Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew imlaqqa’ fi Strasburgu kienet immarkata minn tliet ġrajjiet interessanti — il-wasla ta’ Papa Franġisku għal żjara ta’ erba’ sigħat fil-belt; it-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker ta’ pjan ġdid ta’ investiment fl-Unjoni Ewropea biex iqajjem l-ekonomiji tal-pajjiżi membri li jinsabu staġnati; u l-għoti tal-premju Sakharov lit-tabib Denis Mukwege.
B’sorpriża għalija, kienet din l-aħħar okkażjoni li l-aktar impressjonatni.

***

IZ-ZJARA TAL-PAPA

Iz-zjara tal-Papa Franġisku fil-Parlament Ewtropew kienet ilha mistennija. Ġiet ftit aktar minn ħamsa u għoxrin sena wara z-zjara tal-predeċessur tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II li kien ħalla impressjoni qawwija. Il-karizma tal-Papa Arġentin tal-lum qed jirnexxielha tikkompeti f’moħħ l-Ewropej ma’ dik tal-Papa Pollakk.
Fl-introduzzjoni tiegħu, qabel tkellem il-Papa, il-President tal-Parlament Martin Schulz semma kif kien hemm stennija fost l-Ewropej biex jisimgħu il-parir tal-Papa dwar l-għazliet morali quddiemhom. Filfatt fid-diskors li għamel, Franġisku tkellem dwar il-valur essenzjali tal-Ewropa li jemfasiżża rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-bniedem. Biss Franġisku rabat dan il-valur mhux mal-bniedem bħala individwu, imma wkoll mal-bniedem bħala membru ta’ soċjetà. Dan iġib miegħu drittijiet u obbligi soċjali fil-mod kif inqisu li għandna nirrispettaw lill-bniedem.
Hu għamel emfazi fuq il-ħtieġa li l-politika Ewropea tkun imfassla biex tilqa’ għall-ħteġiet tan-nies. F’ħafna kazi tinħass qisha xi ħaġa maħduma minn uffiċjali tekniċi li jifhmu biss fit-teknika. Semma kif saffi sħaħ tas-soċjetà – anzjani, nies qgħeda, immigranti – qed jispiċċaw zvantaġġjati b’mod permanenti waqt li t-tmexxija politika qed tiġi ssettjata fuq miri li l-biċċa l-kbira mill-poplu ma tifhimx.
Kollox ma’ kollox, min stenna diskors interessanti minn Franġisku ma ħariġx dizappuntat. Smajna appell għal tiġdid tal-ideali Ewropej marbuta mal-kunċett ta’ Ewropa soċjali; ideali li fl-aħħar snin ħabtu jintesew.

***
THATCHER U L-PAPA

Jien rajt il-punti li qajjem Franġisku bħala tweġiba għall-istqarrija famuża li darba kienet għamlet Mrs Thatcher fis-sens li s-soċjetà ma teżistix; jeżistu l-individwi. Il-valuri li jiggwidaw l-imġiba u d-deċiżjonijiet tagħna jridu jippernjaw fuq il-ħelsien li l-individwu għandu jgawdi biex jgħix ħajtu kif jixtieq.
Mentri Franġisku jsostni li l-bniedem bħala indivdiwu jgħix ma’ bnedmin oħra u l-mod kif jitqassmu l-affarijiet bejniethom jiddetermina l-ħelsien u d-dinjità ta’ kull individwu. Jekk il-kondizzjonijiet ta’ ġustizzja soċjali ma jkunux sostnuti, l-valur tal-libertà u tad-dinjità tal-bniedem jitlef saħħtu.
Bla problema ta’ xejn, jien wieħed minn dawk li jinsabu fin-naħa ta’ Franġisku. Ħafna mill-proġetti politiċi li nisimgħu għall-futur huma msejsa fuq strateġiji li jorbtu ma’ teknika ekonomika li tirrispondi l-aktar għall-ħteġiet tal-kumpaniji multinazzjonali l-kbar. Jagħmlu dan bil-għajta ta’ “suq ħieles”. Morna ‘l bogħod wisq f’din it-triq.

