rridx immut ta’ idjota.
Wolinski kien wieħed mill-karikaturisti li nqatlu fl-attakk fuq Charlie-Hebdo. Il-messaġġ tiegħu, li bqajt niftakar, donna dewa mill-ġdid malli smajt l-aħbar ta’ mewtu b’forza li qatt ma ħassejt qabel bl-istess mod.

Alfred Sant
15 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment