L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal li l-isfida preżenti tal-Ewropa hija li tirriforma l-mudell soċjali tagħha billi timmodernizza l-istrutturi tagħha u mhux iddgħajjifhom fl-isfond tal-bidliet soċjali u ekonomiċi li qed iseħħu. Dan l-isforz jaqbel li jkun ikkoordinat mill-pajjiżi individwali, li għandhom jiżguraw is-sehem tas-soċjeta’ ċivili u mhux b’mod ċentralizzat minn fuq għal isfel minn Brussell. L-Unjoni Ewropea ma taffordjax li tinfirex il-perċezzjoni li l-mudell soċjali tagħha se jkun żmantellat. Jekk tinfirex din il-perċezzjoni, ikun imhedded is-‘soft power’ tal-UE, il-poter li tgawdi l-UE, poter hekk imsejjaħ artab li ma jiddependix minn kemm għandek armi u suldati.

Dr. Sant kien qed jitkellem dwar il-futur tal-mudell soċjali Ewropa meta indirizza mijiet ta’ nies f’konferenza organizzata mill-S&D fil-Montekristo Estate. Dr. Sant qal li matul is-snin, il-UE irnexxielha tibni ‘soft power’ enormi. Dan seħħ għaliex ħafna nies sabu li l-mudell Ewropew kien attraenti – mudell ibbażat fuq id-demokrazija u fuq id-drittijiet tal-bniedem garantiti mill-osservanza tal-liġi, mill-prosperita’ ekonomika u mis-sistema soċjali. Fis-snin riċenti, qal Dr. Sant, l-UE ma rnexxielhiex tilqa’ għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. Speċjalment mis-sena 2008, l-attivita’ ekonomika fiż-żona ewro staġnat u l-mudell soċjali Ewropew qed ikun mhedded.

Dr. Mario Vella, li indirizza wkoll il-Konferenza, tkellem dwar is-sostenibilita’ ekonomika, soċjali u politika tal-mudell soċjali Ewropew. Huwa qal li l-futur tal-mudell soċjali fl-Ewropa jiddependi ħafna mit-tkabbir ekonomiku biex ikun sostennibbli.

Facebook Comments

Post a comment