***

IL-PROPOSTA TA’ JUNCKER

Qabel għadda ż-żmien li ta biex iħejji pjan għal fond ta’ investimenti ġodda fl-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker resaq quddiem il-Parlament Ewropew bil-pjan li kien wiegħed. Fil-bidu, l-aspettattivi għal x’kien se joħroġ bih Juncker kienu enormi, speċjalment min-naħa tas-soċjalisti. Dawn qiesu l-pjan bħala mod kif tinkiser l-awsterità, jew l-issikkar taċ-ċinturin li sar element ewlieni fit-tmexxija baġitarja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin.
Is-soċjalisti appoġġjaw il-ħatra ta’ Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tal-wegħda li kien għamel li jvara dan il-pjan ta’ investiment li kellu jlaħħaq talanqas 300 biljun ewro. Is-soċjalisti nsistew ukoll li dawn kellhom ikunu flejjes ġodda.
Fil-pjan tiegħu Juncker offra li joħroġ 8 biljuni mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, marbuta f’garanzija ta’ 16 il-biljun mill-istess Unjoni Ewropea, u 5 biljuni ta’ ewro oħra maħruġa mill-Bank Ewropew tal-investiment. Fuq dawn il-21 biljun, skont Juncker, il-Bank tal-Investiment Ewropew seta’ joħroġ self ġdid ta’ 63 biljun ewro. Fuq din il-bażi, dejjem skont Juncker, il-Bank tal-Investiment Ewropew seta’ jqanqal investiment privat li jlaħħaq 252 biljun ewro, biex b’hekk jilħaq il-mira ta’ fond ta’ 300 miljun.
Juncker prattikament stieden lill-gvernijiet tal-pajjizi membri biex huma wkoll jagħtu sehemhom fil-fond. Meta jagħmlu hekk, ipproponilhom li l-ispiża żejda li se jitgħabbew biha, ma tidħolx fil-kontijiet li jsirulhom biex jaraw kemm hu d-defiċit li qed itellgħu fil-baġit.
Tibqa’ l-mistoqsija: liema gvernijiet se jitħajru jpoġġu flushom fil-fond ta’ Juncker? Hu qal li se jirsisti biex il-Kunsill Ewropew jiddiskuti l-proposta tal-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun fl-ewwel laqgħa tiegħu f’Diċembru li ġej.

***

DIŻAPPUNTANTI

Jekk irridu nkunu onesti, m’hemmx kelma oħra għall-pjan Juncker ħlief ta’ diżappuntanti. Il-mod kif minn 8 biljuni ta’ ewro li joħorġu mill-baġit tal-Unjoni, Juncker jasal għal ċifra ta’ aktar minn 300 biljun ewro għandha ftit mit-teknika tal-bużullotti. Hi ‘l bogħod sew mill-għajta tas-soċjalisti biex jinsabu fondi publiċi ġodda (“fresh”). Juncker laqa’ għal dan billi qal fid-diskors tiegħu lill-Parlament kif mhux fondi ġodda li huma meħtieġa, imma bidu ġdid (“fresh start”).
Fit-tweġiba li ta Gianni Pittella, l-mexxej tal-grupp soċjalista fil-Parlament, hu qal li l-importanti f’li qed jiġi propost hu li nbidlet ir-retorika politika. Il-Kummissjoni m’għadhiex titkellem biss dwar il-ħtieġa li tinżamm l-awsterità, imma wkoll il-ħtieġa li l-ekonomija Ewropea tingħata stimulu ġdid. Niddubita kemm f’medda tat-tul, dan l-argument jista’ jservi ta’ faraġ.

***

DENIS MUKWEGE

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament Ewropew formalment ta l-premju Sakharov lil Denis Mukwege. Ta’ min jispjega li l-premju Sakharov jingħata kull sena mill-Parlament b’rikonoxximent lejn min fid-dinja jkun ta xhieda ta’ impenn u ħarsien qawwi tad-drittijiet tal-bniedem. Il-premju ssemma għax-xjenzat Russu Sakharov li fi żmien l-Unjoni Sovjetika, kien ħa pożizzjoni qawwija favur id-drittijiet tal-bniedem, ħaġa li swietlu snin ta’ eżilju.
Denis Mukwege hu tabib mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-Afrika fejn għal snin twal ilha għaddejja gwerra ċivili ta’ barbarija bla qies. Fost l-atroċitajiet li twettqu, l-istupru tan-nisa sar mod regolari kif tmexxi l-gwerra. Mukwege organiżża ħidma bla waqfien biex jipprovdi għajnuna, servizzi mediċi u kenn lin-nisa vittmi u lit-trabi u tfal tagħhom. Fid-diskors li għamel fil-Parlament, Mukwege ddeskriva sitwazzjonijiet qliel fejn nisa u tfal ġew ittrattati bl-aktar mod inuman.
L-għoti tal-premju Sakharov lil Mukwege ta sinjal qawwi tal-impenn li għandu jkollha l-Unjoni Ewropea fl-Afrika Ċentrali fejn qed iseħħ taqlib kbir u vjolenti. Il-ġrajjiet tassew ħorox li baqgħu jseħħu hemm qed jikkontribwixxu għall-mewġa ta’ immigranti Afrikani li jkollhom jaħarbu minn pajjizhom.

***

KULUR

Bid-diskors tiegħu, Mukwege qanqal reazzjoni soda fil-Parlament. Id-dettalji tal-ħruxijiet li seħħew u qed iseħħu heżżu lil ħafna deputati. Aktar tqanqlu meta semgħuh jgħid li l-għoti tal-premju jista’ jservi ta’ kontrapiż biex min qed jissielet kontra l-atroċitajiet jikseb kuraġġ u saħħa akbar f’ħidmietu.
Bħala mistednin għall-okkażjoni, it-tabib Mukwege ġab miegħu grupp ta’ ċittadini Kongoliżi. Wara li rċieva l-premju, dawn qamu minn posthom u kantaw għanja kongoliża ta’ ħajr. Donnhom riedu jikkonfermaw l-istqarrija tat-tabib dwar kif il-premju se jsaħħaħ ir-rieda tagħhom biex jirreżistu għall-atroċitajiet. U taw kulur lil seduta ta’ Parlament fejn ħafna mil-laqgħat jagħtu fil-griż.

30 ta’ Novembru 2014

Facebook Comments

Post a comment